Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, it-23 ta' Ottubru 2012

Il-Kummissjoni tistabbilixxi pjan ta' azzjoni għal-logħob tal-azzard online

Il-logħob tal-azzard onlajn huwa wieħed mill-aktar attivitajiet ta' servizz li qed jikber b'rata mgħaġġla fl-UE, b’rati ta' tkabbir annwali ta' kważi 15% u dħul annwali fl-2015 stmat għal €13-il biljun. Qed ikompli jiżviluppa id f'id mal-progress mgħaġġel tat-teknoloġija online. Is-servizzi tal-logħob tal-azzard fuq l-internet ikopru firxa ta’ logħob tax-xorti bħall-imħatri fuq l-isports u l-poker, il-każinò u l-lotteriji, b'6.8 miljun konsumaturi li jipparteċipaw f'wieħed jew aktar tipi ta' logħob tal-azzard online. Madankollu, hemm ukoll eluf ta' siti elettroniċi tal-logħob tal-azzard li mhumiex regolati, sikwit minn barra l-UE, li l-konsumaturi huma esposti għalihom u li jġorru riskji sinifikanti bħall-frodi u l-ħasil tal-flus.

Il-logħob tal-azzard online fl-UE huwa kkaratterizzat minn regoli nazzjonali differenti. Minkejja l-obbligu tagħhom li jikkonformaw mar-regoli tal-UE, l-Istati Membri jistgħu tabilħaqq jirrestrinġu jew jillimitaw il-forniment ta' kull jew xi tipi ta' servizzi tal-logħob tal-azzard online fuq il-bażi ta' għanijiet ta' interess pubbliku li jfittxu li jipproteġu fir-rigward tal-logħob tal-azzard. Għadd dejjem akbar ta’ Stati Membri qed jippruvaw jindirizzaw l-isfidi li qed jiffaċċjaw u qegħdin jirrevedu r-regolamenti u l-prattiċi nazzjonali tagħhom. Madankollu, il-kwistjonijiet regolatorji, soċjali u tekniċi prevalenti fl-UE ma jistgħux jiġu indirizzati b’mod adegwat mill-Istati Membri individwalment. Dan hu veru speċjalment minħabba id-dimensjoni transfruntiera tal-logħob tal-azzard online.

Illum il-Kummissjoni qed tikxef pjan ta' azzjoni, b'sensiela ta' inizjattivi tul is-sentejn li ġejjin maħsuba biex jiċċaraw ir-regolamentazzjoni tal-logħob tal-azzard fuq l-internet u biex iħeġġu l-koperazzjoni bejn l-Istati Membri.

Il-Kummissarju għas-Suq Intern u s-Servizzi, Michel Barnier, qal: "Il-konsumaturi, iżda b’mod aktar wiesa’ ċ-ċittadini kollha, għandhom ikunu protetti b'mod xieraq. Għandu jkun hemm prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u l-frodi, l-isport għandu jiġi ssalvagwardjat kontra l-irranġar tal-logħob marbut mal-imħatri, u r-regoli nazzjonali għandhom jikkonformaw mal-liġi tal-UE. Dawn huma l-għanijiet tal-pjan ta’ azzjoni li adottajna llum ".

L-elementi ewlenin tal-Komunikazzjoni

Il-Kummissjoni mhijiex qed tipproponi leġiżlazzjoni għall-UE kollha dwar il-logħob tal-azzard online. Qed tipproponi sett komprensiv ta' azzjonijiet u prinċipji komuni dwar il-protezzjoni.

Filwaqt li l-Istati Membri huma fil-prinċipju ħielsa li jiffissaw l-għanijiet tal-politika tagħhom dwar il-logħob tal-azzard fuq l-internet, l-iżgurar tal-konformità tal-liġi nazzjonali mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE (TFUE) huwa prerekwiżit għal politika tal-UE ta' suċċess dwar il-logħob tal-azzard online. Il-Kummissjoni din is-sena se tistabbilixxi grupp ta' esperti sabiex tiffaċilita l-iskambji bejn l-Istati Membri tal-esperjenza dwar ir-regolamentazzjoni . Dan imbagħad jgħin biex jiġi żviluppat settur tal-logħob tal-azzard online fl-UE aktar sikur, li jgħin lill-konsumaturi jżommu 'l bogħod minn siti mhux regolati.

It-tfal u gruppi vunnerabbli oħra għandhom bżonn il-protezzjoni billi 75% taċ-ċittadini tal-UE taħt l-età ta’ 17-il sena jużaw l-internet. Il-Kummissjoni qed tinkoraġġixxi l-iżvilupp ta' għodod ġodda ta' verifika tal-età u ta' filtraġġ tal-kontenut online Qed tistinka wkoll għal reklamar aktar responsabbli u aktar sensibilizzazzjoni tal-ġenituri dwar il-perikli assoċjati mal-logħob tal-azzard.

Minbarra l-ħarsien tal-minuri mill-esponiment, hemm ir-responsabbiltà li jitħarsu dawk iċ-ċittadini u l-familji li diġà sofrew minn dipendenza fuq il-logħob tal-azzard (bejn 0.5-3% tal-popolazzjoni) jew forom oħra ta' disturbi relatati billi jinstabu metodi effettivi ta' kura u prevenzjoni. Għal dan hemm bżonn fehim aħjar tal-kawżi sottostanti.

Għan importanti ieħor huwa li jkun hemm prevenzjoni u tgerrix tal-frodi u l-ħasil tal-flus permezz tal-logħob tal-azzard online. Minħabba n-natura transfruntiera, l-Istati Membri individwali ma jistgħux japplikaw b’mod effettiv mekkaniżmi ta' kontra l-frodi. Huwa meħtieġ metodu li jgħaqqad l-UE, l-Istati Membri u l-industrija biex il-problema tiġi affronta mill-angoli kollha.

Huwa meħtieġ livell għoli ta' kooperazzjoni, b’mod partikolari biex tiġi ssalvagwardjata l-integrità tal-isport. L-irranġar tal-logħob marbut mal-imħatri jmur kontra n-natura proprja tal-fair play u tal-kompetizzjoni li jagħtu tifsira lill-isport. Il-Kummissjoni ser tiġġilidlu billi tippromwovi skambji ta' informazzjoni aktar rapidi, mekkaniżmi ta' kxif, u kooperazzjoni globali fuq il-livell nazzjonali u internazzjonali bejn il-partijiet interessati, l-operaturi u r-regolaturi ħalli tippreserva l-integrità tal-attivitajiet sportivi tagħna, kif ukoll edukazzjoni aħjar u sensibilizzazzjoni akbar min-naħa tal-isportivi.

F’termini konkreti, il-Kummissjoni se tadotta tliet Rakkomandazzjonijiet indirizzati lill-Istati Membri, jiġifieri fuq i) il-protezzjoni komuni tal-konsumaturi, ii) reklamar responsabbli tal-logħob tal-azzard u iii) il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-irranġar tal-logħob marbut mal-imħatri.

Miżuri oħra jipprevedu, fost l-oħrajn, appoġġ għall-klassifikazzjoni u l-ittestjar tal-għodod għall-kontroll mill-ġenituri; l-estensjoni tal-kamp tal-applikazzjoni tad-direttiva dwar il-ħasil tal-flus; il-promozzjoni ta' koperazzjoni internazzjonali għall-prevenzjoni tal-irranġar tal-logħob.

L-Istati Membri huma wkoll imħeġġa biex, pereżempju, iwettqu stħarriġ u ġbir ta' dejta dwar disturbi assoċjat mal-logħob tal-azzard; li jippromwovu t-taħriġ tal-ġudikatura dwar il-frodi u l-ħasil tal-flus u jistabbilixxu punti ta' kuntatt nazzjonali li jġibu flimkien l-atturi kollha involuti fil-ġlieda kontra l-irranġar tal-logħob.

L-isfond u l-passi li jmiss

Il-Komunikazzjoni tal-lum hija s-segwitu għall-konsultazzjoni tal-Green Paper li saret is-sena l-oħra (ara IP/11/358).

L-ewwel laqgħa tal-grupp tal-esperti mal-Istati Membri hija prevista għal Diċembru 2012, u fl-2013 il-Kummissjoni se torganizza konferenza mal-partijiet interessati.

Il-Kummissjoni se tevalwa l-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni u tivvaluta l-progress miksub madwar l-UE sentejn wara l-adozzjoni tal-Komunikazzjoni.

Mil-lum, il-Kummissjoni se tibgħat talbiet għall-informazzjoni lill-Istati Membri li kontrihom ilhom miftuħa sa mill-2008 każijiet ta' ksur sabiex ikollha aġġornament sħiħ u preċiż dwar l-aħħar żviluppi fil-leġiżlazzjoni nazzjonali. L-informazzjoni se tintalab ukoll minn dawk l-Istati Membri li ġie rreġistrat ilment kontrihom. Il-Kummissjoni tittama li l-kooperazzjoni tal-Istati Membri twassal għal riżoluzzjoni f'waqtha u sodisfaċenti fir-rigward tal-kompatibilità tal-miżuri nazzjonali mal-liġi eżistenti tal-UE.

Ara wkoll MEMO/12/798

Għal aktar informazzjoni

Il-Komunikazzjoni u d-dokument ta' ħidma tal-persunal li jakkumpanjah, kif ukoll sinteżi tat-tweġibiet għall-konsultazzjoni pubblika dwar il-Green Paper huma disponibbli fuq is-sit elettroniku tal-Kummissjoni:

http://ec.europa.eu/internal_market/services/gambling_en.htm

Kuntatti:

Stefaan De Rynck (+32 2 296 34 21)

Carmel Dunne (+32 2 299 88 94)

Audrey Augier (+32 2 297 16 07)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site