Navigation path

Left navigation

Additional tools

Nemendaw il-baġit tal-UE għall-istudenti, ix-xjenzati, l-NGOs, in-negozji u r-reġjuni tal-Ewropa

European Commission - IP/12/1137   23/10/2012

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, 23 ta' Ottubru 2012

Nemendaw il-baġit tal-UE għall-istudenti, ix-xjenzati, l-NGOs, in-negozji u r-reġjuni tal-Ewropa

Illum il-Kummissjoni adottat baġit emendatorju li jippermettilha tissodisfa l-obbligi legali tagħha lejn il-benefiċjarji tal-fondi tal-UE. Dan huwa konformi mal-istqarrija konġunta li l-Kunsill u l-Parlament Ewropew adottaw dakinhar li ġie adottat il-baġit tal-UE għall-2012 li stieden lill-Kummissjoni biex titlob aktar flus ”f'baġit emendatorju jekk l-approprjazzjonijiet imdaħħla fil-baġit tal-2012 ma jkunux biżżejjed biex ikopru l-infiq".

Issa li stampa tal-implimentazzjoni tal-baġit għall-2012 hija aktar kompleta, il-Kummissjoni tistma li żieda ta' 9.0 biljuni hija meħtieġa sabiex tkopri l-kontijiet li jkunu deħlin u taqdi l-obbligi kuntrattwali u legali, l-aktar f'oqsma essenzjali għat-tkabbir u l-impjiegi fl-Ewropa.

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea José Manuel Barroso qal: "Hawnhekk mhux qed nitkellmu dwar li l-Kummissjoni titlob aktar flus iżda dwar l-Istati Membri li jitolbu għal iktar flus biex ikunu jistgħu jonoraw l-impenji li għamlu: li jipprovdu finanzjament mingħajr interruzzjoni lill-istudenti fil-programm Erasmus jew lir-reġjuni iktar fqar permezz tal-Fondi ta’ Koeżjoni. Dawn il-pagamenti huma essenzjali biex tingħata spinta lit-tkabbir u jinħolqu l-impjiegi madwar l-UE."

"Jien wissejt kemm-il darba li t-tnaqqis bla heda fil-baġit propost eventwalment se joħloq problema kbira,” qal il-Kummissarju tal-UE għall-ipprogrammar finanzjarju u l-baġit Janusz Lewandowski. “Issa wasal il-waqt. Is-sitwazzjoni tagħna ma tippermettilniex inwettqu l-impenji miftiehma. Il-Kunsill u l-Parlament Ewropew issa jridu jerfgħu ir-responsabbiltajiet tagħhom għaliex ivvotaw għal baġit tal-UE taħt il-ħtiġijiet tagħha. Peress li n-nuqqas ta’ fondi huwa l-aktar fl-oqsma tal-edukazzjoni, ix-xjenza u r-riċerka, l-impjiegi u l-iżvilupp reġjonali, jiena ċert li dawn mhux se jikkontradixxu d-dikjarazzjonijiet preċedenti tagħhom li l-Ewropa teħtieġ tinvesti fit-tkabbir; ninsab kunfidenti li se jonoraw id-dikjarazzjoni konġunta tagħhom bis-sħiħ u se jiżguraw approvazzjoni rapida għal dan il-baġit aġġornat. Dan mhuwiex baġit emendatorju għall-istituzzjonijiet tal-UE; huwa wieħed għall-istudenti, ix-xjenzati, l-NGOs, in-negozji u oħrajn tal-Ewropa li għalhom il-baġit tal-UE jagħmel differenza kuljum."

Il-programm Erasmus jeħtieġ EUR 90 miljun oħra għaliex hemm ir-riskju li jkollu jitnaqqas b’mod sostanzjali l-għadd ta’ postijiet offruti lill-istudenti jew jitnaqqas il-livell tal-għotjiet li jingħatawlhom; dan ovvjament se jolqot l-iktar lil studenti minn ambjenti żvantaġġati.

Għall-programmi ta’ riċerka il-Kummissjoni teħtieġ ammont ulterjuri ta' EUR 423 miljun parzjalment sabiex tħallas fil-ħin u tevitaw interessi fuq ħlasijiet imdewma. Parti oħra ta' dan il-finanzjament addizzjonali hija biex tkopri ħlasijiet ta' prefinanzjament fuq proġetti li għalihom diġà ġew iffirmati l-ftehimiet. Jekk ma jiġux rispettati l-iskadenzi jkollna nipposponu milli jingħata bidu għal proġetti li huma essenzjali għall-kompetittività futura tal-Ewropa f’dinja globalizzata.

Minkejja dan, l-ogħla ammonti huma mitluba għar-reġjuni tal-Ewropa skont il-politika ta' koeżjoni u l-iżvilupp rurali: madwar EUR 8,3 biljuni ta’ ħlasijiet supplimentari. Dawn il-proġetti kollha jtejbu l-ħajja taċ-ċittadini tal-UE billi jagħtuhom ħiliet aħjar, prospetti aħjar ta’ impjieg inkella billi joħolqu l-infrastrutturi tat-trasport u l-enerġija.

L-impatt ta' dan il-baġit emendatorju fuq il-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri tal-UE madankollu se jittaffa minħabba żieda fid-dħul għall-baġit tal-UE minn sorsi oħra: EUR 3,1 biljuni ta' dħul addizzjonali l-aktar minn multi fil-qasam tal-politika tal-kompetizzjoni u penali oħra. L-effett nett għall-Istati Membri għalhekk jammonta għal EUR 5.9 biljuni.

Informazzjoni dwar il-kuntest:

L-implimentazzjoni tal-baġit fil-livell tal-UE hija differenti minn dik fuq livell nazzjonali minħabba li l-baġit tal-UE huwa essenzjalment baġit operazzjonali b’infiq amministrattiv limitat ħafna (5.8%). Il-baġits annwali huma traduzzjoni tal-qafas finanzjarju pluriennali attwali (2007-2013). Programmi pluriennali jieħdu diversi snin biex jilħqu l-veloċità ideali ta’ andament tagħhom u jilħqu l-implimentazzjoni totali lejn tmiem il-perjodu. Għalhekk mhix ħaġa tal-iskantament li proġetti ffinanzjati mill-UE madwar l-Ewropa akkumulaw il-veloċità u issa l-kuntratti ffirmati jridu jiġu mħallsa. Minkejja dan l-aħħar l-baġits tal-UE ġew adottati f'livelli ferm taħt l-estimi tal-Kummissjoni. Barra minn hekk, EUR 5 biljuni ta' talbiet għall-pagamenti waslu fi tmiem l-aħħar sena u ma setgħux jiġu koperti fl-2011. Din is-somma kellha tintiret bħala piż addizzjonali fuq il-baġit tal-2012 li kien diġa mnaqqas.

Mistoqsijiet frekwenti dwar l-Erasmus u l-baġit tiegħu

Kuntatti:

Patrizio Fiorilli (+32 2 295 81 32)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website