Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, id-19 ta' Ottubru 2012

Il-Kummissarju Johannes Hahn fil-Greċja biex jagħti spinta lill-fondi reġjonali bħala għodda għall-irkupru

Illum, il-Kummissarju tal-UE għall-Politika Reġjonali, Johannes Hahn, jinsab il-Greċja biex jiddeskrivi l-aktar mod effettiv kif għandhom jintużaw il-Fondi Reġjonali tal-UE fil-baġit fit-tul tal-UE li jmiss biex dawn joħolqu tkabbir.

Il-Kummissarju Hahn se jiltaqa' mat-13-il Gvernatur reġjonali tal-Greċja f'Ateni biex jispjega fejn il-Kummissjoni Ewropea temmen li l-Greċja għandha tikkonċentra l-aqwa sforzi tagħha fil-perjodu baġitarju li jmiss 2014-2020 u biex jenfasizza fejn hemm bżonn tingħata attenzjoni biex isir l-aħjar użu mill-fondi kurrenti. Dan se jservi ta’ punt ta’ tluq għal diskussjonijiet dwar kif jitfasslu l-programmi u fl-aħħar mill-aħħar fejn hu ffukat l-investiment.

Il-Kummissarju Hahn se jmur ukoll Salonika fejn se jiltaqa' mal-membri tal-komunità tan-negozju fit-Tramuntana tal-Greċja, biex flimkien jevalwaw l-impatt konkret tal-fondi reġjonali u jiddiskutu miżuri għall-ħolqien ta’ ambjent li jiffavorixxi aktar in-negozju

Matul iż-żjara tiegħu, huwa se jżur proġetti kofinanzjati mis-Sindku ta’ Salonika, Yannis Boutaris.

Qabel il-laqgħa mal-Gvernaturi f'Ateni, il-Kummissarju Hahn qal: "Ġejna l-Greċja b’messaġġ ta’ tama. Il-fondi tal-UE huma, fil-preżent, l-istrument ewlieni tal-Greċja għall-investiment pubbliku. Rajna jsiru sforzi enormi biex tiġi indirizzata n-natura kumplessa u mgħobbija żżejjed tas-sistemi tal-amministrazzjoni tal-fondi tal-UE. Issa hemm bżonn nagħfsu saħansitra aktar u niffukaw fuq investimenti li nafu li se jagħtu riżultati f'dan iż-żmien assolutament kritiku."

Huwa żied jgħid: "Permezz tar-riforma reġjonali u amministrattiva riċenti, Kallicrates, li tagħti aktar setgħa u responsabbiltà lir-reġjuni, il-Greċja issa għandha ċ-ċans li tibdel lir-reġjuni tagħha f'magni ta’ rkupru u tkabbir fil-ġejjieni."

Il-prijoritajiet ewlenin għall-Politika Reġjona fil-perjodu baġitarju li jmiss aktarx li se jkunu ffukati biex jimmiraw l-investimenti skont fejn dawn se jkollhom l-ikbar impatt, itejbu l-ambjent tan-negozju u jkomplu jibnu fuq ir-riformi li jissimplifikaw u jiffaċilitaw is-sistema għall-ġestjoni tal-Fondi Reġjonali.

Il-Kummissarju Hahn se jħeġġeġ lir-reġjuni biex jidentifikaw u jiżviluppaw opportunitajiet ta' investimenti fejn Reġjuni Griegi diġà qed igawdu minn vantaġġ kompetittiv komparattiv bħall-enerġija rinnovabbli, l-effiċjenza tal-enerġija, it-turiżmu u l-kultura, l-ipproċessar agroalimentari u l-akkwakultura. Dawn il-miżuri huma skont il-proposti tal-Kummissjoni dwar il-politika reġjonali tal-ġejjieni: l-iffukar fuq inqas prijoritajiet marbuta ma' miri u kundizzjonijiet aktar ċari.

Fl-immedjat, id-diskussjonijiet se jkunu qegħdin jiffukaw fuq il-ħolqien ta’ ambjent li jiffavorixxi n-negozji li jwasslu għal investimenti, it-titjib tal-appoġġ għall-intrapriżi żgħar u medji billi jiġi ffaċilitat l-aċċess tagħhom għall-finanzi, it-tħeġġiġ għall-innovazzjoni billi jiddaħħlu prodotti u proċessi ġodda fis-suq, u l-ikkompletar ta' netwerks infrastrutturali ewlenin (il-kopertura tal-broadband f'żoni rurali u urbani, l-investimenti fl-effiċjenza fl-enerġija u s-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, l-awtostradi, l-immaniġġar tal-ilma u l-iskart). Il-Kummissjoni trid tiżgura wkoll li tiġi stabbilita amministrazzjoni pubblika modernizzata li tappoġġa ekonomija ġdida u moderna. Fir-rigward tal-181 proġett prijoritarju għall-pajjiż li fuqhom sar ftehim konġunt , il-Kummissarju Hahn se jħeġġeġ lill-awtoritajiet Griegi biex iħaffu l-isforzi tagħhom biex jużaw il-flus ħalli jissodisfaw il-ħtieġa disperata ta’ impjiegi u tkabbir.

L-isfond

Il-fondi ta’ koeżjoni tal-UE għall-Greċja għall-perjodu 2007-2013 jammontaw għal EUR 20 biljun. Is-settur privat aċċetta li jaħfer EUR 100 biljun mid-dejn tiegħu u l-assistenza finanzjarja mill-UE u mis-sħab internazzjonali tammonta għal EUR 240 biljun.

It-Taskforce għall-Greċja, li twaqqfet f'nofs l-2011, qed tgħin biex tissaħħaħ il-kapaċità tal-awtoritajiet Griegi li jħaffu l-implimentazzjoni konkreta tal-investimenti tal-Fondi Strutturali.

Il-Kummissjoni, flimkien mal-awtoritajiet Griegi ħejjiet lista ta' 181 proġett ta’ prijorità strateġika b’valur totali ta’ EUR 11.5 biljun (finanzjamenti tal-UE u nazzjonali flimkien) f'oqsma ewlenin: It-Trasport, l-Ambjent, l-Enerġija, il-Konverġenza Diġitali, ir-RTD, l-Innovazzjoni, ir-Riforma Amministrattiva, it-Turiżmu u l-Kultura. Reċentement, il-Ministru Grieg għall-Iżvilupp Reġjonali ħatar koordinatur biex iħaffef l-implimentazzjoni tal-programmi li d-data ta' skadenza tagħhom hija l-2015.

Iż-żieda tar-rati ta’ kofinanzjament

F’Diċembru 2011, il-gvernijiet tal-UE u l-Parlament Ewropew laħqu ftehim għal faċilità temporanja li tippermetti lis-sehem tal-UE ta’ kofinanzjament li jiżdied sa 10 punti perċentwali għall-Greċja, mingħajr ma jiżdied il-volum ġenerali tal-fondi tal-UE. Il-Greċja, sadanittant, setgħet tgawdi minn proġetti li huma kkofinanzjati sa 95 fil-mija.

Il-Kummissjoni pproponiet ukoll li jingħata l-permess li jintużaw l-allokazzjonijiet tal-politika reġjonali li għadhom disponibbli biex dawn isostnu l-garanziji u s-self minn istituzzjonijiet finanzjarji bħall-Bank Ewropew għall-Investiment (BEI) – l-hekk imsejjaħ “strument tal-qsim tar-riskju”. Il-miżura hija maħsuba biex tindirizza l-ostakli serji li taffaċċja l-Ġreċja u l-Istati Membri l-oħra, sabiex jiżdied il-livell ta' finanzjamenti privati meħtieġa biex jimplimentaw proġetti ewlenin li jistgħu biss ikunu parzjalment iffinanzjati minn fondi pubbliċi.

B’rikonoxximent tar-rwol essenzjali tal-Intrapriżi Żgħar u Medji (SMEs) fil-forniment tal-impjiegi, il-Kummissjoni daħħlet sistema li tiswa EUR 500 miljun li tuża l-fondi tal-UE bħala garanzija biex tgħin lill-kumpaniji jaċċessaw il-kreditu. Il-fondi jistgħu jintużaw ukoll biex jiggarantixxu proġetti ikbar fil-Greċja.

Għal aktar tagħrif:

Greece's National Strategic Reference Framework

European Commission Representation in Greece

Kuntatti :

Shirin Wheeler (+32 2 296 65 65)

Annemarie Huber (+32 2 299 33 10)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website