Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-Istampa

Nixprunaw it-tkabbir u l-impjiegi: pjan ta’ azzjoni bl-għan li sal-2015, il-kummerċ elettroniku fl-Ewropa jirdoppja

Brussell, il-11 ta’ Jannar 2012 – L-iżvilupp tal-kummerċ elettroniku u tas-servizzi onlajn għandu potenzjal konsiderevoli li jista’ jwassal għal effetti ekonomiċi, soċjali u soċjetali pożittivi. L-ekonomija tal-internet toħloq 2.6 impjiegi għal kull impjieg mitluf “offlajn" u toffri għażla għall-konsumaturi inklużi dawk f’żoni rurali jew iżolati. Il-benefiċċji marbuta ma’ prezzijiet irħas offruti onlajn kif ukoll l-għażla ikbar ta’ prodotti u servizzi disponibbli huma stmati li jilħqu EUR 11.7 biljun – ammont li huwa ekwivalenti għal 0.12 % tal-PDG Ewropew. Kieku l-kummerċ elettroniku jirrappreżenta 15 % tal-kummerċ fil-livell tal-konsumatur u l-ostakli tas-suq intern ikunu eliminati, il-benefiċċji għall-konsumaturi jistgħu jilħqu EUR 204 biljun, jiġifieri 1.7 % tal-PDG Ewropew1. Madankollu, il-Kummissjoni Ewropea nnotat li għadd ta’ problemi qed jostakolaw lill-konsumaturi u lill-impriżi milli jinvestu b’mod sħiħ fis-servizzi onlajn : Ir-regoli applikabbli huma ħafna drabi injorati jew inċerti, l-offerti mhumiex trasparenti u huwa diffiċli li jitqabblu, filwaqt li l-ħlasijiet u l-modi ta’ kunsinna ħafna drabi huma għoljin ħafna u mhumiex adattati2.

Għaldaqstant, fil-kuntest tal-Istrateġija Diġitali3 u tal-Att dwar is-Suq Uniku4, u bħala reazzjoni għad-domanda tal-Kunsill Ewropew biex ikun ippreżentat pjan ta’ azzjoni għall-kisba tas-suq diġitali intern sal-2015, il-Kummissjoni llum adottat komunikazzjoni li tippreżenta 16–il azzjoni konkreta li għandhom l-għan li sal-2015 jirdoppjaw il-parti tal-kummerċ elettroniku fil-bejgħ fil-livell tal-konsumatur (li bħalissa hu 3.4 %), kif ukoll il-parti tal-ekonomija tal-internet fil-PDG Ewropew (li bħalissa huwa inqas minn 3 %). Sal-2015, il-kummerċ u s-servizzi onlajn jistgħu jippreżentaw iktar minn 20 % tat-tkabbir u tal-ħolqien nett ta’ impjiegi f’ċerti Stati Membri (pereżempju fi Franza, il-Ġermanja, ir-Renju Unit, l-Isvezja)5.

Il-Kummissarji Michel Barnier responsabbli għas-Suq Intern, Neelie Kroes, Viċi President tal-Kummissjoni u Kummissarju għall-Aġenda Diġitali u John Dalli responsabbli għall-politika tal-konsumaturi, esprimew l-għan ambizzjuż tagħhom b’dan il-mod: “  Fil-kuntest diffiċli li għaddejja minnu l-Ewropa, jeħtieġ li naħtfu kull sors supplimentari ta’ attività u ta’ impjieg. Il-pjan ta’ azzjoni li qed nippreżentaw illum se joħloq opportunitajiet ġodda għaċ-ċittadini u l-impriżi u se jwassal għat-tkabbir u l-impjiegi li l-Ewropa tant għandha bżonn. Huwa għandu l-għan li jelimina l-ostakoli li sa issa qed ixekklu l-iżvilupp tal-ekonomija Ewropea tal-internet.”

Kontenut tal-Komunikazzjoni

F’konformità mal-Att dwar is-Suq Uniku u l-Istrateġija Diġitali, il-Komunikazzjoni tippreżenta Pjan ta’ Azzjoni li se jiffaċilita l-aċċess transkonfinali għall-prodotti u l-kontenuti onlajn ; se jsolvi, għal perjodu twil ta’ żmien, il-problemi marbuta mal-ħlasijiet u l-kunsinni, kif ukoll dawk relatati mal-protezzjoni tal-konsumaturi u l-informazzjoni indirizzata lilhom; se jiffaċilita s-soluzzjoni ta’ tilwim u l-irtirar ta’ kontenuti illegali u b'hekk jikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ internet iktar sigur u li jirrispetta iktar id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali. Dan ifisser il-ħolqien ta’ ambjent iktar adattat għall-iżvilupp ta’ suq diġitali uniku dinamiku filwaqt li jkunu indirizzati l-problemi li jkunu qed ixekklu u jkun iffaċilitat l-investiment fil-konnettività mingħajr fili u fl-infrastrutturi fissi ta’ ġenerazzjoni ġdida u li jkun possibbli l-iżvilupp ta’ servizzi ta’ cloud computing.

Il-Komunikazzjoni tidentifika l-potenzjal tal-kummerċ elettroniku u tas-servizzi onlajn li jistgħu jippreżentaw sa 20 % tal-impjiegi u tat-tkabbir fil-ħames snin li ġejjin. L-aċċess għall-prodotti u s-servizzi għall-persuni ġeografikament iżolati jew vulnerabbli se jkun ukoll iffaċilitat u b'hekk ikun qed jikkontribwixxi għall-koeżjoni tat-territorju Ewropew.

Il-Komunikazzjoni tindika wkoll l-ostakoli għall-iżvilupp tal-ekonomija tal-internet : offerti legali u transkonfinali limitati ħafna, protezzjoni u informazzjoni tal-konsumaturi mhux sodisfaċenti, kunsinni u ħlasijiet mhux effikaċi biżżejjed ; il-kontenuti illegali għadhom diffiċli ħafna biex ikunu trattati u r-riskju tat-tixrid taċ-ċiberkriminalità.

Kuntest

Il-konsumaturi ħafna drabi ma għandhomx fiduċja fil-kummerċ jew is-servizzi onlajn u jinsabu mħassba dwar ir-rispett tad-drittijiet tagħhom speċjalment meta tinqala’ problema. Huma frustrati wkoll li ċertu servizzi onlajn mhumiex offruti f’pajjiżhom jew saħansitra minħabba li ma jistgħux jixtru minn Stati Membri oħra, minħabba pereżempju li ċertu impriżi jirrifjutaw li jagħmlu kunsinni f’pajjiżhom u li jaċċettaw il-kards ta’ ħlas barranin. Fl-aħħar nett, xi drabi huma mċaħħda minn aċċess għal netwerks broadband u jħabbtu wiċċhom ma' żieda fil-ċiberkriminalità.

Id-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku (2000/31/KE) tinkludi regoli li jiffaċilitaw il-prestazzjoni ta’ servizzi onlajn fl-Unjoni Ewropea u li jiggarantixxu li dawn is-servizzi jirreaġixxu għal ċerti kriterji. Id-Direttiva tat il-bażijiet għall-iżvilupp transkonfinali tas-servizzi onlajn. Teknoloġikament newtrali, hija kienet rikonoxxuta mill-partijiet ikkonċernati matul il-konsultazzjoni pubblika organizzata fl-20106, bħala l-muftieħ għas-suq diġitali uniku. Għalhekk jeħtieġ li tkun ikkompletata mingħajr ma jkun hemm il-ħtieġa li tiġi riveduta

Id-Direttiva tipprevedi wkoll li l-fornituri tas-servizzi onlajn fil-prinċipju għandhom jirrispettaw ir-regoli tal-pajjiż fejn huma stabbiliti. Hija tinkludi wkoll dispożizzjonijiet dwar il-ħarsien tal-konsumaturi. Hija tobbliga lill-fornituri tas-servizzi biex jindikaw, pereżempju, id-dettalji tal-kuntatt fuq is-siti tal-internet tagħhom, biex jiggarantixxu li l-pubbliċità tista’ tkun faċilment identifikata bħala tali u li tipproteġi kontra l-ispam. Barra minn hekk, id-Direttiva tforni, taħt ċertu kundizzjonijiet, eżenżjonijiet ta’ responsabbiltà għall-fornituri intermedjarji meta jżommu jew meta jitrażmettu kontenuti li jitqiegħdu onlajn minn partijiet terzi.

Ara wkoll il-MEMO/12/5

Għal aktar informazzjoni:

http://ec.europa.eu/internal_market/e-commerce/communication_2012_en.htm

http://ec.europa.eu/information_society/digital-agenda/index_en.htm

http://ec.europa.eu/consumers/consumer_research/market_studies/e_commerce_study_en.htm

Kuntatti :

Chantal Hughes (+32 2 296 44 50)

Ryan Heath (+32 2 296 17 16)

Frédéric Vincent (+32 2 298 71 66)

Carmel Dunne (+32 2 299 88 94)

Linda Cain (+32 2 299 90 19)

Aikaterini Apostola (+32 2 298 76 24)

1 :

http://ec.europa.eu/consumers/consumer_research/market_studies/e_commerce_study_en.htm

2 :

Intra-community cross-border parcel delivery, FTI Consulting, Diċembru 2011

3 :

http://ec.europa.eu/information_society/digital-agenda/index_en.htm

4 :

COM/2011/0206 final

5 :

Internet matters, the net's sweeping impact on growth, jobs, and prosperity" McKinsey Global Institute, Mejju 2011 u L'impact d'Internet sur l'économie française (L-impatt tal-internet fuq l-ekonomija Franċiża). McKinsey. Marzu 2011

6 :

http://ec.europa.eu/internal_market/consultations/2010/investor_compensation_en.htm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website