Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, il-11 ta' Ottubru 2012

L-Ajru Uniku Ewropew;- għaddew 10 snin u għadu mhux qed jikseb ir-riżultati mistennija

L-Ajru Uniku Ewropew, li huwa proġett emblematiku għall-ħolqien ta’ Spazju tal-ajru Uniku Ewropew – li għandu jitriplika l-kapaċità u jnaqqas il-kostijiet tat-traffiku bl-ajru bin-nofs – “mhux qed jikseb ir-riżultati mistennija”. Siim Kallas, il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea responsabbli mit-Trasport, illum ħabbar l-intenzjoni tiegħu li fir-rebbiegħa tal-2013 jippreżenta proposti leġiżlattivi ġodda bil-għan li tiġi aċċelerata l-implimentazzjoni ta' dan il-proġett, kif ukoll biex jittieħdu l-azzjonijiet ta' infurzar kollha possibbli, li jinkludu, fejn ikun meħtieġ, proċeduri ta’ ksur.

Il-frammentazzjoni tal-ispazju tal-ajru Ewropew toħloq ineffiċjenzi li jikkawżaw kostijiet żejda li jammontaw għal madwar EUR 5 biljun fis-sena. Dawn l-ineffiċjenzi jtawlu d-distanza ta’ titjira b’medja ta’ 42 kilometru; dan iwassal għal aktar konsum ta’ fjuwil, ġenerazzjoni ta’ aktar emissjonijiet, l-obbligu ta’ ħlas ta’ tariffi ogħla għall-utenti u jikkawża aktar dewmien. L-Istati Uniti jirnexxila tikkontrolla l-istess spazju tal-ajru, b’aktar traffiku, iżda bi kważi nofs il-kost.

Meta kien qed jitkellem waqt il-Konferenza ta’ Livell Għoli “Ajru Uniku Ewropew: il-waqt li tittieħed azzjoni” li saret f’Limassol (Ċipru) illum, il-Viċi President Kallas qal “Kif dejjem ngħid, l-Ajru Uniku Ewropew huwa l-ewwel prijorità tiegħi fil-qasam tal-avjazzjoni. L-importanza tiegħu ma tippermettix l-eventwalità li ma jirnexxix. Għadna lura wisq milli nilħqu l-ambizzjonijiet oriġinali tagħna. Għaddew aktar minn 10 snin u l-problemi ewlenin baqgħu l-istess; kapaċità żgħira wisq li toħloq il-potenzjal ta’ impatt negattiv fuq is-sikurezza, bi prezz għoli ż-żejjed. Jidher li hemm sinjali ta’ ċaqlieq, iżda kumplessivament, il-progress qed iseħħ bil-mod ħafna u huwa limitat wisq. Jeħtieġ li noħorġu b’soluzzjonijiet oħra u li napplikawhom malajr. Teżisti wisq frammentazzjoni nazzjonali. It-titjib imwiegħed ma ġiex imwettaq.”

L-2012 hija sena deċiżiva għall-Ajru Uniku Ewropew, b’erba' miri importanti, fosthom dik li jiġu stabbiliti 9 blokok ta' spazju tal-ajru funzjonali (FABs - Functional Airspace Blocks) li jkunu operazzjonali sa Diċembru 2012. Il-Viċi-President wissa li, abbażi tal-progress miksub sal-lum, l-Ewropa għadha lura ħafna milli toħloq spazju tal-ajru uniku. Huwa qal, pereżempju, li filwaqt li l-FABs għad irid jiġu stabbiliti “Issa rridu nieħdu ħsieb li dawn iġibu magħhom valur miżjud. Fil-preżent jidher ċar li dawn ftit li xejn jistgħu jikkontribwixxu għall-ħolqien ta’ spazju tal-ajru integrat u mingħajr frammentazzjoni.” Huwa ħabbar li l-Kummissjoni, sabiex tiżgura li jseħħ il-progress meħtieġ, se tuża s-setgħat ta’ infurzar tagħha kull fejn possibbli, u jekk ikun meħtieġ, tapplika proċeduri ta' ksur.

Barra minn hekk, fir-rebbiegħa tal-2013, il-Kummissjoni se tressaq proposti sabiex issaħħaħ il-qafas ġuridiku eżistenti tal-Ajru Uniku Ewropew, bil-għan li taċċellera r-riformi li għaddejjin bħalissa. Il-proposti għandhom jinkludu miżuri li jsaħħu:

1. L-Iskema ta’ Prestazzjoni. Għall-Ajru Uniku Ewropew, huwa importanti ħafna li jintlaħqu l-miri ta’ prestazzjoni għaż-żieda tal-kapaċità tal-ispazju tal-ajru Ewropew u għat-tnaqqis tal-kostijiet. Dawn huma essenzjali biex il-proġett tal-Ajru Uniku Ewropew jirnexxi.

F'Lulju 2012, il-Kummissjoni approvat pjanijiet nazzjonali għat-tnaqqis tal-kostijiet u ż-żieda tal-kapaċità għall-perjodu 2012-2014. Il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li tagħmel miri ta’ prestazzjoni ferm ogħla għall-perjodu 2015-2019. Barra minn hekk, il-proposti tal-Ajru Uniku Ewropew fl-2013 għandhom jiżguraw ukoll li l-Kummissjoni jkollha s-setgħat kollha meħtieġa li tesiġi li l-Istati Membri u l-FABs jiksbu l-miri miftiehma u ser isaħħu l-indipendenza tal-Korp ta’ Analiżi tal-Prestazzjoni.

2. Qegħdin jiġu stabbiliti disa’ blokok ta' spazju tal-ajru funzjonali (FABs). Il-Kummissjoni se tippreżenta proposti sabiex jiġi żgurat li dawn il-blokok ta’ ġestjoni tat-traffiku bl-ajru reġjonali jwasslu għal titjib operazzjonali reali. L-Istati Membri se jkunu meħtieġa li jiżviluppaw pjanijiet strateġiċi u operazzjonali fil-livel tal-FABs. Jeħtieġ li l-FABs jiksbu riżultati operazzjonali reali malajr, u mhux ikunu eżistenti fuq il-karta biss.

3. Il-Maniġer tan-Netwerk għall-Ewropa. Il-Kummissjoni se ssaħħaħ is-setgħat tal-Maniġer tan-Netwerk, b’mod partikolari sabiex tippermettilu jassumi funzjonijiet pan-Ewropej aktar ċentralizzati, pereżempju fir-rigward tat-tfassil tal-ispazju tal-ajru, inkluż fl-ippjanar tar-rotot. Dan għandu jgħin sabiex l-effiċjenza tan-netwerk tiżdied kemm jista’ jkun.

4. Aktar riformi tal-Forniment tas-Servizzi tan-Navigazzjoni tal-Ajru. Il-Kummissjoni se tipproponi li jkun hemm fokus akbar fuq l-impenji ewlenin filwaqt li l-fornituri tas-servizzi jingħataw il-possibbiltà li joffru servizzi anċillari. Se tipproponi wkoll li tissaħħaħ is-separazzjoni tagħhom mir-regolaturi nazzjonali.

Dan kollu jiddependi minn kemm tirnexxi l-fażi ta’ skjerament tal-programm SESAR - l-element teknoloġiku tal-Ajru Uniku Ewropew. Il-Kummissjoni dalwaqt tippreżenta l-proposti tagħha dwar l-iskemi ta’ governanza u ta’ finanzjament lill-Kunsill u lill-Parlament.

L-Ajru Uniku Ewropew huwa inizjattiva emblematika Ewropea li għandha tirriforma l-arkitettura tal-kontroll tat-traffiku bl-ajru Ewropew, sabiex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet ta’ kapaċità u sikurezza fil-futur. Abbażi tal-inizjattivi li ttieħdu fl-aħħar snin tad-disgħinijiet, ġew adottati l-pakkett tal-Ajru Uniku I (SES I - Single Sky I) fl-2004 u l-pakkett tal-Ajru Uniku II (SES II - Single Sky II) fl-2009.

Permezz tal-implimentazzjoni sħiħa tas-SES:

  • Is-sikurezza tittejjeb b’għaxar darbiet

  • Il-kapaċità tal-ispazju tal-ajru titripla

  • Il-kostijiet tal-ġestjoni tat-traffiku bl-ajru jitnaqqsu b'50 %

  • L-impatt fuq l-ambjent jitnaqqas b’10 %

X’se jiġri issa?

Fir-rebbiegħa tal-2013, il-Kummissjoni se tressaq proposti SES ġodda. Qabel ma jsiru liġi, il-proposti leġiżlattivi se jkunu jeħtieġu l-approvazzjoni tal-Istati Membri u tal-Parlament.

Għal aktar tagħrif:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/kallas/headlines/news/2011/11/ses_en.htm

MEMO/12/774

SPEECH/12/711

Kuntatti:

Helen Kearns (+32 2 298 76 38)

Dale Kidd (+32 2 295 74 61)

L-Ajru Uniku Ewropew: Fatti u Ċifri Ewlenin

L-ajru u l-ajruporti Ewropej qegħdin f’riskju ta’ saturazzjoni. Kull sena, diġà jgħaddu madwar 1.4 biljun passiġġier mill-ajruporti Ewropej, li jammontaw għal aktar minn 440. Isiru aktar minn 27,000 titjira kkontrollata kuljum; dan ifisser li kull sena, 10 miljun ruħ jgħaddu mill-ispazju tal-ajru tal-Ewropa. 80 % ta’ dawn it-titjiriet isiru fl-UE.

Is-Settur Ewropew tat-Trasport bl-Ajru qiegħed jamministra s-sitwazzjoni attwali b'kompetenza, iżda, b'kundizzjonijiet ekonomiċi normali, it-traffiku bl-ajru huwa mistenni li jiżdied b’sa 5 % kull sena. Dan għandu jwassal għal madwar 17-il miljun titjira sal-2030. Fis-sena 2030, l-għadd ta’ ajruplani li jittajru fl-ispazju tal-ajru Ewropew kull sena huwa mistenni li jkun daqs dak tal-popolazzjoni ta’ Beijing.

Jekk ma nagħmlu xejn, tinqala' konfużjoni sħiħa. L-Ewropa, mhux talli jkollha tirrifjuta parti kbira mid-domanda potenzjali, iżda ssir ukoll vulnerabbli għal ammont ta’ dewmien u tħassir ta’ titjiriet bħal qatt qabel. Jekk nibqgħu għaddejjin bl-istess mod, sal-2050 il-kostijiet tal-konġestjoni jiżdiedu b’madwar 50 %.

Il-problema ewlenija hija li s-sistemi ta’ ġestjoni tat-traffiku bl-ajru fl-Ewropa huma frammentati u ineffiċjenti.

L-ispazju tal-ajru tal-UE għadu frammentat f’27 sistema ta’ ġestjoni tat-traffiku bl-ajru, li jipprovdu servizzi minn madwar 60 ċentru tat-traffiku bl-ajru, filwaqt li l-ispazju tal-ajru huwa maqsum f’aktar minn 650 settur. Dan ifisser li, attwalment, l-istruttura tal-ispazju tal-ajru hija bbażata fuq il-fruntieri nazzjonali u għalhekk ta' spiss it-titjiriet ma jkunux jistgħu jużaw rotot diretti. Bħala medja, fl-Ewropa, l-inġenji tal-ajru jittajru 42 km aktar milli huwa strettament meħtieġ; dan minħabba l-frammentazzjoni, li tikkawża ħinijiet itwal ta' titjir u aktar dewmien, konsum ta’ fjuwil u emissjonijiet ta’ CO2.

Barra minn hekk, it-teknoloġiji li jintużaw attwalment fil-ġestjoni tat-traffiku bl-ajru ilhom li ġew żviluppati mis-snin ħamsin, u għalhekk issa qdiemu.

Il-frammentazzjoni tal-ispazju tal-ajru Ewropew toħloq ineffiċjenzi li jikkawżaw kostijiet żejda li jammontaw għal madwar EUR 5 biljun fis-sena. Dawn il-kostijiet jiġu mgħoddija fuq il-kummerċ u l-passiġġieri. Attwalment, bejn 6 u 12 % tal-kost ta’ biljett huma dovuti għall-kontroll tat-traffiku bl-ajru.

Is-sistema ta’ ġestjoni tat-traffiku bl-ajru tal-Istati Uniti hija effiċjenti d-doppju ta’ dik tal-UE; din is-sistema tieħu ħsieb il-ġestjoni ta’ għadd doppju ta’ titjiriet, bl-istess kost, u tagħmel dan minn terz tat-total ta’ ċentri ta’ kontroll fl-UE.

Quddiem dawn l-isfidi, fl-aħħar snin tad-disgħinijiet kienu ġew imfassla proposti għall-ħolqien ta’ Ajru Uniku Ewropew, li kellhom jeliminaw il-fruntieri nazzjonali fl-ajru u b’hekk joħolqu Spazju tal-Ajru Uniku Ewropew:

a) li jżid is-sikurezza b’għaxar darbiet

b) li jitripla l-kapaċità tal-ispazju tal-ajru

c) li jnaqqas il-kostijiet tal-ġestjoni tat-traffiku bl-ajru b’50 %

d) li jnaqqas l-impatt ambjentali b’10 %


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website