Sélecteur de langues
Chemin de navigation

Il-Kummissjoni Ewropea
Stqarrija għall-istampa
Brussell, it-8 ta’ Ottubru 2012
Ġiet adottata Aġenda Marittima ġdida għat-tkabbir u l-impjiegi
Illum, waqt konferenza f’Limassol organizzata mill-Presidenza Ċiprijotta, il-Ministri Ewropej għall-politika marittima u l-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata mill-President Jose Manuel Barroso u mill-Kummissarju Maria Damanaki adottaw aġenda Ewropea għall-ħolqien ta’ tkabbir u impjiegi fis-settur tal-baħar u dak marittimu. Ħames snin wara t-tnedija tal-Politika Marittima Integrata tal-UE, l-Istati Membri u l-Kummissjoni affermaw mill-ġdid li approċċ dinamiku u kkoordinat għall-affarijiet marittimi jsaħħaħ l-iżvilupp tal-"Ekonomija Blu” tal-UE filwaqt li jiżgura s-saħħa tal-ibħra u l-oċeani.
Id-dikjarazzjoni tipproponi aġenda tal-baħar u marittima biex tappoġġa l-istrateġija Ewropa 2020. Kif ġie enfasizzat fl-inizjattiva reċenti tal-Kummissjoni dwar opportunitajiet għal tkabbir sostenibbli fis-settur tal-baħar u dak marittimu (IP/12/955) imsejħa “Tkabbir Blu”, l-aġenda tiffoka fuq setturi marittimi promettenti fejn hemm potenzjal kbir għal impjiegi ġodda u tkabbir. Dawn is-setturi huma: l-enerġija rinnovabbli mill-baħar, l-akkwakultura, il-bijoteknoloġija blu, it-turiżmu kostali u l-estrazzjoni tal-minerali minn qiegħ il-baħar.
Il-Ministri talbu wkoll lill-Istati Membri u lill-Istituzzjonijiet Ewropej biex jimplimentaw il-kundizzjonijiet it-tajbin biex l-Ekonomija Blu twassal għal: appoġġ għar-riċerka u l-għarfien tal-baħar, taħriġ marittimu, kooperazzjoni kosteffiċjenti fir-rigward tas-sorveljanza marittima, ippjanar imtejjeb tal-ispazju marittimu u l-implimentazzjoni ulterjuri tad-Direttiva Qafas dwar l-Istrateġija tal-Baħar.
Jose Manuel Barroso, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, qal: “l-ibħra u l-oċeani jista’ jkollhom rwol deċiżiv fl-irkupru ekonomiku tal-Ewropa. Id-Dikjarazzjoni tal-lum tibgħat messaġġ ċar li jeħtieġ li nħaddnu l-potenzjal tal-Ekonomija Blu tal-Ewropa”.
Il-Kummissarju Maria Damanaki, responsabbli mill-Affarijiet Marittimi u s-Sajd, enfasizzat li “biex ix-xejriet u l-opportunitajiet tat-tkabbir fl-ekonomija marittima jsiru realtà, neħtieġu l-kontribut ta’ kulħadd – l-istituzzjonijiet, l-Istati Membri u r-reġjuni, l-industrija, l-SMEs u s-soċjetà ċivili. Il-ħila li naħdmu flimkien biex niksbu l-aqwa riżultati hija sinjal ta’ maturità; u l-politika marittima hija l-mezz ideali biex l-Ekonomija Blu fl-Ewropa tingħata spinta.”
Sfond
L-UE, għaliex teħtieġ aġenda Marittima għat-tkabbir u l-impjiegi? Għaliex issa?
L-ekonomija blu hija importanti għall-Ewropa. Il-valur miżjud gross tagħha huwa stmat għal madwar EUR 500 biljun, li se jiżdied għal madwar EUR 600 biljun fl-2020. Tul l-istess perjodu, dawk impjegati fl-ekonomija blu mistennija jiżdiedu minn 5.4 miljun ruħ għal 7 miljun ruħ. Barra minn hekk 75 % tal-kummerċ estern tal-Ewropa u 37 % tal-kummerċ intra-Ewropew jiġi ttrasportat bil-baħar. L-oċeani, l-ibħra u l-kosti tal-Ewropa huma, u se jibqgħu, is-salvataġġ ekonomiku tal-Ewropa.
L-Ewropa jeħtieġ li tieħu kull opportunità disponibbli biex tipprovdi tkabbir u impjiegi sostenibbli biex toħroġ mill-kriżi finanzjarja u ekonomika attwali. Il-baħar joffri għadd ta’ opportunitajiet. L-UE għandha għadd ta’ strumenti għad-dispożizzjoni tagħha li jistgħu jżidu l-valur ta’ dak li diġà qed jagħmlu l-Istati Membri u l-industrija.
Kif intgħażlu l-ħames setturi marittimi fil-mira?
Il-Kummissjoni Ewropea bniet stampa komprensiva tad-dimensjoni ekonomika tas-settur marittimu u dak tal-baħar fl-Ewropa, inkluż f'termini ta' impjiegi, u ħarset ukoll lejn id-direzzjoni li realistikament dawn is-setturi jistgħu jaqbdu fis-snin li ġejjin u fejn hemm potenzjal partikolari għall-innovazzjoni u l-impjiegi ġodda.
Is-sejbiet tagħha juru li t-turiżmu kostali u marittimu huwa l-akbar settur marittimu f'termini ta' valur miżjud gross u ta' impjiegi u huwa mistenni li sal-2020 dan jikber bi 2 sa 3 %, filwaqt li t-turiżmu tal-kruċieri huwa mistenni li sal-2020 joħloq 100 000 impjieg ġdid meta mqabbel mal-2010. Peress li l-kapaċità installata ta' enerġija mill-oċeani madwar id-dinja hija mistennija li fil-futur qrib tirdoppja kull sena, it-tnaqqis fl-ispejjeż marbuta mat-teknoloġija użata se jiffavorixxi l-kummerċjalizzazzjoni tat-teknoloġiji tal-mewġ u tal-marea. Skont ċerti stimi, id-dħul annwali globali tal-estrazzjoni tal-minerali tal-baħar huwa mistenni li jikber minn prattikament xejn għal EUR 5 biljun fl-għaxar snin li ġejjin u sa EUR 10 biljun sal-2030. L-akkwakultura tal-UE tista' tikkontribwixxi għal dieta tajba jekk ir-rata ta' tkabbir tkun tista’ titqabbel mar-rata ta’ tkabbir barra l-UE. Bejn wieħed u ieħor, fl-għaxar snin li ġejjin, is-settur tal-bijoteknoloġija blu għandu jsir fornitur tas-swieq ta' prodotti tal-massa, inklużi kożmetiċi, prodotti tal-ikel, prodotti farmaċewtiċi, sustanzi kimiċi u bijofjuwils.
Liema hu l-pass li jmiss?
Wara l-adozzjoni tad-Dikjarazzjoni ta’ Limassol, fil-futur qrib se jitnieda sett ta' inizjattivi tal-Kummissjoni biex jiġi esplorat u żviluppat il-potenzjal għat-tkabbir fl-oqsma identifikati, inklużi Komunikazzjonijiet dwar it-turiżmu kostali u marittimu, l-enerġija mill-oċeani, il-bijoteknoloġija blu u l-estrazzjoni tal-minerali tal-baħar, kif ukoll linji gwida strateġiċi dwar l-akkwakultura. L-inizjattivi kollha se jitwettqu f'konsultazzjoni mal-Istati Membri u l-partijiet interessati kkonċernati.
Għal aktar tagħrif:
Il-website tal-Affarijiet Marittimi:
http://ec.europa.eu/maritimeaffairs/policy/blue_growth/index_mt.htm
Il-website tal-konferenza:
Kuntatti : Oliver Drewes (+32 2 299 24 21) Lone Mikkelsen (+32 2 296 05 67) |