Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, l-24 ta' Ottubru 2012

Il-faqar: il-Kummissjoni tipproponi Fond ġdid għall-Għajnuna Ewropea lill-Aktar fil-Bżonn

Il-Kummissjoni Ewropea pproponiet li jitwaqqaf Fond biex jgħin l-aktar persuni fil-bżonn fl-UE. Il-Fond jappoġġja l-iskemi tal-Istati Membri li jipprovdu l-ikel lill-aktar persuni fil-bżonn u ħwejjeġ u oġġetti essenzjali oħra lil persuni bla saqaf u lil tfal bi bżonnijiet materjali. Il-proposta issa tintbagħat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-Ministri tal-Unjoni Ewropea għall-approvazzjoni.

Il-Kummissjoni pprevediet baġit ta' EUR 2.5 biljun għall-Fond matul il-perjodu 2014-2020 bħala parti mill-proposta tagħha ta' Ġunju 2011 għal Qafas Finanzjarju Multiannwali (ara IP/11/799). L-Istati Membri jkunu responsabbli biex iħallsu 15 % tal-ispejjeż tal-programmi nazzjonali tagħhom, filwaqt li l-Fond iħallas il-85 % l-oħra.

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea José Manuel Durão Barroso qal: "Fuq il-livell Ewropew, neħtieġu mekkaniżmi ġodda ta' solidarjetà u riżorsi xierqa biex jgħinu lill-foqra u lil persuni fil-bżonn li ħafna drabi qed jgħixu f'sitwazzjoni reali ta' emerġenza soċjali. Dan huwa l-għan tal-Fond għall-Għajnuna Ewropea lill-Aktar fil-Bżonn li ġie approvat illum"

Skont László Andor, il-Kummissarju Ewropew għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni: "Il-Fond il-ġdid propost se jagħti għajnuna tanġibbli sabiex l-aktar persuni vulnerabbli fl-Ewropa jkunu jistgħu jintegraw fis-soċjetà. Se juri s-solidarjetà Ewropea b'mod konkret fost l-aktar dgħajfa - dawk li ntlaqtu l-agħar mill-kriżi ekonomika u soċjali. Nittama li l-Istati Membri u l-Parlament Ewropew jadottaw malajr din il-proposta, u l-baġit li jakkumpanjaha, sabiex l-għajnuna tasal għand il-persuni fil-bżonn mingħajr dewmien."

B'dan il-Fond propost, l-Istati Membri jkunu jistgħu japplikaw għal finanzjament li jappoġġa programmi operattivi li jkopru l-perjodu 2014-2020 għal skemi li jipprovdu ikel, permezz ta' organizzazzjonijiet imsieħba, lill-aktar persuni fil-bżonn u ħwejjeġ u oġġetti essenzjali oħra (żraben, sapun u xampù) lil persuni bla saqaf u lil tfal bi bżonnijiet materjali.

Il-proposta tagħti flessibilità konsiderevoli lill-awtoritajiet nazzjonali biex jippjanaw u jagħtu l-għajnuna skont l-iskemi nazzjonali tagħhom. Il-kriterji dettaljati biex tiġi allokata l-għajnuna se jkunu r-responsabbiltà tal-Istati Membri, jew anke ta' organizzazzjonijiet imsieħba, peress li huma jinsabu fl-aħjar pożizzjoni biex jimmiraw l-għajnuna għall-ħtiġijiet lokali.

Organizzazzjonijiet imsieħba, ħafna drabi mhux governattivi, ikunu responsabbli biex iwasslu l-ikel jew l-oġġetti lill-aktar persuni fil-bżonn. Sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-koeżjoni soċjali tal-Fond, l-organizzazzjonijiet imsieħba mhux biss iridu jagħtu għajnuna materjali lill-aktar persuni fil-bżonn iżda anke jagħmlu attivitajiet bażiċi mmirati lejn l-integrazzjoni soċjali tagħhom. Il-Fond se jkun jista' jappoġġa wkoll miżuri anċillari bħal dawn.

L-awtoritajiet nazzjonali jkunu jistgħu jużaw il-Fond biex jew jixtru l-ikel jew l-oġġetti u jagħmluhom disponibbli lill-organizzazzjonijiet imsieħba jew jagħtu l-fondi lill-organizzazzjonijiet imsieħba biex jixtru l-ikel jew l-oġġetti huma stess. Il-proposta tipprevedi wkoll il-possibbiltà li jintuża l-ikel maħżun fil-ħażniet ta' intervent, jekk ikun hemm minnhom.

Sfond

L-Istrateġija Ewropa 2020 torbot lill-UE biex tnaqqas in-numru ta' persuni foqra jew li jinsabu fir-riskju tal-faqar b'mill-anqas 20 miljun.

Mill-116-il miljun persuna fl-UE li jinsabu fir-riskju tal-faqar jew l-esklużjoni soċjali, madwar 40 miljun qed ibatu minn tiċħid materjali sever.

Wieħed mill-fatturi ewlenin tat-tiċħid materjali huwa l-inabbiltà li dawn jaċċessew il-kwantitajiet u l-kwalità xierqa tal-ikel. Is-sehem tal-popolazzjoni tal-UE li ma taffordjax tixtri ikla bil-laħam, bit-tiġieġ, bil-ħut (jew ekwivalenti veġetarjana) kull jumejn – xi ħaġa li l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa tiddefinixxiha bħala bżonn bażiku – kien 8.7 % fl-2010, jiġifieri aktar minn 43 miljun persuna. L-ewwel ċifri disponibbli għall-2011 juru li s-sitwazzjoni qed tmur għall-agħar.

Għamla partikolarment severa ta' tiċħid hija l-qagħda ta' persuni bla saqaf, u safejn twassal din il-problema mhux faċli jitkejjel. Madankollu, l-istimi jindikaw li fl-2009 u fl-2010 kien hawn 4.1 miljun persuna bla saqaf fl-Ewropa. U dan l-aħħar żdiedet il-problema ta' persuni bla saqaf minħabba l-impatt soċjali tal-kriżi finanzjarja u ekonomika u minħabba li żdied il-qgħad. Aktar inkwetanti huwa l-fatt li qed jiżdiedu l-persuni bla saqaf li huma familji bit-tfal, żgħażagħ u persuni bi sfond ta' migrazzjoni.

Fl-UE, 25.4 miljun tifel u tifla jinsabu fir-riskju tal-faqar jew tal-esklużjoni soċjali. B'mod globali, it-tfal huma f'riskju akbar tal-faqar jew l-esklużjoni soċjali mill-bqija tal-popolazzjoni (27 % kontra 23 % tal-popolazzjoni kollha). Dan jista' jwassal biex it-tiċħid materjali jmur lil hinn minn malnutrizzjoni. Pereżempju, 5.7 miljun tifel u tifla ma jaffordjawx jixtru ħwejjeġ ġodda u 4.7 miljun m'għandhomx żewġ pari żarbun li jiġuhom sew (inkluż par żarbun għal kull xorta ta' temp). It-tfal li jbatu minn tiċħid materjali għandhom aktar ċans, meta mqabbla ma' sħabhom li jgħixu ħajja aktar komda, li jmorru ħażin fl-iskola, li jbatu b'saħħithom u li ma jirnexxilhomx jilħqu l-potenzjal kollu tagħhom bħala adulti.

L-istrument ewlieni tal-Unjoni li jgħin fil-kapaċità tal-impjiegi, li jiġġieled il-faqar u li jippromwovi l-inklużjoni soċjali huwa u se jibqa' l-Fond Soċjali Ewropew European Social Fund (FSE). Dan l-istrument strutturali jinvesti direttament fil-kompetenzi tan-nies u jimmira li ttejjeb il-valur tagħhom fis-suq tax-xogħol. Madankollu, uħud mill-aktar ċittadini vulnerabbli li jbatu minn għamliet estremi ta' faqar huma ferm 'il bogħod mis-suq tax-xogħol biex ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-miżuri ta' inklużjoni soċjali tal-Fond Soċjali Ewropew.

Sa mill-1987, l-MDP tal-UE Food Distribution programme for the Most Deprived People kien sors importanti ta' fornimenti għall-organizzazzjonijiet li jaħdmu f'kuntatt dirett mal-persuni l-anqas ixxurtjati billi jipprovdulhom l-ikel. Bħalissa dan il-programm iqassam madwar 500 000 tunnellata ta' ikel fis-sena għall-ġid ta' persuni fil-bżonn. Dan inħoloq biex il-prodotti agrikoli li jibqgħu żejda jintużaw tajjeb. Peress li huma mistennija li jonqsu l-ħażniet ta' intervent u peress li dawn huma imprevedibbli ħafna għall-perjodu 2011-2020, minħabba r-riformi suċċessivi tal-Politika Agrikola Komuni, l-MDP mhux se jitkompla fi tmiem l-2013. Il-Fond propost għall-Għajnuna Ewropea lill-Aktar fil-Bżonn se jieħu post l-MDP u se jkun fih aktar titjib.

Għal aktar tagħrif

Ara MEMO/12/800

http://ec.europa.eu/avservices/video/player.cfm?sitelang=en&ref=89044

http://ec.europa.eu/avservices/photo/photoByReportageNews.cfm?rid=8324&sitelang=en

Żur il-websajt ta' László Andor: http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/andor/

L-aħħar Reviżjoni ta' Kull Tliet Xhur tal-Qagħda Soċjali u tax-Xogħol fl-Ewropa:

http://ec.europa.eu/social/main.jsp?langId=en&catId=89&newsId=1668&furtherNews=yes

Abbona mingħajr ħlas fil-bullettin bl-email tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-impjiegi, l-affarijiet soċjali u l-inklużjoni: http://ec.europa.eu/social/e-newsletter

Segwi lil László Andor fuq Twitter: http://twitter.com/LaszloAndorEU

Kuntatti:

Jonathan Todd (+32 2 299 41 07)

Nadège Defrère (+32 2 296 45 44)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site