Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Jum Ewropew u Dinji kontra l-Piena tal-Mewt – l-UE tisħaq fuq l-impenn favur abolizzjoni universali

European Commission - IP/12/1084   10/10/2012

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, l-10 ta' Ottubru 2012

Il-Jum Ewropew u Dinji kontra l-Piena tal-Mewt – l-UE tisħaq fuq l-impenn favur abolizzjoni universali

Illum qed jitfakkar il-Jum Dinji u Ewropew kontra l-Piena tal-Mewt. L-Unjoni Ewropea topponi l-użu tal-piena kapitali fil-każijiet kollha u taħt iċ-ċirkostanzi kollha. L-abolizzjoni universali tagħha hija wieħed mill-objettivi ċentrali tal-politika tal-UE fejn jidħlu d-drittijiet tal-bniedem.

Catherine Ashton, ir-Rappreżentanta Għolja tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà/il-Viċi President tal-Kummissjoni qalet: “Il-piena kapitali hija azzjoni krudili, inumana u irriversibbli li tivvjola d-dritt uman bażiku għall-ħajja u d-dinjità. Fil-każ ta’ xi żball tas-sistema ġudizzjarja, li kontra tiegħu ma hawn l-ebda sistema legali li hi immuna, tirrappreżenta telf terribbli u irriversibbli ta' ħajja umana. Il-piena tal-mewt la tista’ tħassar l-att kriminali li suppost tikkastiga u lanqas ma ttaffi t-telfa li jkun ġarrab il-vittma. Għanda ssir relitt tal-passat.”

L-Unjoni Ewropea tirriafferma b’mod regolari l-oppożizzzjoni tagħha għall-piena tal-mewt u tuża diversi strumenti diplomatiċi li għandha għad-dispożizzjoni tagħha – dawn jinkludu dikjarazzjonijiet, appelli formali, u Djalogi dwar id-Drittijiet tal-Bniedem mas-sħab tagħha – għall-promozzjoni tal-kawża tal-abolizzjoni dinjija. Il-moviment lejn l-abolizzjoni huwa fost l-ogħla prijoritajiet fil-Qafas Strateġiku u l-Pjan ta’ Azzjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija, kif ukoll taħt l-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem (EIDHR).

Filwaqt li madwar id-dinja qed tkompli għaddejja x-xejra lejn l-abolizzjoni, 20 mit-58 pajjiż retenzjonist madwar id-dinja għadhom għaddejjin bl-eżekuzzjonijiet b'rata allarmanti. Fejn għadha teżisti l-piena tal-mewt, l-UE tappella għall-użu tagħha b’mod li jkun ristrett progressivament, u għal rispett lejn standards minimi maqbula fuq livell internazzjonali.

Il-kampanja tal-UE kontra l-piena tal-mewt hija ugwalment attiva f'fora multilaterali bħal ma huma n-Nazzjonijiet Uniti u qed tikkontribwixxi għall-adozzjoni tar-riżoluzzjoni tas-67 Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar moratorju fuq l-użu tal-piena tal-mewt. L-UE tibqa’ tħeġġeġ lill-Istati kollha biex jaderixxu mat-Tieni Protokoll Fakultattiv tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, l-aktar strument internazzjonali fundamentali tan-NU għall-abolizzjoni tal-piena tal-mewt.

Barra minn kontribuzzjonijiet ewlenin lejn l-isforzi ta' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili immirati lejn l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt, l-UE hija l-ewwel entità reġjonali li adottat regoli li jipprojbixxu l-kummerċ fi prodotti li jintużaw fil-piena kapitali (jew fit-tortura u t-trattament ħażin), kif ukoll dwar il-provvista ta’ assistenza teknika marbuta ma’ prodotti bħal dawn.

Għal aktar tagħrif:

Id-Dikjarazzjoni Konġunta minn Thorbjørn Jagland, is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa, u Catherine Ashton, ir-Rappreżentanta Għolja tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, dwar il-Jum Ewropew u Dinji kontra l-Piena tal-Mewt.

http://eeas.europa.eu/human_rights/adp/index_en.htm

Kuntatti :

Maja Kocijancic (+32 2 298 65 70)

Michael Mann (+32 2 299 97 80)

Eamonn Prendergast (+32 2 299 88 51)

Sebastien Brabant (+32 2 298 64 33)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website