Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, l-10 ta' Ottubru 2012

Il-bejjiegħa bl-imnut jieħdu azzjoni biex jevitaw il-ħela fl-ikel

Il-bejjiegħa bl-imnut impenjaw irwieħhom li jieħdu azzjoni volontarja biex jevitaw il-ħela, partikolarment il-ħela fl-ikel. Il-bieraħ, waqt il-Forum tal-Bejgħ bl-Imnut fi Brussell, ikkonfermaw it-twemmin kontinwu tagħhom fil-ħtieġa li nimxu għal ekonomija effiċjenti fir-riżorsi minkejja s-sitwazzjoni ekonomika diffiċli. F’ħarsa lejn il-miri tas-sostenibbiltà li kienu stabbilixxew għalihom infushom f’oqsma ewlenin matul snin diffiċli, bħall-bejgħ ta’ aktar prodotti ekoloġiċi, huma nnotaw progress qawwi.

Il-Kummissarju għall-Ambjent, Janez Potočnik, qal: "Il-ħela fl-ikel hija ekonomikament ħażina, u moralment ħażina. Din hija r-raġuni għaliex il-Kummissjoni qed timmira li sal-2020 tnaqqas bin-nofs il-ħela fl-ikel li jkun għadu jista’ jittiekel. Il-bejjiegħa bl-imnut jidħlu fil-mument kruċjali meta l-konsumaturi jieħdu d-deċiżjonijiet dwar ix-xiri tagħhom. Għandhom rwol essenzjali, tabilħaqq responsabbiltà, sabiex jiggwidaw lill-konsumaturi lejn għażliet aktar sostenibbli. Il-bejjiegħa bl-imnut għandhom jkunu fuq quddiem nett fil-ħolqien ta’ ekonomija ekoloġika billi jieħdu azzjonijiet progressivi li jmorru lil hinn mill-għażliet faċli. Illum qed narawhom jieħdu pass fid-direzzjoni t-tajba, fejn qed jimmiraw il-ħela fl-ikel."

“Bħala l-akbar bejjiegħa bl-imnut Ewropej, aħna se nkomplu ninnovaw fuq l-iskala globali meħtieġa biex niżguraw ekonomija iktar ekoloġika. L-ambizzjoni tagħna hija li nilħqu approċċ wieħed komuni dwar l-impronta ekoloġika tal-prodotti. Għalhekk, se ntejbu l-prestazzjoni tal-katina tal-provvista u se nikkomunikaw mal-konsumaturi tagħna b'mod iktar effettiv dwar is-sostenibbiltà tal-prodotti" qal Dick Boer, il-President tal-Għaqda Ewropea tal-Bejgħ bl-Imnut (ERRT – European Retail Round Table).

“Dawn l-eżempji jaċċennaw il-fatt, li minkejja l-kriżi, il-bejjiegħa bl-imnut qed iħeġġu lill-konsumaturi fit-tranżizzjoni tagħhom għal stili ta’ ħajja aktar sostenibbli. L-isfida għall-bejgħ bl-imnut hija li tagħmel l-għażla sostenibbli bħala l-għażla l-ħafifa għall-konsumaturi, u fejn possibbli, aħna se nakkumpanjawhom matul dan il-proċess” qalet Dame Lucy Neville-Rolfe, il-President tal-EuroCommerce.

Il-bejjiegħa bl-imnut fil-Forum iwiegħdu li se jwettqu azzjonijiet ambjentali speċifiċi biex jikkontribwixxu għall-konsum sostenibbli u l-effiċjenza fir-riżorsi. L-għadd ta’ impenji ambjentali żdied bi 30 % f'sena waħda għal aktar minn 500, u dawn huma maqsuma fi 3 kategoriji (“dak li nbiegħu”, “kif inbiegħu aħna” u “komunikazzjoni”).

Din is-sena 19-il membru tal-Forum tal-Bejgħ bl-Imnut ippreżentaw l-inizjattiva tagħhom stess dwar il-ħela, fejn huma wiegħdu li se jniedu kampanji ta’ sensibilizzazzjoni dwar il-ħela u l-prevenzjoni u t-tnaqqis tal-ħela fl-ikel. Din l-inizjattiva se tikkumplimenta l-politiki rilevanti tal-UE dwar il-ħela, kif stabbilit fil-Pjan Direzzjonali lejn Ewropa Effiċjenti fir-Riżorsi. Pereżempju, li sal-2020 tonqos bin-nofs il-ħela tal-ikel li jkun għadu jista’ jittiekel, li l-ħela ssir riżors u li virtwalment jiġi eliminat r-rimi fil-miżbliet. Il-firmatarji tal-inizjattiva se jirrapportaw dwar ir-riżultati miksuba fil-laqgħat li jmiss tal-Forum tal-Bejgħ bl-Imnut.

L-Impenji magħmula mill-membri tal-Forum qed jiffokaw dejjem iżjed fuq li jipprovdu prodotti aktar sostenibbli fuq l-ixkafef tal-bejjiegħa bl-imnut, bħal ikel tal-baħar, tessuti, prodotti organiċi u tal-kummerċ ġust, u injam u karti ċċertifikati, sostenibbli. Matul l-Avveniment Annwali tal-2012 ġew aċċennati għadd ta’ kisbiet tal-aħjar prattiki. Pereżempju, IKEA żgurat li sa 86 % tal-iskart li jinħażen jiġi riċiklat u żviluppat proġetti tal-qoton sostenibbli fil-pajjiżi fornituri li jkopru 100,000 bidwi. C&A rdoppja il-bejgħ tal-qoton organiku fi 3 snin biex is-sena l-oħra laħaq 32 miljun oġġett. Ħafna bejjiegħa bl-imnut espandew il-firxa ta’ ħut minn sorsi sostenibbli, bħal Metro Group, filwaqt li REWE Group pprovda tagħrif dettaljat lill-konsumaturi dwar il-kwistjoni sensittiva ferm tar-residwi tal-pestiċidi fil-frott u l-ħaxix.

Sfond

Il-Forum tal-Bejgħ bl-Imnut tnieda f'Marzu 2009 bħala pjattaforma volontarja għal bosta partijiet interessati. Is-sħubija hija miftuħa għall-bejjiegħa bl-imnut kollha li jissieħbu mar-Retailers' Environmental Action Programme (REAP) u wkoll għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Twaqqaf biex jiffaċilita d-djalogu bejn il-Kummissjoni Ewropea, il-bejjiegħa bl-imnut u l-partijiet interessati ewlenin, biex jiġġenera fehim aħjar tal-miżuri prattiċi meħtieġa għall-promozzjoni tal-konsum sostenibbli.

Għal aktar tagħrif:

Il-Forum tal-Bejgħ bl-Imnut:

http://ec.europa.eu/environment/industry/retail/index_en.htm

Pjan Direzzjonali għal Ewropa Effiċjenti fir-Riżorsi:

http://ec.europa.eu/resource-efficient-europe/

Kuntatti:

Joe Hennon (+32 2 295 35 93)

Monica Westeren (+32 2 299 18 30)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site