
Il-Kummissjoni Ewropea
Stqarrija għall-istampa
Brussell, is-26 ta' Ottubru 2012
Approvazzjoni biex l-ewwel Inizjattiva Ewropea taċ-Ċittadini titħaddem fuq is-servers tal-Kummissjoni stess
Wara ċ-ċertifikazzjoni tas-sistema ta' ġbir onlajn tagħhom (OCS) mill-awtoritajiet Lussemburgiżi, Fraternité 2020 saret l-ewwel Inizjattiva Ewropea taċ-Ċittadini li bdiet tiġbor dikjarazzjonijiet ta' appoġġ fuq is-servers tal-Kummissjoni Ewropea stess. Fraternité 2020 trid “issaħħaħ il-programmi ta' skambju tal-UE – bħall-Erasmus jew is-Servizz Volontarju Ewropew – sabiex jikkontribwixxu għal Ewropa magħquda abbażi ta’ solidarjetà fost iċ-ċittadini”, u kienet l-ewwel Inizjattiva Ewropea taċ-Ċittadini li ġiet irreġistrata mill-Kummissjoni.
Il-Kummissjoni għamlet l-offerta li tospita l- Inizjattivi Ewropej taċ-Ċittadini fuq is-servers tagħha stess f'Lulju, bħala tweġiba radikali għal kwistjonijiet irrappurtati minn uħud mill-organizzaturi biex jinstabu soluzzjonijiet ospitanti adattati u t-twaqqif ta’ sistemi ta' ġbir onlajn. Hija wegħdet li tgħin lill-organizzaturi interessati fl-użu ta’ dan is-servizz li jkollhom is-sistemi tagħhom ta' ġbir onlajn iċċertifikati sabiex ikunu jistgħu jibdew jiġbru d-dikjarazzjonijiet ta' appoġġ kemm jista' jkun malajr.
Minn dakinhar, il-Kummissjoni ħadmet mill-qrib flimkien mal-organizzaturi u l-Ministère de la Fonction publique et de la Réforme administrative - Centre des technologies de l'information de l'Etat (CTIE) fil-Lussemburgu. Is-CTIE hija l-awtorità ta’ ċertifikazzjoni maħtura fil-Lussemburgu, fejn jinsabu s-servers tal-Kummissjoni.
Din il-kooperazzjoni mill-qrib issa kisbet riżultati tanġibbli. L-inizjattiva “Fraternité 2020" iffirmat ftehim ta' ospitazzjoni mal-Kummissjoni u sistema ta' ġbir onlajn ġiet iċċertifikata mis-CTIE, l-aħħar pass qabel il-websajt ta’ ġbir onlajn ta’ dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ għal din l-inizjattiva tkun tista’ tidħol onlajn fuq is-servers tal-Kummissjoni. Il-websajt infetħet illum.
Il-Viċi President Šefčovič iddikjara: "Dan ir-riżultat juri li l-Kummissjoni hija assolutament determinata li tagħmel dan l-istrument ġdid ta’ demokrazija parteċipattiva suċċess. Jien għedt li l-organizzaturi tal-ewwel inizjattivi ma kienu se jiffaċċjaw l-ebda ostaklu insormontabbli biex jingħata bidu għall-inizjattivi tagħhom, u kont qed nitkellem bis-serjetà. Nixtieq nirringrazzja lill-awtoritajiet Lussemburgiżi, b’mod partikolari l-Ministru Octavie Modert. Il-kooperazzjoni eċċellenti tagħhom għenet lill-Kummissjoni biex jitwettaq dan l-impenn."
Is-Sur Luca Copetti, rappreżentant tal-Kumitat taċ-Ċittadini għall-Fraternité 2020 qal: “Ninsabu tassew ferħanin li issa bdejna niġbru dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ għall-inizjattiva tagħna. Ilna ħafna ħerqanin li nippromwovu l-viżjoni tagħna ta’ Ewropa magħquda bbażata fuq solidarjetà fost ċittadini permezz ta’ dan l-istrument il-ġdid ta’ demokrazija transnazzjonali. Bdejna nitħejjew għalih iktar minn sentejn ilu u konna fl-ewwel pożizzjoni meta r-Regolament daħal fis-seħħ. Bħala l-ewwel inizjattiva rreġistrata mill-Kummissjoni, kellna niffaċċjaw ċerti sfidi li ma setgħux ikunu antiċipati. Ninsabu grati li l-Kummissjoni għenitna negħlbu l-isfidi, u li issa nistgħu nikkonċentraw biex noħolqu dibattitu verament Ewropew fuq il-proposti tagħna, li nisperaw jirriżulta fl-ilqigħ tal-livell ta’ appoġġ meħtieġ.”
Il-Ministru Lussemburgiż Octavie Modert qal: “Jiena onorat li niċċertifika l-ewwel sistema ta' ġbir onlajn ta' Inizjattiva Ewropea taċ-Ċittadini fil-Lussemburgu u b’hekk nikkontribwixxu biex nagħtu liċ-ċittadini Ewropej għodda b’saħħitha ta’ demokrazija parteċipattiva fil-livell tal-UE. Ninsab partikolarment kuntent minħabba li din iċ-ċertifikazzjoni hija eżempju ġenwin tal-ħsieb Ewropew, muri permezz ta’ kollaborazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea u s-servizzi tiegħi fis-CTIE. Il-Lussemburgu huwa kburi li qed jospita s-servers għas-sistemi ta' ġbir onlajn u jinsab dispost li joffri s-servizzi tiegħu għal kollaborazzjoni kontinwa mal-Kummissjoni sabiex tiżgura ġestjoni tajba ta’ din l-għodda parteċipattiva u biex toffri soluzzjoni sostenibbli għall-organizzaturi ta’ inizjattivi taċ-ċittadini."
Il-korelaturi tal- Inizjattiva Ewropea taċ-Ċittadini fil-Parlament Ewropew ukoll laqgħu l-aħbar. Is-Sur Alain Lamassoure MPE qal: “Ninsab tassew kuntent li, bis-saħħa tal-isforzi tal-Kummissjoni, il-kundizzjonijiet tekniċi kollha issa huma sodisfatti biex jippermetti liċ-ċittadini biex jieħdu sehem fl-elaborazzjoni tal-liġi tal-UE."
Is-Sinjura Zita Gurmai MPE żiedet: “Qed nieħu pjaċir li l-ewwel Inizjattiva Ewropea taċ-Ċittadini li qatt ġiet irreġistrata issa tinsab lesta biex tibda tiġbor il-firem onlajn. Jien nemmen li d-diskussjoni rrappreżentata f’din l-Inizjattiva Ewropea taċ-Ċittadini se ssaħħaħ b’mod konsiderevoli d-dibattitu Ewropew. Din il-kooperazzjoni fost il-partijiet interessati wriet li fejn hemm ir-rieda, hemm mezz li jingħelbu d-diffikultajiet tekniċi u jien nispera li dan l-ispirtu jkompli jiggwida l-passi ta’ kuljum biex din l-għodda ta' demokrazija parteċipattiva tkun investiment validu għaċ-ċittadini Ewropej.”
Fraternité 2020 hija l-ewwel Inizjattiva Ewropea taċ-Ċittadini li ġiet ospitata fuq is-servers tal-Kummissjoni, iżda mhijiex l-ewwel waħda li bdiet tiġbor dikjarazzjonijiet ta' appoġġ onlajn. Dak l-unur huwa ta’ "Right 2Water", li qed tuża soluzzjoni ta' ospitazzjoni privata. It-tnejn li huma jużaw softwer ta' sistema ta' ġbir onlajn b'sors miftuħ ipprovdut mill-Kummissjoni.
Barra minn hekk, il-Kummissjoni diġà rreġistrat 10 inizjattivi oħra, li erbgħa minnhom diġà ffirmaw ftehim ta' ospitazzjoni mal-Kummissjoni għas-sistemi tagħhom ta' ġbir onlajn u huma mistennija li jkunu jistgħu jibdew jiġbru d-dikjarazzjonijiet ta' appoġġ dalwaqt.
Lista ta’ inizjattivi miftuħa:
http://ec.europa.eu/citizens-initiative/public/initiatives/ongoing?lg=mt
Fraternité2020:
Right2Water:
M&T dwar l-Inizjattivi Ewropej taċ-Ċittadini:
http://europa.eu/rapid/press-release_MEMO-12-235_en.htm
Kuntatti: Marilyn Carruthers (+32 2 299 94 51) Antonio Gravili (+32 2 295 43 17) |