Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, id-19 ta' Ottubru 2012

Sikurezza tal-Konsumaturi – Bi Ftit Klikkijiet Tista' Tiċċekkja l-Prodotti Rtirati mis-Suq Madwar id-Dinja!

Illum fi Brussell tnieda portal ġdid internazzjonali li se jippermetti lill-awtoritajiet madwar id-dinja jpartu l-informazzjoni dwar prodotti perikolużi li ġew irtirati mis-suq. Il-"Portal Globali tal-Prodotti Rtirati" huwa proġett żviluppat b'mod konġunt mill-UE u l-pajjiżi tal-OECD li jinkludu l-Istati Uniti, l-Awstralja u l-Kanada. Dan ġie żvelat mid-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali għas-Saħħa u l-Konsumaturi tal-Kummissjoni Ewropea (SANCO), Paola Testori Coggi, mid-Deputat Segretaju Ġenerali Rintaro Tamaki, u l-President tal-Kummissjoni għall-Prodotti Sikuri għall-Konsumaturi tal-Istati Uniti, Inez Tenenbaum, bħala parti mill-Ġimgħa Internazzjonali tas-Sikurezza fil-Prodotti.

Il-konsumaturi dejjem qegħdin iżidu x-xiri tagħhom mis-suq dinji, minn fuq l-internet u offline. F'dan is-suq globali akbar, huma jridu jkunu ċerti li ma jkunx hemm prodotti perikolużi li b'xi mod irnexxielhom jidħlu fis-suq Kif jistgħu, dawn, isiru jafu jekk il-bagi tat-trabi jew ir-rota li ġew prodotti barra l-UE jikkonformawx mar-rekwiżiti Ewropej u internazzjonali ta' sikurezza? Jistgħu jfittxu fil-portal "Prodotti Rtirati Madwar id-Dinja". Billi huwa mistenni li se jkun hemm madwar 3,000 avviż dwar l-irtirar ta' prodotti fis-sena, il-konsumaturi, in-negozji u l-awtoritajiet se jkollhom aċċess għal ġabra notevoli ta' informazzjoni dwar prodotti rtirati aġġornat regolarment mill-UE (permezz tar-RAPEX - is-sistema ta' twissija rapida tal-UE dwar prodotti perikolużi li mhumiex prodotti tal-ikel), u l-awtoritajiet tal-Istati Uniti, tal-Kanada u tal-Awstralja.

Il-portal, li d-dejta li fih huwa rranġat f'format li jippermetti t-tiftix, se jikkontribwixxi biex jagħti spinta lis-sikurezza tal-konsumaturi madwar id-dinja, u se jżid l-għarfien tal-konsumaturi u l-fiduċja tagħhom biex jixtru l-prodotti minn madwar id-dinja.

Id-Direttur Ġenerali tas-SANCO, is-Sinjura Testori Coggi, id-Deputat Segretarju Ġenerali tal-OECD, is-Sur Tamaki, u l-President tal-Kummissjoni għall-Prodotti Sikuri għall-Konsumaturi tal-Istati Uniti, is-Sinjura Tenenbaum urew is-sodisfazzjon tagħhom bil-portal tal-Prodotti Rtirati, li se jinkoraġġixxi t-tpartit tal-informazzjoni u jikkontribwixxi għall-ħarsien effiċjenti tal-konsumaturi tas-suq dinji. Huma qablu li din il-ġabra ġdida ta' dejta se tgħin lir-regolaturi governattivi, lill-konsumaturi u lin-negozji biex isibu l-informazzjoni dwar il-prodotti għall-konsumaturi li jiġu rtirati mis-suq dinji. Dan huwa argument ċar favur l-għaqda tar-riżorsi biex inkunu nistgħu nindirizzaw il-kwistjonijiet ta' sikurezza tal-prodotti b'mod aħjar. It-tliet rappreżentanti ħeġġew lin-negozji u lill-konsumaturi biex jużaw regolarment il-portal tal-Prodotti Rtirati. Huma appellaw ukoll lill-pajjiżi madwar id-dinja biex jipparteċipaw fil-portal, biex ikun kopert l-akbar suq possibbli.

Aqra iżjed dwar il-Portal għall-Prodotti Rtirati fuq: globalrecalls.oecd.org/

Segwina fuq Twitter: https://twitter.com/EU_Consumer

MEMO/12/791

Kuntatti :

Frédéric Vincent (+32 2 298 71 66)

Aikaterini Apostola (+32 2 298 76 24)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website