Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, il-25 ta' Ottubru 2012

Il-Kummissjoni tilqa’ l-ideat dwar x’għandu jkun is-segwitu għas-summit dinji Rio+20

Is-summit dinji Rio+20 tan-Nazzjonijiet Uniti, li sar f’Rio de Janiero f’Ġunju 2012, kellu l-għan li jiżgura t-tiġdid tal-impenn politiku għall-iżvilupp sostenibbli. Bħala segwitu għall-konferenza, il-Kummissjoni Ewropea tixtieq tiżviluppa azzjonijiet speċifiċi u miżuri konkreti sabiex l-iżvilupp sostenibbli jsir realtà, kemm fl-UE kif ukoll mad-dinja kollha. Qiegħed jitwettaq proċess ta’ konsultazzjoni pubblika sabiex jinġabru l-fehmiet u l-ideat. Dawn għandhom iservu ta’ kontribut għal Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar is-segwitu għar-Rio+20, li mistennija tiġi ppubblikata fl-ewwel tliet xhur tal-2013. Il-konsultazzjoni ser tibqa' miftuħa sal-15 ta' Jannar 2013.

Il-Kummissarju għall-Ambjent, Janez Potočnik, qal: "Rio+20 ma kinetx sempliċi konferenza oħra bħall-oħrajn – minnha ħareġ messaġġ ċar u tond li għandha tittieħed azzjoni sabiex jiġi żgurat futur sostenibbli b’mod globali; din kienet sejħa għal bidla li ttejjeb u ssostni l-kwalità tal-ħajja permezz tal-ħarsien tal-limitazzjonijiet ambjentali ta' din l-unika pjaneta li naqsmu bejnietna. Ir-Rio+20 ta l-impetu inizjali; issa rridu nkunu aħna li nagħmlu l-iżvilupp sostenibbli realtà f’kull parti tad-dinja. Sabiex nagħmlu dan, jeħtieġ li ninvolvu lil kulħadd f’dibattitu dwar il-passi konkreti li għandhom jittieħdu.”

Il-konsultazzjoni pubblika tilqa’ għal suġġerimenti dwar għadd ta’ kwestjonijiet ta’ politika li jikkonċernaw ħames aspetti prinċipali:

1. Politiki li jiffavorixxu l-iżvilupp ta’ ekonomija ekoloġika inklużiva, bħala mezz sabiex jinkiseb l-iżvilupp sostenibbli fl-UE u mad-dinja kollha.

2. L-iffissar ta’ oqsma prijoritarji għat-teħid ta’ azzjoni, bħal ma huma l-eliminazzjoni tal-faqar, l-agrikoltura sostenibbli, l-ilma, l-enerġija sostenibbli, ix-xogħol deċenti għal kulħadd, l-oċeani u s-sajd, u l-konsum u l-produzzjoni sostenibbli, fejn jitqies ukoll il-bżonn li jintużaw miri u indikaturi f’dawn l-oqsma.

3. L-iżvilupp ta’ Miri ta’ Żvilupp Sostenibbli, fejn jiġu kunsidrati d-diversi temi u suġġetti u l-aħjar għamla tagħhom, u jiġu suġġeriti metodi għall-monitoraġġ ta’ kemm dawn il-miri jkunu qed jintlaħqu.

4. Il-kunsiderazzjoni ta’ alternattivi għal Strateġija ta’ Finanzjament ta’ Żvilupp Sostenibbli effikaċi, inkluż dwar il-possibbiltà tal-immobilizzar tar-riżorsi eżistenti u dwar il-metodi li jistgħu jintużaw biex jinkoraġġixxu l-investiment.

5. It-tisħiħ tal-qafas istituzzjonali għall-iżvilupp sostenibbli, fil-kuntest tal-Programm Ambjentali tan-Nazzjonijiet Uniti (UNEP - United Nations Environmental Programme) u l-Forum Politiku ta’ Livell Għoli (HLFP - High Level Political Forum) dwar l-iżvilupp sostenibbli, u r-riċerka għall-metodi ta’ kif tista’ tittejjeb il-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati.

Din il-konsultazzjoni tikkumplimenta l-konsultazzjoni pubblika “Towards a post-2015 development framework”, li ġiet organizzata aktar kmieni din is-sena.

Il-konsultazzjoni tixtieq reazzjonijiet mill-partijiet interessati kollha: iċ-ċittadini, organizzazzjonijiet, l-amministrazzjonijiet pubbliċi, is-settur tal-kummerċ, eċċ.

Il-passi li jmiss

Il-Kummissjoni beħsiebha tippubblika Komunikazzjoni dwar is-segwitu għar-Rio+20 fl-ewwel tliet xhur tal-2013.

L-isfond

Minkejja li sar progress pożittiv biex il-faqar u d-degradazzjoni ambjentali jiġu eliminati, wara żewġ diċennji mill-ewwel 'Summit Dinji' fl-1992, għad baqa’ bosta sfidi globali. Bosta mill-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millenju (MDGs) huma ferm 'il bogħod milli jintlaħqu. Madwar 1.4 biljun persuna għadhom jgħixu f’faqar estrem, u persuna minn kull sitta ma għandhiex biżżejjed x’tiekol. Ir-riżorsi naturali qed jispiċċaw filwaqt li qed ikomplu jiżdiedu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra. Dan joħloq sfida kbira għall-iżvilupp sostenibbli globali.

F’dan il-kuntest, f’Ġunju 2012, il-mexxejja tad-dinja ltaqgħu f’Rio de Janeiro għar-raba’ Summit Dinji ta’ din ix-xorta, biex ifakkru l-20 anniversarju mill-Konferenza tan-NU dwar l-Ambjent u l-Iżvilupp li saret f’Rio fl-1992 u l-10 anniversarju mis-Summit Dinji dwar l-Iżvilupp Sostenibbli li kien sar f’Johannesburg fl-2002. Il-konferenza Rio+20 iffokat fuq żewġ temi li huma marbutin ma’ xulxin: l-ekonomija ekoloġika fil-kuntest tal-iżvilupp sostenibbli u l-eliminazzjoni tal-faqar; u l-qafas istituzzjonali għall-iżvilupp sostenibbli.

Wara negozjati twal, intlaħaq ftehim dwar ir-Rio+20 Outcome document, li kien jinkludi għadd ta’ azzjonijiet u impenji li għandhom jiġu segwiti mill-UE.

Għal aktar tagħrif:

Sabiex tipparteċipa fil-konsultazzjoni pubblika:

http://ec.europa.eu/environment/consultations/rio20_en.htm

Ara wkoll:

http://ec.europa.eu/environment/international_issues/rio20_en.htm

Kuntatti:

Joe Hennon (+32 2 295 35 93)

Monica Westeren (+32 2 299 18 30)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site