
Il-Kummissjoni Ewropea
Stqarrija għall-istampa
Brussell, it-12 ta' Ottubru 2012
L-Erasmus għal Imprendituri Żgħażagħ appoġġa iktar minn 2,600 imprenditur
Hekk kif ninsabu ftit jiem 'il bogħod mill-Ġimgħa tal-SMEs li se ssir bejn il-15 u l-21 ta’ Ottubru, il-Programm Erasmus għall-Imprendituri Żgħażagħ laħaq pass importanti: il-Programm appoġġa aktar minn 2,600 imprenditur hekk kif sa issa ġew organizzati aktar minn 1,300 skambju bejn imprendituri ġodda u oħrajn stabbiliti. Waqt ċerimonja fi Brussell ilbieraħ filgħaxija, l-imprendituri u l-punti ta' kuntatt lokali (l-organizzazzjonijiet intermedjarji) ġew ippremjati għall-kontribuzzjonijiet attivi u ta’ suċċess tagħhom fil-Programm.
Il-parteċipanti fil-kompetizzjoni juru li l-Programm qabad sew – partikolarment matul l-aħħar sena – u li minn dan il-Programm igawdu l-imprendituri ġodda, dawk ospitanti u kif ukoll l-ekonomija tal-UE. Ġew użati ħames kategoriji differenti ta’ premijiet biex jiġu evalwati l-Vidjo tal-Aqwa Storja ta' Suċċess, l-Aqwa Kooperazzjoni Wara r-Relazzjoni, l-Aqwa Kunċett tan-Negozju minn Imprendituri Ġodda, l-Aqwa Imprenditur Ospitanti kif ukoll l-Organizzazzjoni Intermedjarja bl-Aqwa Prestazzjoni.
Il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, Antonio Tajani, li hu responsabbli għall-politiki dwar l-industrija u l-intrapriża, saħaq: “Jeħtieġ li tittejjeb l-internalizzazzjoni tal-SMEs tal-UE, għaliex dawk l-SMEs li jesportaw il-prodotti u s-servizzi tagħhom fl-UE kif ukoll lil hinn huma relattivament ftit. L-iskema Erasmus għall-Imprendituri Żgħażagħ igawdu minnha kemm l-imprendituri l-ġodda kif ukoll dawk ospitanti għaliex dawn itejbu l-aċċess tagħhom stess għas-suq u jidentifikaw imsieħba potenzjali f’pajjiżi oħra tal-UE.”
Ara l-intervista ma' parteċipanti Erasmus
Għal aktar tagħrif dwar il-Programm Erasmus għall-Imprendituri
Aktar tagħrif dwar il-Premijiet
Għal studji ta' każijiet ta' skambji
Ir-Rebbieħa tal-Premijiet Erasmus għall-Intraprenditorija tal-2012
Għall-Vidjo tal-Aqwa Storja ta' Suċċess
Imprenditur Ġdid: Luca Oggianu (IT) – Imprenditur Ospitanti (IO) Christophe Chatillon (BE): Servizzi diġitali fil-qasam tal-applikazzjonijiet
Imprenditur Ġdid: Ramon Francos Sanchez (ES) – IO Piotr Przewrocki (PL): Servizzi multimedjali
Imprenditur ġdid: Liga Stige (LV) – IO George Skafidas (EL): Servizz ta’ senserija doganali
Għall-Aqwa Kooperazzjoni Wara r-Relazzjoni
Imprenditur ġdid: Sébastien Aubert (FR) – IO Thierry Baujard (DE): Produzzjoni tal-films u l-finanzjament tal-films
Imprenditur ġdid: Dimitris Matsakis (EL) – IO Pierre Engel (FR): Konsultazzjoni u l-bini tal-kapaċità fit-teknoloġiji spazjali
Imprenditur ġdid: Sylvain Lemoine (FR) – IO Carl Georg Rasmussen (DK): Trasport sostenibbli
Għall-Aqwa Kunċett tan-Negozju
Imprenditur ġdid: Marius Dan Croitoru (RO): Pjattaforma onlajn għal studenti u professjonisti żgħażagħ
Imprenditur ġdid: Esther Pascual Fernandez (ES): Użu mill-ġdid ta' demel likwidu tal-bhejjem fil-manifattura ta’ kontenituri tal-pjanti
Imprenditur ġdid: Marco Migliorisi (IT): Moda li mhix ta’ ħsara għall-ambjent
Għall-Aħjar Imprenditur Ospitanti
Joseph A. Bugeja (MT): Vjaġġar u Turiżmu
Gianluca Massimiliano Frongia (IT): Promozzjoni tal-iżvilupp personali u professjonali taż-żgħażagħ sabiex dawn isiru ċittadini attivi
Seppo Huurinainen (FI): Fornitur ta’ sistemi tal-enerġija bio ERP (Enterprise Resource Planning)
Għall-Organizzazzjoni Intermedjarja bl-Aqwa Prestazzjoni
Unioncamere del Veneto - Eurosportello Veneto (IT)
Dwar il-programm Erasmus għall-Imprendituri Żgħażagħ
Mill-2009 imprenditur li jkun beħsiebu jiftaħ kumpanija jew li jkun għadu kif beda jista’ jikseb taħriġ dirett minn imprenditur ta’ esperjenza minn pajjiż ieħor, billi jaħdem miegħu għal tul ta' bejn xahar u sitt xhur. L-iskema “Erasmus għal Imprendituri Żgħażagħ” tiffaċilita n-netwerking bejn l-imprendituri billi tibni fuq l-għarfien u l-esperjenza transkonfinali fi ħdan l-UE.
L-istatistika turi li 93% tal-imprendituri ġodda u 86% tal-imprendituri ospitanti li pparteċipaw fil-programm jirrappurtaw li l-iskambju kkontribwixxa għall-iżvilupp tan-negozju tagħhom. Erbgħa u tmenin fil-mija tal-imprendituri ospitanti stqarru li huma lesti jilqgħu imprenditur ġdid ieħor. Ħafna mill-iskambji jirriżultaw f’kooperazzjoni fit-tul bejn iż-żewġ imprendituri u jwasslu għall-internazzjonalizzazzjoni tan-negozji tagħhom. Barra minn hekk, il-programm mhux talli jikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ negozji ġodda, iżda jagħmilhom aktar sodi u sostenibbli.
Il-Programm tnieda mill-Kummissjoni Ewropea bħala proġett pilota. Billi dan ġab riżultati pożittivi, il-Kummissjoni kienet inkludietu fil-Programm ta' Kompetittività u Innovazzjoni (CIP) u huwa mistenni li jitkompla taħt il-Programm għall-Kompetittività tal-Intrapriżi u l-SMEs (COSME).
Il-Ġimgħa Ewropea tal-SMEs 2012 – Biex aktar imprendituri nisa joħolqu tkabbir u impjiegi
Il-Ġimgħa Ewropea tal-SMEs 2012 hija maħsuba biex tippromwovi u tappoġġa l-imprendituri nisa. Il-ġimgħa għandha l-għan li:
tipprovdi informazzjoni dwar dak li l-UE u l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali qed joffru bħala appoġġ lin-negozji żgħar ħafna, żgħar u ta' daqs medju;
tippromwovi l-intraprenditorija biex b'hekk aktar persuni, u b'mod partikulari ż-żgħażagħ, jikkunsidraw b'mod serju li jagħżlu karriera bħala imprendituri;
tirrikonoxxi lill-imprendituri għall-kontribuzzjoni tagħhom fil-benesseri Ewropew, l-impjiegi, l-innovazzjoni u l-kompetittività.
Is-Samit tal-Ġimgħa Ewropea tal-SMEs tal-2012 se jkun organizzat fi Brussell fis-17 ta’ Ottubru. It-tema tal-konferenza se tkun "L-Intraprenditorija tan-Nisa".
Aktar tagħrif dwar il-ġimgħa tal-SMEs
Kuntatti: Carlo Corazza (+32 2 295 17 52) Sara Tironi (+32 2 299 04 03) |