Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, is-17 ta' Ottubru 2012

Proposta ġdida tal-Kummissjoni biex jitnaqqsu l-impatti klimatiċi tal-produzzjoni tal-bijofjuwils

Illum, il-Kummissjoni ppublikat proposta biex tillimita l-konverżjoni globali tal-art għall-produzzjoni tal-bijofjuwils, u biex iżżid il-benefiċċji klimatiċi tal-bijofjuwils użati fl-UE. L-użu ta' bijofjuwils magħmula mill-għelejjel biex tintlaħaq il-mira ta’ 10 % fl-enerġija rinnovabbli tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli se jkun limitat għal 5 %. Dan qed isir biex jistimula l-iżvilupp tal-hekk imsejħa bijofjuwils alternattivi tat-tieni ġenerazzjoni minn għalf mhux tajjeb biex jittiekel, bħal skart jew tiben, li jipproduċu ammont sostanzjalment anqas ta’ gassijiet serra mill-fjuwils fossili u ma jinterferixxux b’mod dirett mal-produzzjoni tal-ikel globali. Għall-ewwel darba, l-impatti stmati tal-konverżjoni globali tal-art - It-Tibdil Indirett fl-Użu tal-Art (ILUC – Indirect Land Use Change) – se jitqies meta tiġi vvalutata l-prestazzjoni tal-gassijiet serra tal-bijofjuwils.

Il-Kummissarju għall-Enerġija Günther Oettinger qal: “Din il-proposta se tagħti inċentivi ġodda għal bijofjuwils bl-aħjar prestazzjoni. Fil-futur, il-bijofjuwils se jkunu qed jipproduċu ammont sostanzjalment anqas ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra, joħolqu l-impjiegi u jnaqqsu l-ispejjeż tal-importazzjoni tal-fjuwils tagħna."

Il-Kummissarju għall-Azzjoni Klimatika, Connie Hedegaard qalet: “Biex il-bijofjuwils jgħinuna nikkumbattu t-tibdil fil-klima, jeħtieġ li nużaw bijofjuwils li jkunu verament sostenibbli. Jeħtieġ li ninvestu f’bijofjuwils li jwasslu għal tnaqqis reali fl-emissjonijiet u li ma jikkompetux mal-ikel. Naturalment dan ma jfissirx li se nieqfu nużaw bijofjuwils tal-ewwel ġenerazzjoni, iżda qegħdin nibagħtu messaġġ ċar li ż-żidiet futuri fil-bijofjuwils iridu jiġu minn bijofjuwils avvanzati. L-għażliet l-oħrajn kollha mhux se jkunu sostenibbli.”

Bijofjuwils, prodotti b’mod sostenibbli u bi proċessi effiċjenti, huma alternattiva baxxa fil-karbonju għall-fjuwils fossili fit-taħlita tal-enerġija tal-UE u b’mod partikolari għat-trasport. Il-bijofjuwils jinħażnu u jintużaw faċilment, għandhom densità għolja ta’ enerġija u normalment jipproduċu sostanzjalment anqas gassijiet serra miż-żejt,il-gass jew il-faħam. Il-bijofjuwils li jissodisfaw sett ta’ kriterji ta’ sostenibbiltà biss jikkwalifikaw għall-appoġġ pubbliku fis-suq Ewropew.

Hekk kif is-suq għall-bijofjuwils kiber, jidher biċ-ċar li, f'termini tal-impatti ta' gassijiet serra tagħhom mill-użu globali tal-art, mhux il-bijofjuwils kollha huma l-istess. Studji xjentifiċi riċenti wrew li meta wieħed iqis it-tibdil indirett fl-użu tal-art, pereżempju meta l-produzzjoni tal-bijofjuwils tikkawża l-produzzjoni tal-għalf jew l-ikel biex jiġi spostati f'art li mhix agrikola bħall-foresti, ċerti bijofjuwils fir-realtà jistgħu jkunu qed jipproduċu emissjonijiet ta' gassijiet serra daqs il-fjuwils fossili li jissostitwixxu.

Il-Kummissjoni għalhekk qed tipproponi li temenda l-leġiżlazzjoni attwali dwar il-bijofjuwils permezz tad-Direttivi dwar l-Energija Rinnovabbli1 u l-Kwalità tal-Fjuwil2 u b'mod partikolari:

  • Li żżid il-livell limitu minimu tal-iffrankar tal-gassijiet serra għal installazzjonijiet ġodda għal 60 % biex ittejjeb l-effiċjenza tal-proċessi tal-produzzjoni tal-bijofjuwils kif ukoll biex tiskoraġġixxi aktar investimenti f’installazzjonijiet bi prestazzjoni baxxa ta' gassijiet serra.

  • Li tinkludi fatturi ta’ tibdil indirett tal-użu tal-art (ILUC) fir-rappurtar minn fornituri tal-fjuwils u Stati Membri rigward l-iffrankar ta’ gassijiet serra ta' bijofjuwils u bijolikwidi;

  • Li tillimita l-ammont ta’ bijofjuwils u bijolikwidi magħmula mill-għelejjel i sal-2020 jistgħu jingħaddu għall-mira ta' 10 % tal-UE għall-enerġija rinnovabbli fis-settur tat-trasport, għal-livell ta' konsum attwali 5 % sal-2020, waqt li jmantnu l-miri globali ta’ enerġija rinnovabbli u t-tnaqqis tal-intensità tal-karbonju;

  • Li tipprovdi inċentivi tas-suq għall-bijofjuwils li ma jipproduċux emissjonijiet jew b'emissjonijiet baxxi tat-tibdil indirett tal-użu tal-art, u b’mod partikolari bijofjuwils tat-tieni u t-tielet ġenerazzjoni prodotti minn stokk bażi li ma joħloqx domanda addizzjonali għall-art, inkluż l-alka, it-tiben u tipi varji ta’ skart, minħabba li dawn se jikkontribwixxu aktar għall-mira tat-trasport ta' 10 % fl-enerġija rinnovabbli tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli.

B’dawn il-miżuri ġodda, il-Kummissjoni tixtieq tippromwovi bijofjuwils li jgħinu biex ikun hemm tnaqqis sostanzjali fl-emissjonijiet, li ma jikkompetux b’mod dirett mal-ikel u li fl-istess ħin huma aktar sostenibbli. Filwaqt li l-proposta attwali ma taffettwax il-possibbiltà li Stati Membri jipprovdu inċentivi finanzjarji għall-bijofjuwils, il-Kummissjoni tqis li fil-perjodu wara l-2020 il-bijofjuwils għandhom jirċievu appoġġ finanzjarju biss jekk iwasslu għal iffrankar sostanzjali tal-gassijiet serra u ma jiġux prodotti minn għelejjel użati għall-ikel u għall-għalf.

Sfond:

Id-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli tal-2009 tirrikjedi sehem ta’ 10 % ta’ enerġija rinnovabbli fis-settur tat-trasport sal-2020; id-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Fjuwil stabbilixxiet mira ta’ tnaqqis ta’ 6 % ta’ gassijiet serra għall-fjuwils użati fis-settur tat-trasport fl-2020. Il-kontribuzzjoni għall-bijofjuwils għal dawn il-miri hija mistennija li tkun waħda sinifikanti.

Biex jiġu evitati effetti kollaterali possibbli, iż-żewġ direttivi jimponu kriterji ta’ sostenibbiltà li l-bijofjuwils u l-bijolikwidi jridu jissodisfaw sabiex jingħaddu għall-miri u jirċievu appoġġ.

Il-kriterji ta’ sostenibbiltà tal-bijofjuwils, li llum huma fis-seħħ, jimpedixxu l-konverżjoni diretta ta' foresti u artijiet mistagħdra u żoni b'valur għoli ta' bijodiversità għall-produzzjoni tal-bijofjuwils u jirrikjedu li l-bijofjuwils jipproduċu mill-anqas 35 % anqas gassijiet serra mill-fjuwils fossili li jissostitwixxu. Fl-2017 dan ir-rekwiżit se jiżdied għal 50 %.

Madanakollu, hemm riskju li parti mid-domanda addizzjonali għall-bijofjuwils tintlaħaq permezz ta’ żieda fl-ammont ta’ art iddedikata għall-agrikoltura madwar id-dinja, u li twassal għal żieda indiretta fl-emissjonijiet minħabba l-konverżjoni tal-art. Għalhekk, il-Kummissjoni ġiet mitluba tirrevedi l-impatt ta' tibdil indirett (ILUC) fl-użu tal-art fuq l-emissjonijiet tal-gassijiet serra u biex tipproponi azzjoni leġiżlattiva biex tnaqqas kemm jista’ jkun dak l-impatt.

Għal aktar tagħrif:

Ħolqa għall-proposta

Aktar tagħrif rigward il-bijofjuwils - It-tibdil fl-użu tal-art:

http://ec.europa.eu/energy/renewables/indexbiofuels/land_use_change_en.htm

Aktar tagħrif dwar id-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli – Mira 2020:

http://ec.europa.eu/energy/renewables/targets_en.htm

Aktar tagħrif rigward id-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Fjuwil:

http://ec.europa.eu/clima/policies/transport/fuel/index_en.htm

MEMO/12/787

Kuntatti :

Marlene Holzner (+32 2 296 01 96)

Isaac Valero Ladron (+32 2 296 49 71)

Nicole Bockstaller (+32 2 295 25 89)

Stephanie Rhomberg (+32 2 298 72 78)

1 :

Id-Direttiva 2009/28/KE dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli

2 :

id-Direttiva 98/70/KE dwar il-kwalità tal-karburanti tal-petrol u tad-diżil


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website