Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, is-16 ta' Ottubru 2012

Iva għal aktar solidarjetà lejn l-ifqar pajjiżi: skont stħarriġ ġdid, jeżisti appoġġ wiesa’ għall-għajnuna għall-iżvilupp

85% taċ-ċittadini tal-UE jemmnu li l-Ewropa għandha, minkejja l-kriżi ekonomika, tkompli tgħin pajjiżi li qed jiżviluppaw. Ir-riżultati tħabbru llum mill-Kummissarju Ewropew għall-Iżvilupp Andris Piebalgs waqt il-Jiem Ewropej tal-Iżvilupp. L-istħarriġ il-ġdid tal-Ewrobarometru dwar l-iżvilupp juri li 61% tal-Ewropej huma favur li tiżdied l-għajnuna biex nies fqar ikunu jistgħu joħorġu mill-faqar. Fl-istess ħin, maġġoranza ta’ 55% jaħsbu li pajjiżi li qed jesperjenzaw tkabbir ekonomiku mgħaġġel m’għandhomx jingħataw aktar għajnuna. Il-biċċa l-kbira tan-nies (61%) jemmnu li l-għajnuna għandha tkun iffokata fuq pajjiżi fraġli li jkunu ġarrbu kunflitt jew kriżijiet naturali, pereżempju.

L-Ewropej jaraw rwol pożittiv għan-negozju privat fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, prinċipalment fil-ħolqien tal-impjiegi (57%) iżda wkoll jistennew li kumpaniji barranin jaderixxu ma’ standards etiċi u morali meta jinvestu (81%). Maġġoranza ta’ 53% tara l-korruzzjoni bħala l-ostaklu ewlieni li jimblokka l-iżvilupp fil-pajjiżi l-fqar. Madankollu, 44% biss ikunu lesti biex personalment jonfqu aktar flus fuq prodotti li jappoġġjaw l-iżvilupp (bħall-prodotti ta’ kummerċ ġust).

Il-Kummissarju tal-UE għall-Iżvilupp, Andris Piebalgs, qal: "Huwa ta’ inkoraġġiment għalija li nara li għal ħafna Ewropej is-solidarjetà għadha valur b’għeruq fondi, anki jekk is-sitwazzjoni ekonomika tagħhom stess tista' tkun waħda diffiċli. L-UE waslet biex tieħu deċiżjoni dwar il-baġit għas-seba’ snin li jmiss u n-nies qed jibagħtu messaġġ ċar lill-mexxejja tagħhom – m’għandux isir iffrankar bi ħsara ta’ dawk l-aktar fqar fuq il-pjaneta. Iżda huma wkoll jitolbu garanziji li l-għajnuna tmur għall-ifqar fost il-fqar u li din tipprovdi riżultati viżibbli. Dan huwa għal kollox konformi mal-volontà tiegħi biex l-għajnuna tkun iffokata fuq il-pajjiżi li l-aktar li jeħtieġu għajnuna u li t-tkabbir ekonomiku inklussiv u d-drittijiet tal-bniedem ikunu fil-qalba tal-politika dwar l-iżvilupp. Jien impenjat wkoll li nagħti xhieda tad-differenza li tagħmel l-għajnuna tal-UE fil-ġlieda kontra l-faqar sabiex tkompli tiżdied il-forza tal-azzjonijiet tagħna.

L-Ewrobarometru "Solidarjetà mifruxa madwar id-dinja – L-Ewropej u l-iżvilupp" ġie ppreżentat waqt il-Jiem Ewropej tal-Iżvilupp fi Brussell (bejn is-16 u s-17 ta’ Ottubru). Dan l-avveniment qed jiġbor flimkien il-Kapijiet ta’ Stat u ta’ Gvern mill-Afrika mal-istituzzjonijiet tal-UE, il-Ministri tal-UE, ir-rappreżentanti ta’ istituzzjonijiet tan-NU, is-soċjetà ċivili, l-akkademiċi u s-settur privat. Id-diskussjonijiet jiffukaw fuq:

l-agrikoltura, is-sigurtà alimentari u r-reżiljenza;

il-protezzjoni soċjali u l-inugwaljanza;

ir-rwol tas-settur privat

Xejriet ewlenin tal-UE

Il-kriżi ekonomika ma taffettwax is-solidarjetà mal-foqra. Fi Spanja l-livell ta’ appoġġ għall-għoti ta’ għajnuna lill-fqar ma nbidilx mis-sena l-oħra lil hawn (88%), fil-Greċja u l-Italja it-tnaqqis kien minimu (-2 punti perċentwali), filwaqt li fl-Irlanda l-appoġġ żdied bi 3 punti perċentwali sa 88%. Kien biss fil-Portugall (-10 punti) li tnaqqis fl-opinjoni kien aktar notevoli.

L-impenn personali tal-Ewropej jonqos. 44% biss huma lesti jħallsu aktar għal prodotti (eż. kummerċ ġust) sabiex jappoġġaw lill-persuni fid-dinja li qed tiżviluppa (3 punti inqas minn fl-2011). Dawk li wieġbu fil-pajjiżi tal-UE15 huma ħafna aktar disposti li jħallsu iżjed (50% vs. 25% tal-UE12). Fil-każ ta’ 6 pajjiżi, kien hemm tnaqqis ta’ mill-anqas 10 punti perċentwali ta’ kemm huma disposti ċ-ċittadini li jħallsu aktar: fil-Greċja (33% huma lesti jħallsu aktar) fir-Repubblika Ċeka (28%), fis-Slovenja (30%), fi Spanja (35%), fil-Litwanja (24%) u fil-Portugall (12). Mhux b’sorpriża, iċ-ċittadini mill-pajjiżi l-aktar sinjuri huma aktar lesti li jixtru prodotti tal-kummerċ ġust. Il-pajjiżi fuq quddiem huma: l-Isvezja (76%), l-Olanda (76%) u l-Lussemburgu (70%).

Aktar iffinanzjar għall-għajnuna tal-iżvilupp għandha appoġġ akbar fl-Ewropa tal-Majjistral u anqas fix-Xlokk tal-Ewropa. Fl-Isvezja, id-Danimarka u l-Awstrija il-maġġoranza l-kbira tan-nies huma favur li dan jiżdied għal 0.7% tal-ING jew aktar (80%, 76% u 74% rispettivament). Tal-pajjiż bl-akbar ammont ta’ nies li jixtiequ jnaqqsu l-għajnuna huma: il-Bulgarija (38%), is-Slovenja (32%) u l-Greċja (30%).

Riżultati prinċipali tal-Ewrobarometru speċjali dwar l-iżvilupp

L-appoġġ biex tingħata għajnuna lil nies foqra fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw huwa konsistentement għolja ħafna, fil-livell ta’ 85% (2011: 88%). 37% jaħsbu li huwa "importanti ħafna", 48% jarawh bħala "importanti mhux ħażin".

Sitta minn kull għaxar Ewropej jaħsbu li l-għajnuna lil pajjiżi li qed jiżviluppaw għandha tiżdied minkejja l-kriżi. Nofs dawk li wieġbu (49%) huma tal-fehma li l-UE għandha żżomm mal-wegħda tagħha li żżid l-għajnuna għal pajjiżi li qed jiżviluppaw. 12% jaħsbu li l-għajnuna għandha tiżdied aktar minn kemm kien imwiegħed. Fl-istess ħin 18% jaħsbu li l-għajnuna għandha titnaqqas minħabba li l-Ewropa ma tiflaħx aktar għal dan il-piż. Din iċ-ċifra żdiedet b’7 punti perċentwali mill-2009 (11%).

61% tal-Ewropej jemmnu li l-għajnuna għandha tkun prijoritizzata lejn pajjiżi f’sitwazzjonijiet fraġli (eż. ikkawżati minn konflitti jew diżastri naturali). 30% jemmnu li l-UE għandha tgħin lill-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, irrispettivament jekk ikunux f’sitwazzjoni fraġli jew le.

Il-maġġoranza tal-Ewropej jemmnu li pajjiżi bħall-Brażil, l-Indja jew iċ-Ċina m’għandhomx ikomplu jirċievu l-għajnuna. Għall-mistoqsija dwar jekk għandhomx ikomplu jirċievu l-għajnuna pajjiżi li qed jesperjenzaw tkabbir ekonomiku mgħaġġel, li parti mill-popolazzjoni tagħhom għadha fqira, 24% totalment ma qablux u 31% kellhom it-tendenza li ma jaqblux.

L-Ewropej jemmnu li l-għajnuna għall-iżvilupp għandha tiffoka prinċipalment fuq id-drittijiet tal-bniedem (34%), l-edukazzjoni (33%), is-saħħa (32%), it-tkabbir ekonomiku (29%) u fuq l-agrikoltura/sigurtà alimentari (29%). Tliet tweġibiet kienu possibbli.

44% ikunu lesti li jonfqu aktar flus fuq prodotti li jgħinu lin-nies f’pajjiżi li qed jiżviluppaw, tnaqqis minn 47% fl-2011. Bl-istess mod, l-għadd ta’ nies li mhumiex lesti li jonfqu aktar żdied minn 47% sa 52%.

L-Ewropej iqisu l-korruzzjoni (53%) bħala l-akbar ostaklu għal żvilupp b’suċċess. Dan huwa segwit minn "politika ħażina" tal-gvernijiet fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw (41%) u mill-kunflitti (33%). Kien possibbli massimu ta’ tliet tweġibiet għal din il-mistoqsija.

Il-biċċa l-kbira tan-nies iqisu r-rwol ewlieni tas-settur privat bħala dak tal-ħolqien tal-impjiegi (57%) u li jipprovdi t-tkabbir (42%) jew l-iskambju u l-progress teknoloġiku (29%). Hemm minoranza li tqis li dan is-settur jisfrutta l-pajjiżi li qed jiżviluppaw (27%) jew li jinvolvi ruħu fil-korruzzjoni (21%). Tliet tweġibiet kienu possibbli.

81% jaqblu li l-kumpaniji privati għandhom responsabbiltà soċjali u etika meta jinvestu f’pajjiżi li qed jiżviluppaw. 87% jaħsbu li donaturi bħal ma hi l-UE għandhom jippruvaw jaraw li kumpaniji privati jaderixxu ma’ standards soċjali u etiċi.

Dan l-Ewrobarometru sar minn TNS Opinion & Social bejn it-2 ta' Ġunju u s-17 ta' Ġunju, 2012. Madwar 26,622 Ewropej li għandhom 15-il sena jew aktar ġew intervistati wiċċ imb’wiċċ fid-djar tagħhom.

Għal aktar tagħrif

L-Ewrobarometru Speċjali jinsab fuq:

http://ec.europa.eu/public_opinion/archives/eb_special_399_380_en.htm#392

Ir-riżultati speċifiċi pajjiż pajjiż jinsabu fuq:

http://ec.europa.eu/public_opinion/archives/eb_special_399_380_en.htm#392

Il-websajt tal-Kummissarju Ewropew għall-Iżvilupp, Andris Piebalgs:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/piebalgs/index_en.htm

Il-websajt tad-DĠ għall-Iżvilupp u għall-Kooperazzjoni EuropeAid:

http://ec.europa.eu/europeaid/index_en.htm

Il-websajt tal-Jiem Ewropej tal-Iżviupp

http://eudevdays.eu/

Kuntatti :

Catherine Ray (+32 2 296 99 21)

Wojtek Talko (+32 2 297 85 51)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website