Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, l-10 ta' Ottubru 2012

Il-Kummissjoni tiddeskrivi l-passi li jmiss dwar it-tkabbir tal-UE

Illum il-Kummissjoni Ewropea qed tirrakkomanda għar-raba’ darba biex tiftaħ negozjati għall-adeżjoni ma’ dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja. Hija qed tirrakkomanda l-għoti ta’ status ta' kandidat tal-UE lill-Albanija soġġett għat-tkomplija ta’ passi ewlenin ta' riforma, u qed tipproponi li tinnegozja Ftehim ta’ Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (FSA) mal-Kosovo*1 ladarba jkun għamel progress fit-twettiq ta’ għadd ta' prijoritajiet fit-terminu qasir. Il-Kummissjoni kkonfermat ukoll li l-Kroazja qiegħda fit-triq it-tajba fil-preparazzjonijiet tagħha għas-sħubija. F'sett ta' rapporti annwali, il-Kummissjoni tivvaluta l-progress li sar f'din l-aħħar sena lejn adeżjoni mal-UE fi bnadi oħra tal-Balkani tal-Punent, it-Turkija, u l-Islanda.

Filwaqt li kien qed jippreżenta l-Pakkett annwali tat-Tkabbir, il-Kummissarju Stefan Füle qal: "Ir-rakkomandazzjonijiet tagħna jqiegħdu l-istat tad-dritt sew fiċ-ċentru tal-proċess ta' adeżjoni. Biex tinħoloq ekonomija aktar stabbli u prosperuża, irid jinżamm momentum kemm għall-proċess tat-tkabbir bbażat fuq il-mertu fin-naħa tal-UE u kemm għal riformi fuq il-post fil-pajjiżi tat-tkabbir."

Ir-rakkomandazzjonijiet tal-lum fuq l-Albanija, il-Kosovo u dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja kif ukoll l-adeżjoni imminenti tal-Kroazja, il-bidu riċenti tan-negozjati għall-adeżjoni mal-Montenegro u l-istatus ta’ kandidat għas-Serbja – fuq il-bażi ta' indikazzjonijiet ċari dwar x’inhu meħtieġ biex jibdew in-negozjati għall-adeżjoni - juru li ladarba jsiru r-riformi, l-UE jirnexxilha tissodisfa l-impenji tagħha. Dawn l-iżviluppi pożittivi fil-Balkani tal-Punent jibagħtu sinjal qawwi tas-saħħa trasformattiva tat-tkabbir tal-UE. Biex javvanzaw aktar, il-Kummissjoni qed tipproponi li żżid fowkus fuq għadd ta’ oqsma. L-ewwel nett, bit-tisħiħ tal-governanza demokratika billi jiġu indirizzati kwistjonijiet dwar l-istat tad-dritt ferm qabel ma jibdew in-negozjati għall-adeżjoni. It-tieni nett, it-tisħiħ tal-libertà tal-espressjoni u l-indipendenza tal-midja. It-tielet nett, l-indirizzar ta’ kwistjonijiet ekonomiċi kmieni fil-proċess li jikkonsolida l-istabbiltà ekonomika u finanzjarja u tgħin l-irkupru. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tenfasizza li kwistjonijiet bilaterali għandhom jiġu indirizzati mill-iktar fis possibbli; ma għandhomx iżommu lura l-proċess ta' adeżjoni.

Interessi komuni bejn l-UE u l-Islanda, inkluż fil-qasam tal-enerġija rinnovabbli u t-tibdil fil-klima, qed jikbru, kif hija l-importanza strateġika tal-politika tal-Artiku tal-UE. In-negozjati għall-adeżjoni sejrin tajjeb.

L-aġenda pożittiva, imnedija sabiex issaħħaħ ir-relazzjonijiet mat-Turkija, diġà qed tagħti l-ewwel riżultati tagħha. L-appoġġ attiv tat-Turkija għall-aġenda pożittiva u l-Perspettiva Ewropea tagħha jibqa’ essenzjali. Madankollu, hemm tħassib li qed jiżdied fir-rigward tan-nuqqas ta’ progress sostanzjali mit-Turkija biex jiġu sodisfatti b’mod sħiħ il-kriterji politiċi u s-sitwazzjoni dwar id-drittijiet fundamentali fil-pajjiż jibqgħu raġuni għal tħassib serju. L-implimentazzjoni sħiħa tal-obbligi taħt l-Unjoni Doganali u progress lejn in-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet ma’ Ċipru huma urġenti u tista’ tipprovdi momentum ġdid għan-negozjati ta’ adeżjoni.

Għal sejbiet u rakkomandazzjonijiet dettaljati dwar kull pajjiż ara l-Memos:

L-Albanija: MEMO/12/763

Il-Bosnja u Ħerzegovina: MEMO/12/764

Il-Kroazja: MEMO/12/765

Dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja: MEMO/12/766

L-Islanda: MEMO/12/767

Il-Kosovo: MEMO/12/768

Il-Montenegro: MEMO/12/769

Is-Serbja: MEMO/12/770

It-Turkija: MEMO/12/771

L-isfond

TABELLA TAL-PAJJIŻI

  • IL-KROAZJA: pajjiż aderenti - applika fl-2003, iffirma t-Trattat tal-Adeżjoni tiegħu f'Diċembru 2011. Ir-rapport ta’ monitoraġġ komprensiv tal-lum jikkonkludi li l-Kroazja qed tagħlaq l-allinjament tagħha mal-liġi tal-UE. Il-Kummissjoni madankollu enfasizzat għadd ta’ oqsma fejn huma meħtieġa iktar sforzi. Il-Kummissjoni se tippreżenta rapport ta’ monitoraġġ finali dwar it-tħejjijiet tal-Kroazja fir-rebbiegħa 2013. Sal-aħħar ta' Settembru 2012 13-il Stat Membru kienu rratifikaw it-Trattat tal-Adeżjoni; wara l-konklużjoni tal-proċess tar-ratifika, il-Kroazja għandha ssir stat membru fl-1 ta' Lulju 2013.

  • IT-TURKIJA: pajjiż kandidat - applika fl-1987. In-negozjati għall-adeżjoni bdew f'Ottubru 2005; 13-il kapitolu huma miftuħa li minnhom 1 ingħalaq provviżorjament. F'Mejju 2012 l-Kummissjoni nediet aġenda pożittiva biex tagħti ħajja ġdida fil-proċess ta’ adeżjoni. Huma meħtieġa aktar sforzi fir-rigward ta’ riformi politiċi, b'mod partikulari l-libertà tal-espressjoni.

  • L-ISLANDA: pajjiż kandidat - applika għas-sħubija fl-2009. In-negozjati dwar l-adeżjoni bdew f’Ġunju 2010; Infetħu 18-il kapitolu li minnhom 10 ngħalqu provviżorjament. Minħabba li l-Islanda hija diġà membru taż-ŻEE u taż-żona ta' Schengen, parti kbira tal-leġiżlazzjoni tagħha hija diġà allinjata ma' dik tal-UE.

  • IL-MONTENEGRO: pajjiż kandidat - applika fl-2008. In-negozjati tal-adeżjoni nfetħu f’Ġunju 2012. Il-fażi teknika ,l-"iscreening" tal-livell ta’ allinjament tal-Montenegro mal-liġi tal-UE, għadu għaddej.

  • DIK LI KIENET IR-REPUBBLIKA YUGOSLAVA TAL-MAĊEDONJA: pajjiż kandidat - applika fl-2004. Il-pajjiż qed ikompli jissodisfa b'mod suffiċjenti l-kriterji politiċi. Inkisbu aktar riżultati pożittivi, u d-Djalogu ta’ Livell Għoli ta’ Adeżjoni wassal għal konċentrazzjoni aktar preċiża dwar ir-riformi f'din l-aħħar sena. Il-Kummissjoni diġà rrakkomandat fl-2009, fl-2010 u fl-2011 li jinfetħu n-negozjati għall-adeżjoni. Il-Kunsill għadu ma ħax deċiżjoni dwar dan. Il-Kummissjoni temmen li deċiżjoni li tiftaħ in-negozjati għall-adeżjoni se tikkontribwixxi wkoll biex jinħolqu l-kundizzjonijiet biex tinstab soluzzjoni għall-kwistjoni tal-isem.

  • IS-SERBJA: pajjiż kandidat - applika fl-2009 u kiseb l-istatus ta’ pajjiż kandidat f'Marzu 2012. Is-Serbja qed tkompli fi triqitha biex tissodisfa b’mod suffiċjenti l-kriterji politiċi. Il-momentum tar-riforma jeħtieġ li jissaħħaħ u jikseb aktar progress lejn titjib viżibbli u sostenibbli fir-relazzjonijiet mal-Kosovo qabel ma l-Kummissjoni tkun tista' tikkonferma li n-negozjati għall-adeżjoni jistgħu jibdew.

  • L-ALBANIJA: pajjiż kandidat potenzjali - applika fl-2009. Djalogu mtejjeb bejn il-gvern u l-oppożizzjoni ppermetta progress tajjeb dwar riformi sostanzjali. Dan qed iwassal lill-Kummissjoni biex tirrakkomanda status ta’ kandidat soġġett għat-tkomplija ta' miżuri ewlenin fl-oqsma ġudizzjarji u fir-riforma tal-amministrazzjoni pubblika, u r-regoli tal-proċeduri parlamentari jiġu rreveduti. Il-Kummissjoni se tirrapporta lill-Kunsill ladarba dan isir, filwaqt li tqis ukoll l-impenn tal-Albanija fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata. Għall-Kummissjoni biex tirrakkomanda l-ftuħ tan-negozjati għall-adeżjoni, se jkunu meħtieġa b’mod partikolari l-implimentazzjoni sostnuta tal-impenji għar-riforma u t-tlestija tar-riformi ewlenin li għad baqa’, u l-mod kif se jitmexxew l-elezzjonijiet parlamentari fl-2013 se jkun test kruċjali.

  • IL-BOSNJA U ĦERZEGOVINA: kandidat potenzjali - għandu perspettiva Ewropea bħall-bqija tal-Balkani tal-Punent. Wara l-elezzjonijiet tal-2010, il-pajjiż ifforma gvern fil-livell ta’ stat. It-tnedija ta’ djalogu ta’ livell għoli mal-Bosnja u Ħerzegovina kienet pożittiva iżda r-riżultati sa issa jibqgħu inqas milli kien mistenni. Huwa meħtieġ aktar xogħol biex jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li jippermettu r-ratifika tal-FSA u applikazzjoni kredibbli ta’ sħubija.

  • IL-KOSOVO: kandidat potenzjali - Għandu perspettiva Ewropea bħall-bqija tal-Balkani tal-Punent. Id-djalogu faċilitat tal-UE bejn Pristina u Belgrad tnieda f’Marzu 2011. L-istudju tal-Kosovo tal-lum jipprovdi evalwazzjoni pożittiva tal-fattibbiltà ta’ Ftehim ta’ Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (FSA) f’sitwazzjoni fejn l-Istati Membri tal-UE jżommu fehmiet differenti dwar l-istatus tal-Kosovo.

Aktar tagħrif

Id-dokumenti jistgħu jinstabu fi:

http://ec.europa.eu/enlargement/countries/strategy-and-progress-report/index_en.htm

Kuntatti:

Anca Paduraru (+32 2 296 64 30)

Peter Stano (+32 2 295 74 84)

1 :

* Dan l-isem huwa bla ħsara għall-pożizzjonijiet dwar status, u huwa konformi mal-UNSCR 1244/99 u mal-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni ta’ indipendenza mill-Kosovo.


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site