Navigation path

Left navigation

Additional tools

Aġenda Diġitali: Il-Kummissjoni tikkonsulta dwar ir-Rakkomandazzjoni dwar is-swieq tat-telekomunikazzjonijiet

European Commission - IP/12/1105   16/10/2012

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, 16 ta' Ottubru 2012

Aġenda Diġitali: Il-Kummissjoni tikkonsulta dwar ir-Rakkomandazzjoni dwar is-swieq tat-telekomunikazzjonijiet

Il-Kummissjoni Ewropea varat konsultazzjoni pubblika bl-għan li taġġorna l-lista attwali tas-swieq tat-telekomunikazzjoni fil-livell ta' operaturi u fil-livell ta' konsumaturi li huma soġġetti għall-proċedura tal-"Artikolu 7" tal-Kummissjoni taħt-ir-regoli tal-UE dwar it-telekomunikazzjonijiet (ara MEMO/10/226). Dawn is-swieq jinkludu aċċess mill-konsumaturi għan-netwerk pubbliku tat-telefonija u aċċess mill-operaturi għall-broadband. Din il-lista ta' swieq rilevanti tgħin lill-Awtoritajiet Regolatorji Nazzjonali (ARN) jirregolaw is-swieq tagħhom b'mod koordinat. L-analiżi se tqis żviluppi tas-suq u dawk teknoloġi ewlenin, bħal applikazzjonijiet u servizzi bbażati fuq l-internet, il-konverġenza bejn it-tipi differenti ta' netwerks u servizzi u l-iżvilupp ta' netwerks u servizzi tal-internet veloċi ħafna. Abbażi tar-riżultati tagħha, il-Kummissjoni mbagħad tirrevedi r-Rakkomandazzjoni attwali dwar is-Swieq Rilevanti li kienet aġġornata l-aħħar fl-2007. Il-Kummissjoni tistieden lill-partijiet interessati biex iwieġbu għall-konsultazzjoni sat-8 ta' Jannar 2013.

Neelie Kroes, il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea għall-Aġenda Diġitali qalet: "Jeħtieġ li naġġornaw ruħna bl-iżviluppi teknoloġiċi fis-settur sabiex ir-regolamentazzjoni tiffoka biss fuq problemi strutturali persistenti fil-kompetizzjoni u tiffaċilita l-investiment."

L-għan tal-kwestjonarju huwa li jidentifika xejriet ewlenin rilevanti u jikkonsulta l-partijiet interessati dwar l-analiżi tal-lista attwali tas-swieq rilevanti u l-ambitu tagħhom kif ukoll dwar swieq li possibbilment għandhom jiżdiedu mal-lista, inklużi swieq irregolati fil-livell nazzjonali u swieq transnazzjonali.

Il-konsultazzjoni hija l-ewwel pass fil-proċess tal-analiżi. Abbażi tar-riżultati tagħha u wara l-konsultazzjoni mal-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC) u l-Kumitat dwar il-Komunikazzjonijiet (kumitat konsultattiv kompost minn rappreżentanti tal-Istati Membri), il-Kummissjoni se tadotta Rakkomandazzjoni riveduta.

Sfond

Taħt ir-regoli tal-UE dwar it-telekomunikazzjonijiet, il-Kummissjoni tadotta u tirrevedi regolarment ir-Rakkomandazzjoni dwar swieq ta' prodotti u servizzi rilevanti fi ħdan is-settur regolat tal-komunikazzjonijiet elettroniċi (ara IP/07/1678). Ir-Rakkomandazzjoni tidentifika s-swieq li, fil-prinċipju, huma suxxettibbli għal regolamentazzjoni ex ante. L-Awtoritajiet Regolatorji Nazzjonali jridu janalizzaw regolarment is-swieq nazzjonali u jinnotifikawhom lill-Kummissjoni taħt l-hekk imsejħa "proċedura tal-Artikolu 7". Dan huwa mekkaniżmu ta' konsultazzjoni u notifika li jesiġi li r-regolaturi nazzjonali tat-telekomunikazzjonijiet jinfurmaw bil-quddiem lill-Kummissjoni u lir-regolaturi tat-telekomunikazzjonijiet f'pajjiżi oħra tal-UE dwar miżuri li biħsiebhom jintroduċu biex isolvu problemi tas-suq. Mill-2003, il-Kummissjoni analizzat aktar minn 1300 notifika bħal dawn.

Din hija t-tieni analiżi tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar is-swieq rilevanti. L-ewwel Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tmur lura għall-2003 u ġiet riveduta fl-2007 biex tinkludi suq wieħed tal-konsumaturi u sitta tal-operaturi: aċċess għan-netwerk tat-telefonija fissa, oriġini ta' telefonata fuq netwerks tat-telefonija fissa, terminazzjoni ta' telefonata fuq netwerk tat-telefonija fissa individwali, aċċess tal-operaturi għaċ-ċirkwit lokali, aċċess tal-operaturi għall-broadband, segmenti ta' terminazzjoni fil-livell tal-operaturi ta' linji mikrija u terminazzjoni ta' telefonata bil-vuċi fuq netwerks individwali tal-mowbajl.

Ħoloq Siewja

Il-konsultazzjoni pubblika:
http://ec.europa.eu/digital-agenda/news-redirect/8788

Websajt tal-Aġenda Diġitali

Il-websajt ta’ Neelie Kroes

Segwi lil Neelie Kroes fuq Twitter.

Kuntatti:

Ryan Heath (+32 2 296 17 16), Twitter: @RyanHeathEU

Linda Cain (+32 2 299 90 19)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website