Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, l-10 ta' Ottubru 2012

Ir-revoluzzjoni industrijali ġġib l-industrija lura lejn l-Ewropa

L-Ewropa għandha terġa’ ġġib fuq saqajh ir-rwol dejjem anqas b’saħħtu tal-industrija fis-seklu 21 bl-għan li jkun hemm tkabbir sostenibbli, li jinħoloq xogħol ta’ valur għoli u jissolvew l-isfidi tas-soċjetà li qegħdin niffaċċjaw. L-azzjoni immedjata għandha tikkontribwixxi biex tinqaleb it-tendenza attwali mmirata ’l isfel mil-livell attwali tagħha ta’ 15.6% tal-PDG tal-UE għal 20% sal-2020. Għalhekk, il-Kummissjoni tipproponi għadd ta’ azzjonijiet ta’ prijorità biex tistimola l-investimenti f’teknoloġiji ġodda, ittiejjeb l-ambjent tan-negozju, l-aċċess għas-swieq u għall-finanzjament, b’mod partikolari għall-SMEs, u tiżgura li l-ħiliet jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-industrija.

L-industrija tal-Ewropa għandha pożizzjoni tajba biex taqdi r-rwol tagħha: l-Ewropa hija fuq quddiem fid-dinja f’bosta setturi strateġiċi bħal pereżempju s-settur awtomobilistiku, l-aeronawtika, l-inġinerija, l-ispazju, is-sustanzi kimiċi u l-farmaċewtiċi, L-industrija għadha tirrappreżenta 4/5 tal-esportazzjonijiet tal-Ewropa, u 80% tal-esportazzjonijiet tal-Ewropa kif ukoll tal-investiment fir-riċerka u l-iżvilupp fis-settur privat jiġi mill-manifattura. Jekk tintrebaħ lura l-fiduċja, u magħha ġġib investimenti ġodda, l-industrija tal-Ewropa tista’ tmur ’il quddiem u terġa’ tibda tikber. Dan huwa l-messaġġ ewlieni ta’ komunikazzjoni ppreżentata fi Brussell illum mill-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Antonio Tajani. L-azzjonijiet proposti minn din il-Komunikazzjoni għandhom jikkontribwixxu wkoll għat-tnaqqis tad-diskrepanza fil-kompetittività bejn l-Istati Membri u r-reġjuni tal-UE.

Il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Antonio Tajani, il-Kummissarju għall-Industrija u l-Intraprenditorija, qal: “Ma nistgħux inkomplu nħallu l-industrija tagħna titlaq mill-Ewropa. Iċ-ċifri tagħna huma ċari ħafna: L-industrija Ewropea tista’ ġġib magħha t-tkabbir u toħloq l-impjiegi. Illum ippreżentajna l-kundizzjonijiet għall-industrija sostenibblii tal-ġejjieni fl-Ewropa, sabiex jiġu żviluppati l-investimenti meħtieġa fit-teknoloġiji ġodda u sabiex jerġa' jkun hemm ambjent ta' fiduċja u intraprenditorija. Billi naħdmu flimkien u nsawru mill-ġdid il-fiduċja, nistgħu nġibu lura l-industrija fl-Ewropa.”

MEMO/12/759

Illum il-Kummissjoni adottat ukoll żewġ rapporti dwar il-Kompetittività: it-Tabella ta’ Valutazzjoni l-Ġdida dwar il-Prestazzjoni tal-Industrija fl-Istati Membri li tanalizza ħames oqsma ewlenin: il-produttività tal-manifattura; il-prestazzjoni tal-esportazzjoni; l-innovazzjoni u s-sostenibbiltà; l-ambjent u l-infrastruttura tan-negozju; u l-finanzjament u l-investiment (MEMO/12/760); u r-rapport dwar il-Kompetittività Ewropea 2012 (MEMO/12/761) li janalizza t-tendenzi ewlenin tal-globalizzazzjoni fl-aħħar 15-il sena u l-kosti u l-benefiċċji implikati u u l-isfidi li ġejjin għan-negozji tal-UE

In-nuqqas ta’ fiduċja jġib miegħu nuqqas ta’ investiment

L-inċertezza fis-suq, il-problemi finanzjarji, in-nuqqas tad-domanda u n-nuqqas tal-ħiliet ġabu magħhom nuqqas ta’ fiduċja li rriżulta f’nuqqas ta’ investiment u telf ta’ impjiegi fl-industrija.

Il-pilastri tal-politika tal-industrija msaħħa huma:

  • Investimenti fl-innovazzjoni - li jipprovdu l-kundizzjonijiet qafas tajbin għall-investimenti, sabiex jerġgħu jinkisbu l-livelli ta’ qabel il-kriżi, b’attenzjoni partikolari fuq sitt oqsma ta’ prijorità, b’potenzjal kbir ħafna għat-tkabbir u l-impjiegi fl-Ewropa: teknoloġiji avvanzati tal-manifattura għall-produzzjoni nadifa, it-teknoloġiji abilitanti essenzjali, is-swieq tal-bijoprodotti, il-politika tal-industrija sostenibbli, il-kostruzzjoni u l-materja prima, il-vetturi u l-bastimenti nodfa u n-netwerks intelliġenti tal-enerġija. L-Istati Membri wkoll għandhom jikkontribwixxu u għandhom jagħtu l-prijorità lill-investimenti f’dawn is-sitt oqsma.

  • Kundizzjonijiet tas-suq aħjar - titjib fil-funzjonament tas-Suq Intern u l-ftuħ tas-swieq internazzjonali. Il-Kummissjoni se tiffoka fuq temi speċifiċi fejn jista’ jinkiseb malajr titjib sinifikanti: it-titjib tas-Suq Intern għall-prodotti, it-tħeġġiġ tal-intraprenditorija fir-rigward tas-suq uniku diġitali li huwa mistenni jikber b’10% kull sena sal-2016, il-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u l-promozzjoni ulterjuri tal-internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs tal-UE madwar id-dinja, biex tilħaq 25% (minn 13%) fi żmien medju.

  • Aċċess għall-finanzjament u l-kapitali - biex jitjieb is-self lill-ekonomija reali billi jiġu mobilizzati u mmirati aħjar ir-riżorsi pubbliċi, inklużi dawk tal-BEI - li għandu jalloka bejn EUR 10 biljun u EUR 15 biljun f’self addizzjonali għall-SMEs - u tal-Fondi Strutturali, u billi jinfetħu l-fondi privati permezz tal-eliminazzjoni tal-ostakli li fadal għall-fondi tal-kapital tar-riskju u l-faċilitazzjoni tal-operazzjonijiet bejn il-fruntieri minn kumpaniji iżgħar.

  • Kapital u ħiliet umani - tiġi mgħammra l-forza tax-xogħol għat-trasformazzjonijiet industrijali, b’mod partikolari billi jiġu antiċipati aħjar il-ħtiġijiet għall-ħiliet u l-ispariġġi. F’dan il-qasam, il-Kummissjoni b’mod partikolari se tippromwovi aktar il-kooperazzjoni tal-impjegaturi, il-ħaddiema u l-awtoritajiet rilevanti permezz tal-ħolqien ta’ Kunsilli Ewropej tal-Ħiliet fis-Setturi u ta’ Alleanzi tal-Għarfien u l-Ħiliet fis-Setturi.

Sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni tajba ta’ dawn l-azzjonijiet, il-Kummissjoni se timmonitorja mill-qrib għadd ta' varjabbli ewlenin.

1. L-investment

Il-formazzjoni grossa tal-kapital fiss bħala sehem tal-PDG kienet 18.6% fl-2011. Qabel il-kriżi, laħqet 21.25% tal-PDG fl-2007. L-isforz tal-investiment meħtieġ għat-titjib tal-produttività tagħna jirrikjedi livell ta’ investiment ta’ qabel il-kriżi fl-2015 u livelli medji ta’ aktar minn 23% sal-2020. L-investment fit-tagħmir bħalissa huwa bejn 6% u 7% tal-PDG. Sabiex titjieb il-produttività u jiddaħħlu teknoloġiji ġodda, l-investiment għandu jirkupra l-livelli ta’ qabel il-kriżi u jikber b’mod sostenibbli b’rati ta’ aktar minn 9% tal-PDG sal-2020.

2. Il-kummerċ tas-suq intern

Il-kummerċ tal-oġġetti fis-Suq Intern bħalissa huwa ftit inqas minn 21% tal-PDG. F’Suq Intern imsaħħaħ, din ir-rata għandha tkun 25% sal-2020.

3. SMEs

B’konformità mal-objettivi tal-Kummissjoni għas-Suq ewlieni tal-Aġenda Diġitali, l-għadd ta’ ditti żgħar li jużaw il-bejgħ permezz tal-kummerċ elettroniku għandu jiżdied biex jilħaq 33% sal-2015. Il-proporzjon tal-SMEs li jesportaw ġewwa s-Suq Intern kien 25% skont l-istħarriġ tal-2009. L-għan fuq żmien medju huwa li l-SMEs ikollhom sehem fis-swieq barra mill-UE daqs is-sehem li għandhom fis-suq intern.

Sfond

Il-komunikazzjoni tindirizza l-isfidi importanti li qed tiffaċċja l-industrija Ewropea bħala riżultat tal-kriżi ekonomika attwali u tippreżenta għadd ta’ azzjonijiet ta’ prijorità mfassla biex jassistu l-irkupru fi żmien qasir u medju u biex jiżguraw il-kompetittività u s-sostenibbiltà fi żmien twil tal-industrija Ewropea. Tirrevedi wkoll is-sitwazzjoni tal-industrija tal-UE mill-inizjattiva ewlenija tal-Kummissjoni “Politika Industrijali Integrata għall-Era tal-Globalizzazzjoni”1 adottata f’Ottubru 2010 fil-kuntest tal-istrateġija Ewropa 2020.

Kuntatti:

Carlo Corazza (+32 2 295 17 52)

Sara Tironi (+32 2 299 04 03)

1 :

COM(2010) 614.


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site