Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, 23 Ottubru 2012

L-Ambjent: L-UE tiċċelebra 20 sena ta’ LIFE u ħarsien tan-natura

Ċelebrazzjoni doppja f’Genk, il-Belġju kkommemorat l-20 sena mill-istabbiliment ta’ żewġ sisien fundamentali tal-politika ambjentali tal-UE. Issa għaddew għoxrin sena minn mindu l-UE adottat id-Direttiva dwar il-Ħabitats, waħda mill-elementi importanti ta’ Natura 2000, in-netwerk Ewropew ta' żoni protetti. LIFE, l-istrument ta’ finanzjament għall-ambjent tal-UE, ukoll qed jiċċelebra 20 sena.

Waqt ċerimonja biex tfakkar l-avveniment, il-Kummissarju għall-Ambjent Janez Potočnik qal: “Natura 2000, li jinkludi aktar minn 26,000 sit u li jkopri kważi għoxrin fil-mija mit-territorju tal-art tagħna, b'żoni tal-baħar sinifikanti, huwa l-akbar netwerk koordinat ta' żoni mħarsa fid-dinja. Dan huwa suċċess straordinarju li nafuh lid-Direttiva dwar il-Ħabitats. Il-Programm LIFE ukoll kien suċċess kbir. Matul l-aħħar 20 sena żamm fil-mira tiegħu madwar 400 speċi, li ħafna minnhom illum il-ġurnata jgawdu minn status ta’ konservazzjoni favorevoli. L-Ewropej kollha għandhom biex ikunu kburin b’dawn ir-riżultati."

Id-Direttiva dwar il-Ħabitats hija l-iktar inizjattiva ambizzjuża li qatt ittieħdet għall-konservazzjoni tal-bijodiversità tal-Ewropa. Il-gvernijiet tal-UE adottaw il-leġiżlazzjoni fl-1992 fost tħassib dejjem jikber dwar it-telfien dejjem jiżdied tal-bijodiversità. Flimkien mad-Direttiva dwar l-Għasafar, din id-Direttiva tistabbilixxi l-qafas għall-konservazzjoni tan-natura madwar l-Unjoni, fuq skala tassew Ewropea. Id-Direttiva tħares aktar minn 1000 speċi ta’ annimal u pjanta u aktar minn 200 tip ta’ ħabitat ta' importanza għall-konservazzjoni fl-Ewropa inkluż foresti, mergħat, u artijiet mistagħdra.

Natura 2000, network ekoloġiku pan-Ewropew ta’ siti protetti mfassal biex jitħarsu l-ispeċijiet u l-ħabitats fl-ambjent naturali tagħhom madwar l-Unjoni, huwa konsegwenza diretta tal-leġiżlazzjoni. In-netwerk issa għoddu huwa komplet u jkopri żona daqs il-Ġermanja, il-Polonja u r-Repubblika Ċeka f’daqqa. Is-siti ta’ Natura 2000 mhumiex limitati għal riservi naturali, iżda huma bbażati fuq kunċett ħafna usa' ta' konservazzjoni u użu sostenibbli - żoni fejn il-bniedem jaħdem flimkien man-natura.

LIFE, il-fond tal-UE għall-ambjent, ikkontribwixxa aktar minn EUR 1.2 biljun għall-ġestjoni u r-restawr ta’ aktar minn 2000 sit ta’ Natura 2000 madwar l-UE. Matul l-aħħar 20 sena ż-żewġ taqsimiet tal-fond - LIFE Natura u LIFE Politika u Governanza Ambjentali – ikkofinanzjaw 3 685 proġett b’madwar EUR 2.8 biljun mill-baġit tal-UE. Il-fiduċja f'dawn l-inizjattivi u l-appoġġ għalihom taw lok għal EUR 3.8 biljun ulterjuri għal bosta skemi ta’ titjib tal-ambjent u biex dawk il-kisbiet jiġu kkomunikati lil udjenza usa’.

Sfond

Aktar minn 26,000 sit huma inklużi fin-netwerk Natura 2000. Xi wħud jinsabu f'żoni remoti iżda huma parti integrali mill-kampanja tagħna u jinkludu firxa ta' ħabitats differenti, żoni ta' lqugħ u elementi oħra tal-pajsaġġ. Natura 2000 tħares iż-żoni Ewropej li għandhom valur għoli ta' bijodiversità, iżda ssostni wkoll l-għajxien tal-bdiewa, tal-forestiera, tas-sajjieda u ta’ utenti oħra li jgħixu f’dawn iż-żoni u li jħarsu dan il-kapital naturali kritiku.

L-investimenti f’Natura 2000 għandhom potenzjal sostanzjali fil-kontribut għal tkabbir sostenibbli u l-ħolqien ta' impjiegi, speċjalment f’żoni rurali u anqas żviluppati.

L-iżgurar ta’ ekosistemi sani permezz tal-ġestjoni ta’ Natura 2000 jikkontribwixxi wkoll għal objettivi ta’ adattament u ta’ mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima.

L-isem LIFE ġej mill-akronimu Franċiż: L’Instrument financier pour l’environnement (Strument Finanzjarju għall-Ambjent). Aktar minn 300 avveniment tal-20 anniversarju ta’ LIFE qed iseħħu din is-sena, organizzati minn proġetti LIFE tal-passat u tal-preżent. L-avvenimenti ta' disseminazzjoni jvarjaw minn Kamp tal-Għid LIFE għat-tfal (Spanja), Fiera reġjonali tal-Fjuri (il-Greċja), sa Kunċert taż-Żrinġijiet taħt dawl il-qamar (il-Ġermanja). Għal aktar tagħrif dwar aktar minn 300 avveniment LIFE, ara l-kalendarju tal-20 anniversarju ta’ LIFE.

Ara wkoll:

Rigward id-Direttiva dwar il-Ħabitats, ara l-ktejjeb ta’ ċelebrazzjoni:

http://ec.europa.eu/environment/nature/pdf/20yrs_brochure.pdf

Rigward LIFE, ara The Voices of LIFE, ktejjeb ta’ ċelebrazzjoni:

http://ec.europa.eu/environment/life/publications/lifepublications/lifefocus/documents/20Years.pdf

Għal filmat awdjoviżiv taċ-ċelebrazzjoni tal-lejl li għadda, ara Europe by Satellite

http://ec.europa.eu/avservices/ebs/schedule.cfm?page=1

Kuntatti :

Joe Hennon (+32 2 295 35 93)

Monica Westeren (+32 2 299 18 30)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site