Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, it-18 ta' Ottubru 2012

L-ilmijiet navigabbli interni u l-ħarsien tan-natura: Linji gwida ġodda

Il-Kummissjoni qed tippubblika linji gwida ġodda dwar in-navigazzjoni interna u l-ħarsien tan-natura bħala għajnuna għal dan is-settur importanti biex japplika l-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE. Il-linji gwida – “It-trasport fuq ilmijiet navigabbli interni u Natura 2000 – żvilupp u ġestjoni sostenibbli tal-ilmijiet navigabbli interni fil-kuntest tad-Direttivi tal-UE dwar l-Għasafar u dwar il-Ħabitats” – jispjegaw kif tista’ tiġi żgurata bl-aħjar mod il-kompatibbiltà tal-attivitajiet relatati man-navigazzjoni interna mal-politika ambjentali tal-UE inġenerali u b'mod partikolari mal-leġiżlazzjoni dwar in-natura. Id-dokument jenfasizza wkoll l-importanza tan-navigazzjoni interna biex tiġi assigurata s-sostenibbiltà għal perjodu twil taż-żmien tan-netwerk tat-trasport tal-UE u jisħaq ukoll fuq is-suċċessi li dan is-settur kellu sa llum il-ġurnata rigward l-integrazzjoni tal-ħarsien tan-natura fl-attivitajiet tiegħu.

“It-trasport fuq l-ilmijiet navigabbli interni għandu rwol importanti fit-trasportazzjoni tal-oġġetti f’ħafna partijiet tal-Ewropa," qal il-Viċi-President u Kummissarju għat-Trasport Siim Kallas. “Dan is-settur tat-trasport jitqies sigur, effiċjenti fl-użu tal-enerġija u aktar ekoloġiku minn mezzi oħra tat-trasport. Iżda minħabba li huwa wieħed minn fost il-ħafna utenti tal-ixmajjar tagħna, jeħtieġ li jiġi żviluppat b'mod ekoloġikament sostenibbli." Janez Potočnik, il-Kummissarju għall-Ambjent, qed jittama li d-dokument ikun “għodda utli biex jitkattar l-għarfien bejn l-investituri, dawk li huma responsabbli mill-ippjanar, dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet u bejn il-promoturi tal-konservazzjoni tan-natura, u li jippermettilhom ifasslu proġetti ta’ navigazzjoni sostenibbli li jilħqu l-għanijiet tat-trasport fuq ilmijiet navigabbli interni filwaqt li xorta waħda jirrispettaw il-valuri ekoloġiċi tax-xmajjar.”

Il-linji gwida jadottaw approċċ olistiku rigward it-trasport fuq l-ilmijiet navigabbli interni u l-ħarsien tan-natura. Jispjegaw il-kuntest tal-politika tan-navigazzjoni interna u l-konservazzjoni tal-bijodiversità fl-Ewropa. Il-linji gwida jisħqu li s-siti tan-Natura 2000 mhumiex imfassla biex ikunu 'żoni fejn ma jsir l-ebda żvilupp' u li żviluppi ġodda mhumiex esklużi, sakemm jiggarantixxu livell xieraq ta' ħarsien tan-natura. Id-dokument jispjega wkoll l-obbligi legali tal-iżviluppaturi u l-maniġers tal-infrastruttura mill-punt tal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE, b'enfasi partikolari fuq id-Direttivi dwar l-Għasafar u dwar il-Ħabitats. Jiġu ppreżentati għadd ta’ studji ta’ każijiet, b’eżempji ta’ prattika tajba li juru kif l-iżvilupp u l-immaniġġjar tal-ilmijiet navigabbli interni jistgħu jimxu id f’id mal-ħarsien tan-natura. Il-linji gwida, jisħqu b’mod partikolari fuq il-benefiċċji ta’ ippjanar integrat, fejn f’kull stadju tal-proċess tal-iżvilupp infrastrutturali jitqiesu r-rekwiżiti ambjentali u fejn il-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati differenti, inklużi l-NGOs u s-soċjetà ċivili, tkun assigurata b’mod attiv u trasparenti, u b’hekk ikunu jistgħu jinkisbu soluzzjonijiet fejn kulħadd jirbaħ għaż-żewġ setturi.

Dan huwa r-raba’ dokument ta’ gwida dwar l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar in-natura fil-kuntest ta' setturi strateġiċi tal-UE. Il-linji gwida li ġew ippubblikati qabel kienu jittrattaw l-enerġija mir-riħ, l-industrija tal-estrazzjoni tal-minerali mhux għall-enerġija u l-iżviluppi f'portijiet u estwarji.

Sfond

Natura 2000 hija netwerk vast mifrux mal-Ewropa kollha fejn l-attivitajiet umani u l-ħarsien tan-natura jaħdmu flimkien. Illum il-ġurnata jkopri kważi 18 % tal-wiċċ tal-art tal-UE u aktar minn 145 000 km² tal-ibħra tagħha. Attivitajiet bħall-biedja, it-trasport, l-iżvilupp infrastrutturali, it-turiżmu, il-forestrija u l-attivitajiet ta’ divertiment jistgħu jitwettqu fin-netwerk sakemm ikunu sostenibbli u konformi mal-leġiżlazzjoni dwar il-ħarsien tal-ambjent naturali.

Il-bijodiversità – ir-riżorsa limitata li hija l-varjetà tal-ħajja fuq wiċċ id-dinja - tinsab fi kriżi. L-ispeċijiet qed jintilfu b’rata li qatt ma rajna bħalha qabel minħabba l-attivitajiet tal-bniedem, b'konsegwenzi irriversibbli għall-futur tagħna. L-Unjoni Ewropea qed tiġġieled kontra dan u dan l-aħħar stabbilixxiet għaliha nnifisha għan ġdid biex sal-2020 twaqqaf it-telf ta' bijodiversita fl-Ewropa, billi tħares is-servizzi tal-ekosistemi bħad-dakkir (u terġa’ tirriġenera dawn is-servizzi fejn huma degradati), u ttejjeb il-kontribuzzjoni tagħha biex jiġi evitat it-telf tal-bijodiversità globali. Natura 2000 hija waħda mill-għodod ewlenin li huma meħtieġa biex jintlaħaq dak l-għan.

F’sena medja, fl-ilmijiet navigabbli interni, jiġu ttrasportati madwar 500 miljun tunnellata ta' merkanzija u jsir madwar 140 biljun tunnellata-kilometru ta' xogħol tat-trasport. In-netwerk tal-ilmijiet navigabbli interni fl-UE jinkludi madwar 37.000 km ta’ ilmijiet navigabbli interni f'20 Stat Membru; 12-il Stat minnhom huma interkonnessi b’mod dirett permezz ta’ ilmijiet navigabbli interni. Għalkemm dan jirrappreżenta biss perċentwal żgħir min-netwerk u l-attività inġenerali tat-trasport tal-UE, jibqa’ volum formidabbli ta’ merkanzija ttrasportata tul netwerk b’kapaċità libera enormi li huwa kapaċi jtaffi l-aktar partijiet attivi tan-netwerk tat-toroq u dak ferrovjarju tal-UE.

Il-“Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport - Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b'mod effiċjenti" jistipula l-mira globali tal-UE biex sal-2050 jitnaqqas it-trasport relatat mal-emissjonijiet tal-gassijiet serra b’60 %, u fl-istess ħin tiġi akkomodata d-domanda għall-mobbiltà li mistennija tkompli tikber. Barra minn hekk, huwa rikonoxxut li din il-mira tista’ tintlaħaq biss jekk il-mezzi kollha tat-trasport jikkontribwixxu, mill-aħjar li jistgħu, biex joħolqu għall-futur tagħna sistema ta' trasport integrata u sostenibbli.

It-twettiq tal-potenzjal tat-trasport fuq ilmijiet navigabbli interni huwa ingredjent vitali mit-taħlita tal-politika tat-trasport tal-UE.

Ara wkoll:

Id-dokument ta’ gwida dwar it-trasport fuq ilmijiet navigabbli interni u Natura 2000:

http://ec.europa.eu/environment/nature/natura2000/management/docs/IWT_BHD_Guidelines.pdf

Dokumenti ta’ gwida għall-Immaniġġjar tas-siti ta’ Natura 2000:

http://ec.europa.eu/environment/nature/natura2000/management/guidance_en.htm

Għal aktar tagħrif dwar l-iżviluppi riċenti fil-politika tas-settur tat-trasport dwar l-ilmijiet navigabbli interni:

http://ec.europa.eu/transport/inland/promotion/doc/2012_0168_final_swd.pdf

Kuntatti :

Joe Hennon (+32 2 295 35 93)

Monica Westeren (+32 2 299 18 30)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site