
Il-Kummissjoni Ewropea
Stqarrija għall-istampa
Brussell, 25 ta' Ottubru 2012
Niġbdu l-attenzjoni: Il-Kummissjoni tniedi applikazzjoni dwar l-ambjent immirata għat-tfal għal smartphones u tablets
Il-Kummissjoni Ewropea nediet applikazzjoni dwar l-ambjent li tista' titniżżel fuq apparati Apple u Android. Zoe Makes a Splash! huwa ktieb diġitali interattiv immirat għat-tfal bejn 7 snin u 11-il sena u jista' jitniżżel b'xejn. L-applikazzjoni tirrakkonta l-istorja ta’ żewġt itfal kurjużi li jiġu murija l-importanza tal-ilma fis-soċjetà. Il-gwida tagħhom hija żrinġ li jaf jitkellem u li javżahom dwar l-impatt tal-ilma mniġġes filwaqt li jurihom kif dan jista' jiġi evitat. Animazzjonijiet divertenti u elementi interattivi jalternaw ma' taqsimiet edukattivi aktar serji fejn l-utenti jistgħu jitgħallmu dwar iċ-ċiklu idroloġiku u t-trattament tal-ilma.
Hija disponibbli wkoll verżjoni onlajn tal-istorja, b'sett ta' noti ta' tagħlim li jinkoraġġixxu attivitajiet ibbażati fuq proġetti fil-klassi.
L-applikazzjoni u l-verżjoni onlajn tagħha huma disponibbli bl-Ingliż, bil-Franċiż, bil-Ġermaniż, bl-Ispanjol, bit-Taljan u bil-Pollakk.
L-isfond
L-applikazzjoni hija mnedija bħala waħda minn bosta inizjattivi relatati mal-ilma.
F'nofs Novembru, il-Kummissjoni se tipproduċi Pjan għall-Ħarsien tar-Riżorsi tal-Ilma tal-Ewropa. Il-pjan biħsiebu jidderiġi l-iżvilupp tal-politika dwar l-ilma sal-2020 filwaqt li jirfina l-politika eżistenti u jindirizza kwalunkwe diskrepanza.
Għadd ta' pubblikazzjonijiet oħra relatati mal-ambjent huma wkoll disponibbli għat-tfal, partikolarment l-istejjer, li għamlu suċċess kbir, ta' Tom u Lila għal tfal bejn 5 u 7 snin (disponibbli hawn). Bejn l-2001 u l-2011 kienu ppubblikati għaxar titli, u ġew distribwiti madwar 2 miljuni madwar l-UE.
Għal aktar tagħrif:
Apple Store:
http://itunes.apple.com/lu/app/zoe-makes-a-splash!/id542684376?mt=8&uo=4
Google Play:
https://play.google.com/store/apps/details?id=com.inuistudio.zoemakesasplash
Verżjoni Onlajn:
http://ec.europa.eu/environment/pubs/children/zoe/index_en.htm
Kuntatti : Joe Hennon (+32 2 295 35 93) Monica Westeren (+32 2 299 18 30) |