Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Aċċess aktar mgħaġġel u aktar issimplifikat għall-fondi tal-UE għal negozji, bliet, reġjuni u xjentisti Ewropej

Commission Européenne - IP/12/1133   29/10/2012

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, id-29 ta’ Ottubru 2012

Aċċess aktar mgħaġġel u aktar issimplifikat għall-fondi tal-UE għal negozji, bliet, reġjuni u xjentisti Ewropej

Wara d-dħul fis-seħħ riċenti tar-Regolament Finanzjarju l-ġdid il-Kummissjoni adottat ir-Regoli ta’ applikazzjoni ġodda u dettaljati tagħha. L-għoti ta’ fondi tal-UE lin-negozji, l-NGOs, ir-riċerkaturi, l-istudenti, il-muniċipalitajiet u persuni oħrajn li se jirċevuhom se jitjieb mill-1 ta’ Jannar 2013 permezz ta’ proċeduri simplifikati. Il-leġiżlazzjoni l-ġdida wkoll iżżid it-trasparenza u tintroduċi responsabbiltà ogħla għal kull min jittratta mal-finanzi tal-UE. Din tinkludi possibbiltajiet usa’ biex jintużaw somom f’daqqa u rati fissi għal ammonti iżgħar, telimina l-ħtieġa li timla l-istess dettalji kull darba li tapplika għall-fondi tal-UE u tintroduċi applikazzjonijiet onlajn kif ukoll għadd ta’ karatteristiċi ġodda oħra.

“Dan ir-regolament ġdid jġib titjib sinifikanti lill-benefiċjarji kollha ta’ finanzjament tal-UE. Irnexxilna nnaqqsu l-piż amministrattiv għal persuni li jirċievu fondi tal-Unjoni, li jfisser aċċess imħaffef u żmien iqsar għall-ksib ta’ fondi mill-baġit Ewropew. Ir-regoli ġodda jwittu t-triq għal użu aktar effiċjenti ta’ riżorsi tal-UE. Huwa importanti għal kwalunkwe ċittadin Ewropew hekk kif fi żminijiet ta’ kriżi l-baġit tal-UE għandu rwol importanti għat-tkattir ta’ impjiegi u tkabbir mal-Ewropa. Li l-fondi tal-UE jsiru aktar aċċessibbli u ż-żieda fir-responsabbiltà ta’ dawk li jimmaniġġaw dawn il-fondi huwa wieħed mill-kompiti ewlenin tal-mandati tiegħi,” qal Janusz Lewandowski, il-Kummissarju Ewropew għall-Baġit u l-Ippjanar Finanzjarju.

Simplifikazzjoni

Ir-Regolament Finanzjarju rivedut fih bosta titjib li se jiffaċilita l-ħajja ta’ dawk li jirċievu l-fondi tal-Unjoni. Il-perjodu bejn is-sejħiet għal proposti u l-konklużjoni ta’ ftehimiet ta' għotja u skadenzi għall-ħlasijiet se jitqassar. L-enfasi tas-sistema tal-għotja se tinqaleb mir-rimborż ta’ talbiet għal spejjeż għall-għoti tar-riżultati b’użu akbar ta’ somom f’daqqa, rati fissi, spejjeż għal kull unità. Użu ikbar ta’ premjijiet, imħallsa lir-rebbieħ ta’ konkors għall-iżvilupp tas-soluzzjoni għall-problema ("premjijiet ta’ inkoraġġiment") se jikkontribwixxu wkoll biex jissimplifikaw l-amministrazzjoni u tissaħħaħ l-orjentazzjoni tar-riżultati tal-iffinanzjar tal-UE. Il-benefiċjarji tal-fondi tal-UE mhux se jibqgħu jkunu obbligati aktar li jiftħu kontijiet tal-bank separati li jrendu l-imgħax. Barra minn hekk, anki jekk jiġi ġġenerat l-imgħax, dan la se jkollu għalfejn jiġi rritornat lill-Baġit tal-UE, u lanqas mhu se jingħadd bħala introjtu tal-proġett. Dan jindirizza tħassib ewlieni ta’ benefiċjarji ta' għotjiet u ta’ partijiet interessati oħrajn, partikolarment mill-komunità tar-riċerka u tal-NGOs, li ssemma matul il-konsultazzjoni pubblika tal-2009 qabel il-proposta tal-Kummissjoni tal-2010.

Aktar responsabbiltà u protezzjoni għal ċittadini Ewropej

Ir-regoli l-ġodda se jżidu r-responsabbiltà ta’ dawk li qed jamministraw il-flus ta’ min iħallas it-taxxa fl-UE. Dan jinkludi l-Istati Membri, li jimplimentaw proporzjon kbir tal-baġit tal-UE, inkluża l-politika reġjonali tal-UE. Fil-futur, awtoritajiet tal-Istati Membri li jimmaniġġaw il-fondi tal-UE se jkollhom jiffirmaw u jagħtu lill-Kummissjoni dikjarazzjonijiet annwali li jiċċertifikaw li l-fondi tal-UE ġew użati b'mod korrett.

Ġew imsaħħa mekkaniżmi għal korrezzjonijiet finanzjarji f’każijiet ta’ irregolaritajiet imwettqa mill-benefiċjarji u skoperti permezz ta’ verifika: bħala deterrent, il-Kummissjoni se tippubblika d-deċiżjonijiet li jimponu sanzjonijiet għall-użu ħażin tal-fondi tal-UE.

Tisħiħ tal-effikaċja tal-fondi tal-UE permezz ta 'mekkaniżmi innovattivi ta' finanzjament

Fil-ġejjieni, diversi strumenti finanzjarji, bħas-self, l-ekwità jew il-garanziji se jintużaw biex tittejjeb l-effikaċja tal-fondi tal-UE u għalhekk jimmultiplikaw l-impatt finanzjarju tagħhom. Possibbiltajiet ġodda huma maħluqa għal implimentazzjoni iktar flessibbli ta’ sħubijiet pubbliċi-privati ("public-private partnerships, PPPs") li jirrifletti t-talbiet tal-partijiet interessati tal-industrija Ewropea li huma msieħba f’tali PPPs.

Fil-qasam tal-azzjoni esterna, l-UE se tkun tista’ toħloq fondi fiduċjarji tal-UE fejn jinġabru r-riżorsi proprji tagħha ma' dawk tal-Istati Membri tagħha u donaturi oħra sabiex jikkoordinaw aħjar u jagħtu għajnuna esterna u jżidu l-viżibbiltà esterna tagħha.

Il-Kummissjoni hija determinata li tagħti spinta ulterjuri lill-aġenda tas-simplifikazzjoni

Is-simplifikazzjoni tar-regoli u l-proċessi mhijiex se tieqaf wara l-adozzjoni tar-Regolament Finanzjarju l-ġdid. Il-Kummissjoni se tkompli ssegwi l-proposti multipli tagħha għal simplifikazzjoni sabiex dawn huma ankrati sew fil-ġenerazzjoni l-ġdida ta’ programmi (2014-2020), li bħalissa qed jiġu nnegozjati fil-Kunsill u fil-Parlament Ewropew.

Sfond

Ir-Regolament Finanzjarju huwa l-qalba tar-regoli finanzjarji tal-UE. Jistabbilixxi l-prinċipji tal-baġit tal-UE u jirregola l-mod ta' kif jintefqu l-fondi tal-UE. Il-verżjoni preżenti ġie adottat fl-2002 u ġie emendat l-aktar riċentement fl-2010 biex ikopri l-ħolqien tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna. Il-proċedura leġiżlattiva ta’ din ir-reviżjoni aktar sostanzjali nbdiet mill-Kummissjoni f'Diċembru 2010, meta l-proposta tal-Kummissjoni dwar ir-reviżjoni tar-Regolament Finanzjarju indirizzat l-preokkupazzjonijiet prinċipali msemmija minn benefiċjarji tal-fondi tal-UE. Ir-regoli l-ġodda se jiffokaw fuq aċċess aktar sempliċi u iktar mgħaġġel għal fondi, filwaqt li jsaħħu r-responsabbiltà ta’ dawk li qed jamministraw il-flus ta’ min iħallas it-taxxa fl-UE.

Wara l-adozzjoni formali tar-Regolament Finanzjarju fil-25 ta’ Ottubru u l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-UE, ir-Regolament finanzjarju daħal fis-seħħ fis-27 ta’ Ottubru 2012.

Sussegwentement il-Kummissjoni llum adottat ir-Regoli ta’ applikazzjoni ġodda għar-Regolament Finanzjarju li fihom regoli dettaljati għal maniġġar finanzjarju u jkunu kumplimentari mar-Regolament Finanzjarju. Fix-xahrejn li ġejjin, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jistgħu jesprimu l-oġġezzjonijiet jew jagħtu l-kummenti tagħhom għal dawn ir-Regoli ta’ applikazzjoni kif proposti mill-Kummissjoni. Wara l-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali u d-dħul fis-seħħ fl-aħħar ta’ Diċembru 2012 ir-Regoli ta’ applikazzjoni ġodda se jibdew jiġu applikati mill-1 ta’ Jannar 2013 flimkien mar-Regolament Finanzjarju l-ġdid.

Ħolqa għal: MEMO/12/795

Kuntatti:

Patrizio Fiorilli (+32 2 295 81 32)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site