Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni tiżvela pjanijiet biex tqawwi l-udjenzi għall-kultura

Commission Européenne - IP/12/1100   15/10/2012

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, il-15 ta' Ottubru 2012

Il-Kummissjoni tiżvela pjanijiet biex tqawwi l-udjenzi għall-kultura

Għada, il-Kummissjoni Ewropea se tiżvela l-pjanijiet ġodda tagħha biex l-udjenzi, kif ukoll l-artisti, jitqiegħdu fil-qalba tal-programm ġdid tagħha Ewropa Kreattiva li huwa mmirat għas-setturi kulturali u kreattivi. Se tingħata enfasi ewlenija lill-iżvilupp tal-udjenzi ta' proġetti sostnuti permezz tal-fond propost tal-UE ta’ EUR 1.8 biljun, li se jinkludi u jsaħħah il-programmi eżistenti Kultura u MEDIA (ċinema) filwaqt li se titnieda skema ta' garanzija ta' self biex tingħata spinta lis-self bankarju lill-SMEs fis-setturi kulturali.

Fi kliem Androulla Vassiliou, il-Kummissarju Ewropew responsabbli mill-edukazzjoni u l-kultura: "Jeħtiġilna nħabirku iżjed biex ninvolvu lill-pubbliku fil-kultura Ewropea u biex inħarsu d-diversità. Sabiex dan isir b'mod effettiv, jeħtiġilna ngħinu lill-artisti u professjonisti oħra biex dawn isawru udjenzi ġodda, f'pajjiżhom u lil hinn minnu, biex jivvalutaw mill-ġdid ir-relazzjoni tagħhom mal-udjenzi eżistenti u jiddiversifikaw l-udjenzi. Jekk irridu nintroduċu udjenzi iktar żgħażagħ fil-kultura, għandna bżonn naħsbu mill-ġdid dwar l-aħjar mod kif nistgħu nagħmlu dan. Jekk ma nqisux din il-kwistjoni serjament, nirriskjaw li ndgħajfu d-diversità kulturali tagħna u l-benefiċċji tagħha għall-ekonomija u l-inklużjoni soċjali".

Il-Kummissjoni se tippreżenta l-pjanijiet tagħha dwar l-iżvilupp tal-udjenzi waqt il-konferenza tal-2012 "Culture in Motion” fi Brussell, li tiġbor flimkien kważi 1,000 rappreżentant tas-setturi kulturali u kreattivi. L-avveniment ta’ tlett ijiem, li jiftaħ illum b’sessjoni dwar l-impatt tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura, se jesponi 23 proġett, li huma primarjament sostnuti mill-programmi tal-UE Kultura u MEDIA, li jipprovdu eżempji ta’ ispirazzjoni dwar kif jistgħu jintlaħqu udjenzi akbar u aktar diversi.

Sfond

L-Udjenzi Ewropej: Fl-2020 u Lil Hinn

"L-Udjenzi Ewropej: Fl-2020 u Lil Hinn” se jkun il-punt fokali tal-konferenza Culture in Motion (post: The Egg Theater, Rue Bara/Barastraat 175, 1000 Brussell) nhar is-16 u s-17 ta’ Ottubru. Eżempji ta' x'inhu mifhum bi żvilupp tal-udjenzi u kif dan jista' jagħmel il-kultura u l-arti aktar aċċessibbli se jkunu ppreżentati minn, fost oħrajn:

  • Ian Christie, President ta' Europa Cinemas (appoġġati mill-programm tal-UE MEDIA mill-1992, dawn joperaw f’629 belt madwar 68 pajjiż b'total ta' 1,111-il sala taċ-ċinema): "Hija kwistjoni ta' involviment tal-udjenzi f'dak li jaħsbu aktar milli sempliċement jingħataw xi ħaġa sew jekk iriduhiex jew sew jekk le. Aħna interessati biss fl-intensifikazzjoni tal-esperjenza tal-films Ewropej."

  • Gerald Harringer, Exchange Radical Moments! Live Art Festival (appoġġat mill-Programm tal-UE Kultura u li jinvolvu organizzazzjonijiet fl-Awstrija, dikm li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, l-Italja, ir-Repubblika Ċeka u l-Ġermanja): "Bil-Live Art Festival, mhux biss qsamna l-fruntieri bejn il-pajjiżi, iżda qsamna wkoll il-fruntieri tradizzjonali li jeżistu bejn ir-rwoli tal-artist u l-udjenza. Ridna nittrasformaw l-udjenzi f'imsieħba u lill-ispettaturi f’parteċipanti."

  • Airan Berg, I like to move it move it, appoġġat minn Linz09 Kapitali Ewropea tal-Kultura: "Wasal iż-żmien biex naħsbu mill-ġdid dwar id-djalogu tagħna mal-pubbliku u nevitaw il-perikli doppji tal-esklużjoni u l-indifferenza sempliċi, anki fost dawk li jistgħu jaffordjaw li jiġu jarawna. L-involviment huwa l-qofol tal-istrateġija tagħna. L-iżvilupp tal-udjenza jseħħ meta n-nies jitqanqlu għaliex ikunu ġew involuti."

Il-konferenza Culture in Motion se tintwera fuq l-internet: http://www.cultureinmotion.eu/European-Audiences/index.jsp u fuq Twitter #AudienceDevelopment u #CreativeEurope.

Il-Kapitali Ewropej tal-Kultura

Il-Kapitali Ewropej tal-Kultura se jkunu fiċ-ċentru tal-attenzjoni llum (il-15 ta’ Ottubru), b'opportunità għall-iskambju ta’ prassi tajba fost ir-rappreżentanti tal-imgħoddi, il-preżent u l-ġejjieni tal-Kapitali Ewropej tal-Kultura. Kull sena, żewġt ibliet ikunu magħżula bħala l-Kapitali Ewropej tal-kultura biex ikunu enfasizzati d-diversità tal-kultura Ewropea u l-impatt tal-investimenti kulturali intelliġenti dwar l-iżvilupp sostenibbli tal-ibliet. Imnedija fl-1985, l-inizjattiva saret waħda mill-aktar stejjer ta' suċċess viżibbli tal-Unjoni Ewropea, u laħqet miljuni ta’ċittadini.

Is-setturi kulturali u kreattivi

Is-setturi kulturali u kreattivi tal-UE jammontaw għal sa 4.5% tal-PDG tal-UE u sa 8.5 miljun impjiegi. Għalkemm dawn is-setturi kienu relattivament flessibbli tul il-kriżi, huma wkoll jiffaċċaw sfidi konsiderevoli li jirriżultaw mill-mixja lejn il-mezzi diġitali, il-globalizzazzjoni u l-frammentazzjoni tas-suq tul linji kulturali u lingwistiċi.

L-appoġġ tal-UE għall-kultura jgħin eluf ta' organizzazzjonijiet, artisti u professjonisti kulturali biex dawn jiltaqgħu, jiskambjaw opinjonijiet, jitgħallmu minn xulxin, u fl-aħħar mill-aħħar jikkreaw, jieħdu sehem f’tornej u jagħtu spettakkli flimkien f'pajjiżi Ewropej differenti.

Il-Kummissjoni pproponiet programm ġdid imsejjaħ Ewropa Kreattiva li jsaħħaħ il-kompetittività ta' dawn is-setturi u jippromwovi d-diversità kulturali. Il-Kummissjoni tipprevedi baġit totali ta' EUR 1.8 biljun għal Ewropa Kreattiva fl-2014-2020, li jirrappreżenta żieda ta' 37% meta mqabbel mal-livelli ta' ffinanzjar attwali. Il-programm se jappoġġa 8,000 organizzazzjoni kulturali u jippermetti lil 300,000 artist, professjonist kulturali u x-xogħlijiet tagħhom li jaqsmu l-fruntieri u jiksbu esperjenza internazzjonali. Se jipprovdi wkoll finanzjament għat-traduzzjoni ta' aktar minn 5,000 ktieb (IP/11/1399).

Fis-26 ta’ Settembru, il-Kummissjoni żvelat strateġija msejħa "Il-promozzjoni tas-setturi kulturali u kreattivi għat-tkabbir u l-impjiegi fl-UE". L-għan huwa li jiżdied il-potenzjal tal-esportazzjoni ta’ dawn is-setturi, kif ukoll biex jiġu massimizzati l-benefiċċji sekondarji tagħhom għal oqsma oħra bħall-innovazzjoni, l-ICT u r-riġenerazzjoni urbana. L-istrateġija tappella għal miżuri li jsaħħu l-iżvilupp tal-ħiliet, l-aċċess għall-finanzi, il-promozzjoni ta' mudelli tan-negozju ġodda, l-iżvilupp tal-udjenzi, l-aċċess għas-swieq internazzjonali u t-titjib tar-rabtiet ma’ setturi oħra (IP/12/1012).

Għal aktar tagħrif:

Il-proġetti esposti matul il-konferenza

Il-websajt tal-konferenza: http://cultureinmotion.eu

Il-websajt kulturali tal-Kummissjoni Ewropea http://ec.europa.eu/culture

Segwi lil Androulla Vassiliou fuq it-Twitter @VassiliouEU

Kuntatti:

Dennis Abbott (+32 2 295 92 58); Twitter: @DennisAbbott

Dina Avraam (+32 2 295 96 67)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site