Navigation path
Left navigation
Additional tools
![]() Il-Kummissjoni Ewropea Stqarrija għall-istampa Brussell, l-10 ta' Ottubru 2012 Il-Kummissjoni tiddeskrivi l-passi li jmiss dwar it-tkabbir tal-UE Illum il-Kummissjoni Ewropea qed tirrakkomanda għar-raba’ darba biex tiftaħ negozjati għall-adeżjoni ma’ dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja. Hija qed tirrakkomanda l-għoti ta’ status ta' kandidat tal-UE lill-Albanija soġġett għat-tkomplija ta’ passi ewlenin ta' riforma, u qed tipproponi li tinnegozja Ftehim ta’ Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (FSA) mal-Kosovo*1 ladarba jkun għamel progress fit-twettiq ta’ għadd ta' prijoritajiet fit-terminu qasir. Il-Kummissjoni kkonfermat ukoll li l-Kroazja qiegħda fit-triq it-tajba fil-preparazzjonijiet tagħha għas-sħubija. F'sett ta' rapporti annwali, il-Kummissjoni tivvaluta l-progress li sar f'din l-aħħar sena lejn adeżjoni mal-UE fi bnadi oħra tal-Balkani tal-Punent, it-Turkija, u l-Islanda. Filwaqt li kien qed jippreżenta l-Pakkett annwali tat-Tkabbir, il-Kummissarju Stefan Füle qal: "Ir-rakkomandazzjonijiet tagħna jqiegħdu l-istat tad-dritt sew fiċ-ċentru tal-proċess ta' adeżjoni. Biex tinħoloq ekonomija aktar stabbli u prosperuża, irid jinżamm momentum kemm għall-proċess tat-tkabbir bbażat fuq il-mertu fin-naħa tal-UE u kemm għal riformi fuq il-post fil-pajjiżi tat-tkabbir." Ir-rakkomandazzjonijiet tal-lum fuq l-Albanija, il-Kosovo u dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja kif ukoll l-adeżjoni imminenti tal-Kroazja, il-bidu riċenti tan-negozjati għall-adeżjoni mal-Montenegro u l-istatus ta’ kandidat għas-Serbja – fuq il-bażi ta' indikazzjonijiet ċari dwar x’inhu meħtieġ biex jibdew in-negozjati għall-adeżjoni - juru li ladarba jsiru r-riformi, l-UE jirnexxilha tissodisfa l-impenji tagħha. Dawn l-iżviluppi pożittivi fil-Balkani tal-Punent jibagħtu sinjal qawwi tas-saħħa trasformattiva tat-tkabbir tal-UE. Biex javvanzaw aktar, il-Kummissjoni qed tipproponi li żżid fowkus fuq għadd ta’ oqsma. L-ewwel nett, bit-tisħiħ tal-governanza demokratika billi jiġu indirizzati kwistjonijiet dwar l-istat tad-dritt ferm qabel ma jibdew in-negozjati għall-adeżjoni. It-tieni nett, it-tisħiħ tal-libertà tal-espressjoni u l-indipendenza tal-midja. It-tielet nett, l-indirizzar ta’ kwistjonijiet ekonomiċi kmieni fil-proċess li jikkonsolida l-istabbiltà ekonomika u finanzjarja u tgħin l-irkupru. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tenfasizza li kwistjonijiet bilaterali għandhom jiġu indirizzati mill-iktar fis possibbli; ma għandhomx iżommu lura l-proċess ta' adeżjoni. Interessi komuni bejn l-UE u l-Islanda, inkluż fil-qasam tal-enerġija rinnovabbli u t-tibdil fil-klima, qed jikbru, kif hija l-importanza strateġika tal-politika tal-Artiku tal-UE. In-negozjati għall-adeżjoni sejrin tajjeb. L-aġenda pożittiva, imnedija sabiex issaħħaħ ir-relazzjonijiet mat-Turkija, diġà qed tagħti l-ewwel riżultati tagħha. L-appoġġ attiv tat-Turkija għall-aġenda pożittiva u l-Perspettiva Ewropea tagħha jibqa’ essenzjali. Madankollu, hemm tħassib li qed jiżdied fir-rigward tan-nuqqas ta’ progress sostanzjali mit-Turkija biex jiġu sodisfatti b’mod sħiħ il-kriterji politiċi u s-sitwazzjoni dwar id-drittijiet fundamentali fil-pajjiż jibqgħu raġuni għal tħassib serju. L-implimentazzjoni sħiħa tal-obbligi taħt l-Unjoni Doganali u progress lejn in-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet ma’ Ċipru huma urġenti u tista’ tipprovdi momentum ġdid għan-negozjati ta’ adeżjoni. Għal sejbiet u rakkomandazzjonijiet dettaljati dwar kull pajjiż ara l-Memos: L-Albanija: MEMO/12/763 Il-Bosnja u Ħerzegovina: MEMO/12/764 Il-Kroazja: MEMO/12/765 Dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja: MEMO/12/766 L-Islanda: MEMO/12/767 Il-Kosovo: MEMO/12/768 Il-Montenegro: MEMO/12/769 Is-Serbja: MEMO/12/770 It-Turkija: MEMO/12/771 L-isfond TABELLA TAL-PAJJIŻI
Aktar tagħrif Id-dokumenti jistgħu jinstabu fi: http://ec.europa.eu/enlargement/countries/strategy-and-progress-report/index_en.htm
* Dan l-isem huwa bla ħsara għall-pożizzjonijiet dwar status, u huwa konformi mal-UNSCR 1244/99 u mal-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni ta’ indipendenza mill-Kosovo. |
Side Bar