Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni tipproponi li jingħata l-permess għall-kooperazzjoni msaħħa għal taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji

European Commission - IP/12/1138   23/10/2012

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, it-23 ta' Ottubru 2012

Il-Kummissjoni tipproponi li jingħata l-permess għall-kooperazzjoni msaħħa għal taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji

Il-11-il Stat Membru li jixtiequ japplikaw taxxa tal-UE fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji (FTT) permezz tal-kooperazzjoni msaħħa għandhom jitħallew jagħmlu dan, minħabba li ntlaħqu l-kundizzjonijiet ġuridiċi kollha għal azzjoni bħal din. Hekk tikkonkludi l-proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill adottata llum mill-Kummissjoni. Barra minn hekk, il-proposta tistqarr li l-kooperazzjoni msaħħa dwar l-FTT mhux biss iġib "vantaġġi tanġibbli u immedjati" għal dawk il-pajjiżi li jipparteċipaw, iżda għandha wkoll tikkontribwixxi għall-funzjonament aħjar tas-Suq Uniku għall-Unjoni kollha kemm hi.

Fi kliem il-President Barroso: “Kuntent li 11-il Stat Membru indikaw ir-rieda tagħhom li jipparteċipaw f'FTT komuni fuq il-linji tal-proposta oriġinali tal-Kummissjoni. Din it-taxxa tista' tiġbor biljuni ta' euro fi dħul tant meħtieġ għall-Istati Membri f'dawn iż-żminijiet diffiċli. Din kwistjoni ta' ġustizzja: irridu niżguraw li l-ispejjeż tal-kriżi jinġarru mis-settur finanzjarju minflok miċ-ċittadini komuni."

Algirdas Šemeta, il-Kummissarju għat-Tassazzjoni, qal: "FTT komuni għandha benefiċċji għall-UE kollha, anki jekk ma tiġix applikata kullimkien fl-Unjoni. Se toħloq Suq Uniku aktar b'saħħtu u aktar koeżiv u tikkontribwixxi għal settur finanzjarju aktar stabbli. Sadanittant, dawk l-Istati Membri li deħlin għal din it-taxxa se jirbħu dħul ġdid u sistemi tat-taxxa aktar ġusti li jwieġbu għat-talbiet taċ-ċittadini. Wegħedt reazzjoni mill-aktar rapida għal meta kellu jasal il-waqt li l-Kummissjoni tirreaġixxi, u dan hu li dak li qed nippreżentaw illum. Issa nħeġġeġ lill-Parlament u l-Kunsill iżommu r-ritmu u malajr jagħtu l-approvazzjoni tagħhom biex l-Istati Membri li esprimew ir-rieda li jdaħħlu FTT tal-UE ikunu jistgħu jibdew iwettqu l-ħsieb tagħhom "

Fl-aħħar ftit ġimgħat, 11-il Stat Membru 1 bagħtu talbiet uffiċjali lill-Kummissjoni għal kooperazzjoni msaħħa dwar FTT. Kollha kkwotaw il-proposta tal-Kummissjoni għal FTT bħala l-bażi li fuqha xtaqu jipproċedu (ara IP/11/1085). Malli ntlaħaq l-għadd minimu meħtieġ ta' Stati Membri li daħal għal din it-taxxa, il-Kummissjoni minnufih bdiet tistħarreġ dawn it-talbiet sabiex tiżgura li kienu jissodisfaw il-kundizzjonijiet għal kooperazzjoni msaħħa kif stabbilit fit-Trattati. Dan għamlitu b'imparzjalità sħiħa, u ħarset lejn l-impatt fuq l-Istati Membri parteċipanti u mhux, kif ukoll fuq l-UE fis-sħuħija tagħha. Dan fisser li wieħed jara, pereżempju, li l-kooperazzjoni msaħħa f’dan il-qasam tmexxi 'l quddiem l-għanijiet u l-interessi tal-UE, ma timminax is-Suq Uniku, u li tirrispetta d-drittijiet, il-kompetenzi u l-obbligi tal-Istati Membri li ma jipparteċipawx (ara Memo/12/799 għal deskrizzjoni sħiħa tal-kundizzjonijiet). Barra minn hekk, kull Stat Membru li jkun jixtieq jissieħeb fi stadju aktar tard jista' jagħmel dan bl-istess kundizzjonijiet tal-Istati Membri li pparteċipaw mill-bidu. Il-Kummissjoni kkonkludiet, permezz tad-Deċiżjoni tal-lum, li l-kundizzjonijiet ġuridiċi kollha huma ssodisfati u li l-Istati Membri li jridu jimxu 'l quddiem b’FTT tal-UE għandhom jitħallew jagħmlu dan.

Il-proposta tal-lum turi kif FTT komuni applikata minn grupp ta’ Stati Membri tkun kemm f'waqtha kif ukoll ta' ġid. L-ewwel nett, issaħħaħ is-Suq Uniku billi tnaqqas il-kumplessitajiet u d-distorsjonijiet kompetittivi li joħorġu minn taħlita ta' approċċi nazzjonali differenti. In-negozji madwar is-27 Stat Membru kieku jibdew igawdu minn anqas spejjeż tal-konformità u ċertezza ġuridika akbar jekk tiġi applikata sistema uniformi minn porzjon sinifikanti tas-suq tal-UE. It-tieni, l-FTT tiżgura kontribut aktar ġust mis-settur finanzjarju lill-finanzi pubbliċi. Toħloq kundizzjonijiet aktar ekwi bejn is-settur finanzjarju u setturi oħra biex jiġu koperti l-ispejjeż tal-kriżi. Fl-aħħar nett, FTT komuni tagħmel lis-swieq finanzjarji aktar effiċjenti, billi tidderiġihom lil hinn min-negozju stil tal-azzard għal attivitajiet aktar stabbli li jsostnu l-ekonomija reali.

Il-passi li jmiss

Il-proposta tal-lum għal Deċiżjoni tal-Kunsill hija pass proċedurali importanti fil-proċess tal-kooperazzjoni msaħħa. Għandha tiġi adottata b'maġġoranza kwalifikata tal-Istati Membri, u tirċievi l-kunsens tal-Parlament, biex il-[11-il] Stat Membru jkunu jistgħu jmexxu bil-proposta. Aktar tard matul is-sena, il-Kummissjoni biħsiebha tressaq il-proposta sostantiva dwar l-armonizzazzjoni tal-FTT, għal diskussjoni u adozzjoni mill-Istati Membri parteċipanti. Dik il-proposta se tkun essenzjalment fuq il-linji tal-proposta oriġinali tal-FTT imressqa mill-Kummissjoni f'Settembru 2011, kif mitlub mill-Istati Membri fl-ittri tagħhom. Madankollu, il-Kummissjoni se teżamina bir-reqqa jekk humiex meħtieġa xi aġġustamenti biex jirriflettu l-għadd iżgħar ta' Stati Membri li jkunu qed japplikawha.

Sfond

F'Settembru 2011, il-Kummissjoni ressqet proposta għal sistema komuni ta’ taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji, bil-għan li ttejjeb il-funzjonament tas-suq intern f'dan il-qasam. Barra minn hekk, ġie stmat li taxxa armonizzata tiġġenera EUR 57 biljun fi dħul kull sena, u b'hekk tiżgura kontribut ġust mis-settur finanzjarju lill-finanzi pubbliċi, tikkontribwixxi għal negozju finanzjarju aktar responsabbli u tippermetti approċċ koerenti għat-tassazzjoni ta’ dan is-settur fis-Suq Uniku.

Wara diskussjonijiet intensi dwar dan il-fajl, kien hemm kunsens fil-laqgħat tal-ECOFIN f'Ġunju u Lulju tal-2012 li l-unanimità ma kinitx se tintlaħaq fi żmien raġonevoli. Ġa dak iż-żmien, kien hemm qalba qawwija ta' Stati Membri li esprimew interess li jipproċedu b'sistema komuni ta' FTT permezz ta' koperazzjoni msaħħa.

Fit-28 ta’ Settembru 2012, eżattament sena wara li tressqet il-proposta inizjali tal-Kummissjoni, Franza u l-Ġermanja bagħtu ittra lill-Kummissarju Šemeta, fejn talbu uffiċjalment biex tiġi awtorizzata l-koperazzjoni msaħħa, fuq il-bażi tal-proposta tal-Kummissjoni. Dan kien segwit minn ittri simili mill-Awstrija, il-Belġju, il-Greċja, l-Italja, il-Portugall, is-Slovakkja, is-Slovenja u Spanja. Skont it-Trattati, minimu ta' 9 Stati Membri huwa meħtieġ biex titħalla sseħħ il-kooperazzjoni msaħħa. Dan il-minimu ntlaħaq.

Għal iktar tagħrif, ara wkoll MEMO/12/799.

Għat-test sħiħ tad-Deċiżjoni, ara:

http://ec.europa.eu/taxation_customs/taxation/other_taxes/financial_sector/index_en.htm

Il-sit elettroniku tal-Kummissarju Algirdas Šemeta, il-Kummissarju tal-UE responsabbli għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali, il-Verifika u l-Ġlieda kontra l-Frodi: http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/semeta/index_en.htm

Kuntatti :

Emer Traynor (+32 2 292 1 5 48)

Natasja Bohez Rubiano (+32 2 296 64 70)

1 :

DE, FR, AU, BE, PT, SI, EE, EL, IT, ESP, SK


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website