Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-Istampa

Promozzjoni ta’ proġetti ta' benefiċċju għas-soċjetà inġenerali: l-Istatut tal-Fondazzjonijiet Ewropej

Brussell, 8 ta’ Frar 2012 – Il-fondazzjonijiet isegwu għanijiet li huma ta' benefiċċju għall-pubbliku inġenerali. L-attivitajiet tagħhom jiffukaw fuq oqsma li huma importanti għaċ-ċittadini Ewropej u l-ekonomija Ewropea. Pereżempju, huma attivi f’servizzi soċjali u tas-saħħa; irawmu r-riċerka u jippromovu l-kultura. Għal dan il-għan, il-fondazzjonijiet jikkonferixxu l-għotjiet u jmexxu l-proġetti. Madanakollu, id-differenzi ta' bejniethom u l-ostakoli fil-liġijiet nazzjonali ħafna drabi jagħmlu t-twettiq tal-attivitajiet transkonfinali tagħhom jiswa wisq flus u kkumplikat iżżejjed. Meta pereżempju jiddeċiedu li joperaw barra minn pajjiżhom, il-fondazzjonijiet spiss ikollhom jonfqu parti mir-riżorsi tagħhom fuq pariri legali u jissodisfaw ir-rekwiżiti legali u amministrattivi stabbiliti mil-liġijiet nazzjonali differenti madwar l-UE. Dan inaqqas l-ammont ta’ fondi disponibbli għall-fondazzjonijiet għall-finijiet ta’ attivitajiet ta' benefiċċju għall-pubbliku inġenerali u jista’ jiskoraġġixxihom milli jiżviluppaw aktar ix-xogħol tagħhom.

Il-Kummissjoni llum ippreżentat proposta għal Statut għall-Fondazzjonijiet Ewropej sabiex tagħmilha aktar faċli għall-fondazzjonijiet biex jappoġġjaw kawżi għall-benefiċċju pubbliku madwar l-UE.

Il-Kummissarju għas-Suq Intern Michel Barnier qal “Għandna bżonn nappoġġjaw u ninkoraġġixxu x-xogħol siewi li l-fondazzjonijiet jagħmlu għaċ-ċittadini Ewropej. B’mod partikulari, għandna bżonn inneħħu l-ostakli li jfixklu x-xogħol transkonfinali tagħhom dwar kwistjonijiet bħar-riċerka, is-saħħa u l-kultura. L-introduzzjoni ta’ Statut Ewropew se jnaqqas l-ispejjeż u l-inċertezza. Se jippermetti wkoll lill-fondazzjonijiet milli jibbenefikaw minn aktar viżibbiltà sabiex jippromovu l-attività tagħhom u jattiraw aktar fondi permezz ta’ tikketta Ewropea. "

Il-proposta tfittex li toħloq forma legali Ewropea unika - il-'Fondazzjoni Ewropea' (FE) - li tkun fundamentalment l-istess fl-Istati Membri kollha. Tkun teżisti b’mod parallel mal-fondazzjonijiet domestiċi. L-akkwist tal-istatus ta’ Fondazzjoni Ewropea jkun kompletament volontarju.

Applikabbiltà: l-Istatut jiffoka fuq il-fondazzjonijiet għall-benefiċċju tal-pubbliku, li jagħmlu l-parti l-kbira tas-settur tal-fondazzjonijiet u li huma preżenti u rikonoxxuti mill-Istati Membri kollha.

Rekwiżiti ewlenin għall-FE: l-Istatut jistipula r-rekwiżiti ewlenin għall-Fondazzjoni Ewropea. Pereżempju, kull FE ikollha bżonn tagħti prova tal-iskop tagħha għall-benefiċċju tal-pubbliku, id-dimensjoni transkonfinali u li tipposjedi l-assi minimi ta' stabbiliment ta' EUR 25 000.

Kif jistgħu jiġu ffurmati l-FE: Il-Fondazzjoni Ewropea tista’ tiġi mwaqqfa mill-bidu nett, bil-bidla ta’ fondazzjoni nazzjonali f’Fondazzjoni Ewropea jew permezz tal-għaqda ta’ fondazzjonijiet nazzjonali. Il-FE takkwista personalità legali mar-reġistrazzjoni tagħha fi Stat Membru.

Il-Benefiċċji li ssir Fondazzjoni Ewropea:

Tnaqqis ta' spejjeż u inċertezza: Il-Fondazzjonijiet Ewropej se jkollhom personalità legali u kapaċità legali fl-Istati Membri kollha. Dan l-istatus ġdid se jippermettilhom li jwettqu attivitajiet u jgħaddu l-fondi fl-UE b’mod aktar faċli u li jiswa inqas, permezz tar-regoli simili applikati għalihom madwar l-UE.

Tikketta Ewropea: l-Istatut ikun jipprovdi l-FE b'tikketta u immaġini Ewropea, li għandha tagħmel il-Fondazzjonijiet Ewropej rikonoxxibbli u ta’ min jafdahom, u għalhekk jinkoraġġixxi l-attivitajiet transkonfinali tal-fondazzjonijiet kif ukoll donazzjonijiet transkonfinali.

Trattament fiskali: Il-Fondazzjonijiet Ewropej se jibbenefikaw mill-istess reġim tat-taxxa bħall-istess wieħed applikabbli għal dawk domestiċi. Donaturi li jappoġġjaw il-Fondazzjonijiet Ewropej se jkunu intitolati għall-istess benefiċċji ta’ taxxa bħallikieku kienu qed jagħmlu donazzjoni lil fondazzjoni stabbilita fl-Istat Membru tagħhom. Fiż-żewġ każijiet, l-Istati Membri jkollhom bżonn jikkunsidraw lill-FE bħala ekwivalenti għall-fondazzjonijiet bi skop ta' benefiċċju pubbliku stabbiliti skont il-leġislazzjoni nazzjonali tagħhom.

Sfond

L-Istatut tal-Fondazzjonijet Ewropej ġie mħabbar fl-Att dwar is-Suq Uniku (IP/11/469). L-Att dwar is-Suq Uniku saħaq fuq il-kontribuzzjoni tal-fondazzjonijiet għall-iffinanzjar tal-inizjattivi innovattivi fl-interess tal-pubbliku u talab għal azzjoni sabiex jegħleb id-diffikultajiet li l-fondazzjonijiet jaffaċċjaw meta joperaw madwar l-UE.

Din il-proposta tagħmel użu mir-riċerka mwettqa mill-Kummissjoni permezz ta’ studju ta’ fattibbiltà1, żewġ konsultazzjonijiet pubbliċi2 (IP/09/270; IP/10/1390) u kuntatti mas-settur tal-fondazzjonijiet.

Ara wkoll MEMO/12/79

Għal aktar informazzjoni:

http://ec.europa.eu/internal_market/company/eufoundation/index_en.htm

Kuntatti :

Chantal Hughes (+32 2 296 44 50)

Carmel Dunne (+32 2 299 88 94)

1 :

http://ec.europa.eu/internal_market/company/docs/eufoundation/feasibilitystudy_en.pdf

2 :

http://ec.europa.eu/internal_market/consultations/docs/2009/foundation/summary_report_en.pdf

http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=SEC:2011:0467:FIN:EN:PDF.


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site