Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Ambjent: Il-Kummissjoni se tirrazzjonalizza r-regoli dwar l-istima tal-impatt tal-proġetti fuq l-ambjent

Commission Européenne - IP/12/1158   26/10/2012

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, is-26 ta' Ottubru 2012

Ambjent: Il-Kummissjoni se tirrazzjonalizza r-regoli dwar l-istima tal-impatt tal-proġetti fuq l-ambjent

Il-Kummissjoni Ewropea llum ippreżentat proposti ġodda li jirrazzjonalizzaw il-leġiżlazzjoni dwar l-istimi tal-impatt fuq l-ambjent. Il-proposti huma maħsuba biex itaffu l-piżijiet amministrattivi u jagħmluha eħfef li jiġu stmati l-impatti potenzjali ta' proġetti kbar, mingħajr ma jdgħajfu s-salvagwardji ambjentali eżistenti. Il-livelli attwali ta' protezzjoni ambjentali se jissaħħu, u n-negozji għandhom jibbenefikaw minn qafas regolatorju aktar armonizzat.

Il-Kummissarju għall-Ambjent, Janez Potočnik, qal: "Għal dawn l-aħħar 25 sena, id-Direttiva dwar l-EIA għenet sabiex tiżgura li l-kunsiderazzjonijiet ambjentali jkunu integrati fit-teħid tad-deċiżjonijiet għall-proġetti. Din tejbet is-sostenibbiltà ta’ għadd enormi ta' proġetti, filwaqt li tat is-setgħa liċ-ċittadini u żgurat li dawn ikunu infurmati u kkonsultati qabel ma jittieħdu d-deċiżjonijiet. Iżda n-nuqqasijiet għandhom jiġu indirizzati, partikolarment dawk li jikkonċernaw il-kwalità tal-proċess tal-istima, sabiex ikun żgurat li l-proġetti li se jaffettwaw l-ambjent ikunu stmati kif xieraq."

Id-Direttiva dwar l-EIA daħlet fis-seħħ aktar minn 25 sena ilu. Din ġiet emendata bosta drabi, iżda, wara konsultazzjoni wiesgħa mal-partijiet interessati, il-Kummissjoni ddeċidiet li wasal iż-żmien għal reviżjoni komprensiva, biex tkun adattata għall-iżviluppi fil-politika u dawk legali u tekniċi. It-tibdiliet qed iħarsu ukoll ’il quddiem, u l-isfidi emerġenti li huma importanti għall-UE kollha kemm hi f'oqsma bħall-effiċjenza fir-riżorsi, it-tibdil fil-klima, il-bijodiversità u l-prevenzjoni tad-diżastri issa se jkunu riflessi fil-proċess tal-istima.

It-tibdiliet proposti jinkludu:

  • Aġġustament tal-proċedura li tiddetermina jekk hijiex meħtieġa stima tal-impatt fuq l-ambjent. Dan se jiżgura li huma biss proġetti b’impatti ambjentali sinifikanti li jkunu soġġetti għal stima bħal din. Proġetti adattati biex inaqqsu l-impatti tagħhom u proġetti fuq skala żgħira b'impatti lokali għandhom jiġu approvati aktar malajr u b’inqas spejjeż, u b'hekk l-awtoritajiet ikollhom aktar żmien biex jiffokaw fuq stimi ta' proġetti kbar b'impatti ambjentali fuq skala kbira.

  • Tisħiħ tar-regoli sabiex jiġi żgurat teħid tad-deċiżjonijiet aħjar u tiġi evitata ħsara ambjentali. Ιmpatti minn proposti alternattivi se jesiġu aktar kunsiderazzjoni sistematika, u l-awtoritajiet kompetenti jkollhom jispjegaw ir-raġunijiet għad-deċiżjonijiet tagħhom b'mod aktar ċar.

  • Razzjonalizzazzjoni tal-istadji differenti tal-proċess tal-EIA, bl-introduzzjoni ta' termini ta' żmien u mekkaniżmu ġdid li jiffaċilita l-proċess meta jkunu meħtieġa bosta stimi u jkunu involuti bosta awtoritajiet. Dawn it-tibdiliet se jwasslu aktar ċertezza legali u jaċċelleraw il-proċess, mingħajr ma jikkompromettu l-kwalità tal-istima.

Il-proposti ta' llum huma r-riżultat ta’ proċess ta’ reviżjoni li inkluda konsultazzjonijiet wesgħin, u studji dwar l-effikaċja tar-regoli eżistenti u l-impatt ta' emendi possibbli.

Il-passi li jmiss

Il-miżuri proposti issa se jiġu kkunsidrati mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill. Ladarba t-test jiġi miftiehem, dan se jsir il-liġi tal-UE.

Sfond

L-għan tad-Direttiva dwar l-EIA huwa li tiżgura li l-proġetti li x'aktarx ikollhom effett sinifikanti fuq l-ambjent ikunu stmati b’mod xieraq qabel ma jiġu approvati. Għaldaqstant, qabel ma tittieħed xi deċiżjoni li tippermetti lil tali proġett biex jipproċedi, għandhom jiġu identifikati u stmati l-impatti possibbli li jista’ jkollu fuq l-ambjent (kemm mill-kostruzzjoni kif ukoll mit-tħaddim tiegħu). L-iżviluppaturi jistgħu mbagħad jaġġustaw il-proġetti biex inaqqsu kemm jista’ jkun l-impatti negattivi qabel ma dawn attwalment iseħħu, jew l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jinkorporaw miżuri (fl-approvazzjoni tal-proġett) biex jevitaw, inaqqsu jew jikkumpensaw għall-impatti ambjentali.

Id-Direttiva tiżgura wkoll il-parteċipazzjoni pubblika fi stadju bikri tal-proċeduri tat-teħid ta’ deċiżjonijiet ambjentali. B’mod partikolari, il-membri tal-pubbliku kkonċernati għandhom jingħataw il-possibbiltà li jikkummentaw filwaqt li l-opzjonijiet kollha jkunu għadhom miftuħa għall-awtorità kompetenti, jiġifieri qabel ma tittieħed id-deċiżjoni finali fuq it-talba għall-iżvilupp. Meta tapprova proġett, l-awtorità kompetenti hija meħtieġa li tinforma lill-pubbliku, inkluż dwar il-miżuri previsti biex jevitaw, inaqqsu jew jikkumpensaw għall-impatti ambjentali.

Għal aktar tagħrif:

http://ec.europa.eu/environment/eia/home.htm

Ara wkoll il-MEMO Q&A MEMO/12/809

Kuntatti :

Joe Hennon (+32 2 295 35 93)

Monica Westeren (+32 2 299 18 30)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site