Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Jum tal-UE kontra t-Traffikar: naħdmu flimkien biex neqirdu t-traffikar tal-bnedmin

Commission Européenne - IP/12/1106   17/10/2012

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, is-17 ta' Ottubru 2012

Il-Jum tal-UE kontra t-Traffikar: naħdmu flimkien biex neqirdu t-traffikar tal-bnedmin

Fl-okkażjoni tas-Sitt Jum tal-UE kontra t-Traffikar, fit-18 ta’ Ottubru, il-Kummissarju tal-UE għall-Affarijiet Interni, Cecilia Malmström, se tipparteċipa u tagħmel diskors f'konferenza li timmira li tifforma azzjonijiet futuri u tiżgura li l-atturi kollha jaħdmu flimkien għall-qerda tat-traffikar tal-bnedmin. Il-Ministru tal-Intern ta' Ċipru, Eleni Mavrou, u l-Koordinatur tal-UE Kontra t-Traffikar, Myria Vassiliadou, ukoll se jieħdu sehem f'din l-attività, organizzata mill-Kummissjoni Ewropea u mill-Presidenza Ċiprijotta tal-UE.

It-traffikar tal-bnedmin għadha kwistjoni serja fl-Unjoni Ewropea. Skont l-istimi tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol, 880,000 ruħ fl-UE huma vittmi tax-xogħol furzat, inkluż l-isfruttament sesswali furzat. Dan ifisser 1.8 persuna għal kull 1,000 abitant. Skont l-aħħar stħarriġ tal-Eurobarometer, 93% tal-Ewropej jaqblu li l-Istati Membri tal-UE għandhom jikkooperaw biex jiġġieldu t-traffikar tal-bnedmin.

"Li ċċaħħad persuna mil-libertà tagħha, tisfruttaha u tikkumerċjalizzaha bħala komodità għall-profitt hija vjolazzjoni serja tad-drittijiet tal-bniedem. It-traffikar tal-bnedmin ma jistax jiġi ttollerat f'ebda forma, la fl-Ewropa u fl-ebda post ieħor fid-dinja. Aħna żviluppajna leġiżlazzjonijiet ambizzjużi u miżuri biex jiġġieldu kontra t-traffikar tal-bnedmin u qed naraw li teżisti rieda politika mill-Istati Membri. L-enfażi issa jrid ikun fuq l-implimentazzjoni: għandna bżonn nittraduċu l-leġiżlazzjoni f'realtà. Aħna għandna obbligu, morali kif ukoll legali, li naġixxu. U għandna bżonn nagħmlu dan fi sħubija mal-organizzazzjonijiet internazzjonali, pajjiżi terzi, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, is-settur privat u l-atturi rilevanti l-oħra kollha fi ħdan l-UE u lil hinn minnha. Biex jinqered it-traffikar tal-bnedmin, irridu naġixxu flimkien.", qalet Cecilia Malmström.

Il-konferenza se tagħti l-opportunità lill-Kummissjoni Ewropea biex tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jittrasponu l-leġiżlazzjoni l-ġdida tal-UE dwar it-traffikar tal-bnedmin fiż-żmien xieraq u jimplimentaw miżuri konkreti u prattiċi identifikati mill-Istrateġija l-ġdida tal-UE, sabiex tiġi indirizzata b’mod effettiv din il-kriminalità devastanti, hekk kif l-Istati Membri issa għandhom inqas minn sitt xhur biex jimplimentaw id-Direttiva tal-UE kontra t-traffikar tal-bnedmin

Din l-attività se tlaqqa’ flimkien persuni f’livell għoli li jfasslu l-politika, uffiċjali tal-gvern mill-Istati Membri kollha, ir-rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, is-settur privat, esperti, ħaddiema li huma f’kuntatt dirett mal-vittmi, kif ukoll artisti u l-midja. Il-parteċipanti se jirriflettu fuq modi biex jiffaċilitaw ix-xogħol tal-prattikanti fl-aspetti kollha tat-traffikar tal-bnedmin u jiżguraw l-implimentazzjoni ta' inizjattivi ta' politika tal-UE b'mod koerenti.

Il-konferenza, li se tkun aċċessibbli għall-ġurnalisti, se tiffoka fuq ħidma futura biex jissaħħu l-kooperazzjoni u l-partenarjati, il-prevenzjoni, il-protezzjoni tal-vittmi u l-assistenza, kif ukoll il-prosekuzzjoni tat-traffikanti.

Dawn il-kwistjonijiet huma fost il-prijoritajiet u l-inizjattivi ewlenin indirizzati minn "Strateġija tal-UE lejn il-qerda tat-traffikar tal-bnedmin" 2012-2016 (IP/12/619 u MEMO/12/455).

Pereżempju, l-għadd totali ta' każijiet ta’ prosekuzzjoni fl-UE għadu baxx. Fil-fatt, ir-riżultati preliminari ta’ dejta reċenti juru li l-għadd ta' kundanni dwar it-traffikar tal-bnedmin naqas mill-2008 għall-2010. Din hija r-raġuni 'l għala l-Istrateġija tipprevedi fost l-oħrajn l-istabbiliment ta' unitajiet tal-infurzar tal-liġi multidixxiplinarji nazzjonali speċjalizzati fit-traffikar tal-bnedmin u tappoġġja lill-Istati Membri sabiex jistabbilixxu timijiet ta’ investigazzjoni konġunta. Identifikazzjoni aħjar tal-vittmi u għajnuna u protezzjoni aħjar, iżidu l-parteċipazzjoni tagħhom u l-kooperazzjoni tagħhom mal-infurzar tal-liġi. L-istrateġija tenfasizza l-ħtieġa għal mekkaniżmi nazzjonali ta' riferiment formalizzati fl-Istati Membri kollha.

Se ssir konferenza stampa fiċ-Ċentru għall-Konferenzi Albert Borschette (kamra CCAB 0A) fis-13:00 nhar it-18 ta' Ottubru.

Sfond

Permezz ta' "Strateġija tal-UE lejn il-qerda tat-traffikar tal-bnedmin (2012-2016)", il-Kummissjoni qed tiffoka fuq azzjonijiet konkreti li se jappoġġaw u jikkumplimentaw l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tagħhom (Direttiva 2011/36/UE) - li l-iskadenza għat-traspożizzjoni tagħha hija s-6 ta’April 2013.

L-istrateġija tal-UE hija strument prattiku li jindirizza l-ħtiġijiet u l-isfidi ewlenin fl-UE għall-ħames snin li ġejjin minn perspettiva tad-drittijiet tal-bniedem u speċifika għal ġeneri. Din tidentifika ħames prijoritajiet u tindika fil-qosor sensiela ta' inizjattivi għal kull waħda minnhom:

  • It-tisħiħ tal-identifikazzjoni, il-protezzjoni u l-għajnuna lill-vittmi, b'enfasi speċjali fuq it-tfal.

  • L-intensifikar tal-prevenzjoni tat-traffikar tal-bnedmin u tnaqqis tad-domanda.

  • Żieda fil-prosekuzzjoni tat-traffikanti

  • It-tisħiħ tal-koordinazzjoni, il-kooperazzjoni u l-koerenza fi ħdan l-UE, ma' organizzazzjonijiet internazzjonali, u ma' pajjiżi terzi, inklużi s-soċjetà ċivili u s-settur privat.

  • Tkabbir tal-għarfien, u r-reazzjoni effettiva għal, xejriet emerġenti fit-traffikar tal-bnedmin

Ħoloq Siewja

Il-websajt ta' Cecilia Malmström

Segwi lill-Kummissarju Malmström fuq Twitter

Il-websajt tad-DĠ għall-Affarijiet Interni

Segwi d-DĠ għall-Affarijiet Interni fuq Twitter

Il-websajt tal-Kummissjoni Ewropea Kontra t-Traffikar:

Il-konferenza "Naħdmu flimkien biex neqirdu t-traffikar tal-bnedmin: it-triq 'il quddiem" (Id-diskors tal-Kummissarju Malmström se jiġi ppubblikat)

Kuntatti :

Michele Cercone (+32 2 298 09 63)

Tove Ernst (+32 2 298 67 64)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site