Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, 23 ta' Ottubru 2012

Il-Kummissjoni tadotta l-Programm ta' Ħidma 2013

Fid-diskors tiegħu tal-Istat tal-Unjoni1 fit-12 ta' Settembru, il-President Barroso ppreżenta viżjoni ambizzjuża għall-UE. Il-kompitu ġenerali għadu r-ritorn tal-UE għal tkabbir sostenibbli. Dan huwa l-iktar kompitu importanti, u jirrikjedi mentalità ġdida u azzjoni mmirata f'għadd limitat ta' oqsma ta' politika kruċjali. Il-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni 2013 (PĦK), li ġie adottat llum, jistabbilixxi kif il-Kummissjoni se taħdem għal dan il-għan għas-sena li jmiss u wara.

Il-PĦK jiġbor fil-qosor l-għanijiet għall-Unjoni f’seba’ oqsma ewlenin u jistipula x'hemm nieqes illum. Imbagħad jispjega kif il-Kummissjoni se tindirizza dawn l-għanijiet: billi tieħu ’l quddiem inizjattivi ewlenin li diġà jinsabu taħt kunsiderazzjoni, billi tagħmel proposti ġodda, u billi tiżgura li l-benefiċċji mir-riforma jitwasslu għand iċ-ċittadini permezz ta’ implimentazzjoni effettiva.

Fi kliem il-President Barroso: "Fl-indirizz tiegħi tal-Istat tal-Unjoni, jiena pproponejt patt deċiżiv għall-Ewropa. Dan jinvolvi bidla enormi għall-Ewropa. Iżda dan il-Programm ta' Ħidma juri kif il-Kummissjoni qed taħdem jum b’jum biex tieħu l-passi meħtieġa. L-2013 se tkun sena kruċjali biex nuru liċ-ċittadini tagħna li l-UE hija minn ta' quddiem biex jittieħdu l-passi kredibbli u konkreti meħtieġa li joħorġuna mill-kriżi u jibnu l-pjattaforma ġusta għat-tkabbir sostenibbli fil-ġejjieni."

Il-Viċi-President Šefčovič qal: "Dawn huma snin kruċjali għall-Ewropa. Il-passi li nieħdu matul is-snin li ġejjin se jiddeċiedu l-perkors futur tagħna. M’hemmx formula maġika għall-problemi attwali li għandna, iżda aħna fil-livell tal-UE nistgħu għall-inqas nuru t-triq. Huwa għalhekk li l-Programm tal-Ħidma tal-Kummissjoni għall-2013 jikkonċentra fuq Ewropa li taħdem għalenija biex tinkoraġġixxi t-tkabbir u toħloq iktar impjiegi għaċ-ċittadini."

Għal dawk li huma proposti ġodda, il-PĦK iħabbar madwar 50 inizjattiva ġdida li għandhom jitressqu matul l-2013 u l-ewwel parti tal-2014. Inizjattivi leġiżlattivi ewlenin jeħtieġ li jqisu tmiem l-leġiżlatura parlamentari attwali fl-2014. Inizjattivi ġodda li jindirizzaw l-isfidi konkreti f'seba' oqsma ta' politika ewlenin se jkopru:

    - Unjoni Ekonomika u Monetarja ġenwina: leġiżlazzjoni addizzjonali biex insaħħu l-istabbiltà, it-trasparenza u l-ħarsien tal-konsumatur fis-settur finanzjarju, ibbażati b'mod partikolari fuq il-pjan dettaljat għal unjoni ekonomika u monetarja ġenwina.

    - Spinta lill-kompetittività permezz tas-Suq Uniku u l-politika industrijali: inizjattivi biex jitnaqqsu l-ispejjeż għan-negozji f’oqsma bħall-VAT u l-fatturazzjoni, jiġu ttrattati ostakoli għall-kompetittività u jiġu nkoraġġiti setturi ewlenin ta' tkabbir permezz ta’ sħubijiet pubbliċi-privati fir-riċerka.

    - Nikkollegaw biex nikkompetu: nibnu n-netwerks ta' għada llum: l-immodernizzar tan-netwerks permezz tal-liberalizzazzjoni tal-enerġija, tingħata spinta lill-investiment fl-infrastruttura bħall-broadband, u bl-immodernizzar tat-trasport u l-loġistika tal-Ewropa.

    - It-tkabbir għall-impjiegi: l-inklużjoni u l-eċċellenza: jinbena sostenn prattiku għal dawk li jinsabu mingħajr impjieg f'oqsma bħas-servizz pubbliku tal-impjiegi, u jkun żgurat li l-UE tagħmel l-almu tagħha biex tappoġġa l-inklużjoni soċjali.

    - Nagħmlu użu aħjar mir-riżorsi tal-Ewropa biex nikkompetu aħjar: tingaħta l-perspettiva fit-terminu twil li hija tant importanti għat-tkabbir sostenibbli f’qafas għall-enerġija u t-tibdil fil-klima sal-2030 u azzjoni mmirata lejn il-kwalità tal-arja u l-iskart.

    - Nibnu Ewropa sigura: naħdmu biex tingaħta spinta lill-ġustizzja permezz ta' Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew biex jipproteġi l-interessi finanzjarji tal-UE, lis-sigurtà billi niġġieldu t-traffikar tal-armi tan-nar u nikkonsolidaw iċ-ċittadinanza fis-Sena Ewropea taċ-Ċittadini.

    - Nagħtu sehemna: L-Ewropa bħala attur globali: nippromwovu l-interessi u l-valuri tagħna permezz ta’ ġenerazzjoni ġdida ta’ ftehimiet kummerċjali, azzjoni mmirata fil-viċinat tagħna, u mmexxu ’l quddiem l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millenju bħala l-imsieħba ewlenija dinjija fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp.

Tema komuni f’dawn l-oqsma kollha hija kif is-sena d-dieħla se tkun deċiżiva biex ftehim ambizzjuż dwar il-qafas finanzjarju pluriennali nibdluh f’mutur għall-bidla.

L-adozzjoni tal-PĦK issegwi d-djalogu strutturat intensiv li sar mal-Parlament Ewropew, il-Kumitat tar-Reġjuni u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-prijoritajiet għall-Unjoni.

Il-Kummissjoni issa se taħdem mill-qrib mal-Parlament Ewropew u l-Kunsill, kif ukoll mal-partijiet interessati, inklużi l-Parlamenti nazzjonali, biex tieħu ’l quddiem dawn l-għanijiet u twettaqhom biex b’hekk tikseb riżultati tanġibbli għaċ-ċittadini tal-Ewropa.

Il-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni 2013 jinstab:

http://ec.europa.eu/atwork/key-documents/index_mt.htm

Kuntatti :

Olivier Bailly(+32 2 296 87 17)

Mark Gray (+32 2 298 86 44)

Antony Gravili (+32 2 295 43 17)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website