Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

It-Tabella ta' Valutazzjoni tas-Suq Intern: L-Istati Membri tejbu l-prestazzjoni tagħhom

Commission Européenne - IP/12/1080   08/10/2012

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, 8 ta' Ottubru 2012

It-Tabella ta' Valutazzjoni tas-Suq Intern: L-Istati Membri tejbu l-prestazzjoni tagħhom

F'dan iż-żmien ta' kriżi, is-Suq Uniku għandu rwol ewlieni x'jaqdi biex l-Ewropa toħroġ mill-istaġnar ekonomiku. Traspożizzjoni f’waqtha tal-leġiżlazzjoni hija kundizzjoni neċessarja biex jinkisbu l-għanijiet politiċi tad-direttivi. It-Tabella ta' Valutazzjoni tas-Suq Intern tal-Kummissjoni Ewropea ppubblikata llum turi li l-Istati Membri għamlu sforz għat-traspożizzjoni tar-regoli tal-UE fil-liġi nazzjonali. Wara ż-żieda rreġistrata f'Mejju u Novembru 2011 (1.2%), id-defiċit medju Ewropew għat-traspożizzjoni – jiġifieri l-perċentwali tad-Direttivi tas-Suq Intern li ma ġewx inklużi fil-liġi nazzjonali fil-ħin – issa reġa' lura għal 0.9%, jiġifieri inqas mill-mira miftiehma bejn il-Kapijiet tal-Istat u tal-Gvern Ewropej fl-2007. F'dan l-eżerċizzju, sittax-il Stat Membru kisbu l-mira ta' 1%.

L-Istati Membri rnexxielhom ukoll inaqqsu l-għadd ta’ direttivi trasposti ħażin. Din il-medja ta' defiċit fil-konformità niżlet minn 0.8% sitt xhur ilu għal 0.7% illum, u kompliet toqrob lejn defiċit ta' 0.5% propost fl-Att dwar is-Suq Uniku f’April 2011. Madankollu, żiedu l-għadd ta' direttivi li t-traspożizzjoni tagħhom hija tard b'sentejn jew aktar kif ukoll il-medja tad-dewmien meħtieġ biex issir it-traspożizzjoni ta' Direttiva tal-UE fil-liġi nazzjonali (minn 7.9 għal 9.1 xhur).

Fir-rigward tal-applikazzjoni tal-liġi tal-UE, l-għadd ta’ ksur qed ikompli jonqos, wisq probabbli minħabba l-introduzzjoni ta' mekkaniżmi biex isolvu l-problemi ta' nuqqas ta' konformità mal-liġi tal-UE iktar kmieni fil-proċess. L-Italja għandha l-akbar għadd ta’ proċedimenti ta’ ksur mibdija mill-Kummissjoni u warajha jiġu l-Greċja u l-Belġju.

Meta jitqiesu l-indikaturi tal-infurzar kollha, il-Latvja, l-Estonja, il-Lussemburgu u l-Litwanja għandhom l-aqwa riżultati.

Il-Kummissarju għas-Suq Intern Michel Barnier qal: "Is-Suq Uniku huwa l-mutur għat-tkabbir ġdid tal-ekonomija tagħna iżda jista' jaħdem biss jekk il-pajjiżi kollha japplikaw ir-regoli korrettament. Nilqa' bil-ferħ il-progress li sar fit-traspożizzjoni tal-liġi tal-UE mill-Istati Membri."

L-implimentazzjoni tad-Direttivi tas-Suq Intern

  • Id-defiċit medju tal-UE għat-traspożizzjoni naqas minn 1.2% għal 0.9% matul l-aħħar sitt xhur u l-għadd ta' Stati Membri li kisbu l-mira ta' 1% tela' minn ħdax għal sittax. Il-Lussemburgu, ir-Rumanija, il-Finlandja, ir-Renju Unit, l-Awstrija, il-Portugall, is-Slovenja, il-Belġju, Ċipru, il-Polonja u l-Italja jridu jirduppjaw l-isforzi tagħhom biex jilħqu din il-mira.

  • B'kollox, tmien Stati Membri kisbu jew laħqu l-aqwa riżultat tagħhom s'issa: ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, l-Irlanda, il-Greċja, Spanja, Franza, il-Latvja u Malta. Dan juri l-prijorità għolja li dawk l-Istati Membri taw lit-traspożizzjoni fil-ħin.

  • Malta u l-Latvja għandhom l-aħjar riżultati tat-traspożizzjoni, b'żewġ direttivi biss li għadhom ma ġewx trasposti. Iżda huwa tassew impressjonanti t-titjib fid-defiċit tat-traspożizzjoni tar-Repubblika Ċeka meta mqabbla ma' sitt xhur ilu: naqas minn 1.9% f'Mejju għal 0.6% illum. Fl-aħħar nett, sforzi kontinwi u sostnuti ppermettew lill-Greċja biex tinżel sew taħt il-mira ta' 1%, għal 0.5%. Sentejn ilu, kellha l-ogħla defiċit ta' traspożizzjoni fost is-27 Stat Membru.

  • Illum, l-Istati Membri jieħdu medja ta' disa' xhur żejda għat-traspożizzjoni tad-direttivi tal-UE wara li tkun għaddiet l-iskadenza tat-traspożizzjoni. Malta, l-Isvezja, Spanja, Franza u l-Latvja biss għandhom medja ta' dewmien iqsar milli kien f'Novembru 2011. Fir-rigward tad-direttivi li għaddew iktar minn sentejn għat-traspożizzjoni tagħhom (elenkati fir-rapport), tnejn u għoxrin Stat Membru jissodisfaw il-mira ta' 'tolleranza zero' (b'paragun mal-ħamsa u għoxrin sitt xhur ilu).

Ksur

  • L-għadd kumplessiv ta' proċedimenti ta' ksur marbuta mas-Suq Intern kompla jonqos – 'l isfel b'37% mill-2007.

  • Illum l-għadd medju tal-UE ta’ proċedimenti ta’ ksur mibdija huwa ta’ 31 każ għal kull Stat Membru meta mqabbel ma' 34 każ sitt xhur ilu. L-Italja issa għandha l-akbar għadd ta’ proċedimenti ta’ ksur u warajha jiġu l-Greċja u l-Belġju. L-ambjent u t-tassazzjoni jgħoddu għal aktar minn 40% tal-proċedimenti ta' ksur.

  • It-tul taż-żmien medju ta’ proċedimenti ta’ ksur miftuħa jvarja minn sena (il-Lussemburgu) għal tliet snin (l-Isvezja).

  • Wara li l-Qorti tal-Ġustizzja tistabbilixxi ksur tal-leġiżlazzjoni tal-UE, l-Istati Membri huma meħtieġa jieħdu azzjoni minnufih biex jikkonformaw mas-sentenza tagħha. Madankollu, bosta każi jieħdu żmien konsiderevoli - medja ta' aktar minn 17-il xahar u nofs biex jiġu solvuti. Għall-Irlanda, Franza u Spanja l-perjodu huwa kważi sentejn.

Attenzjoni speċjali: Il-Governanza tas-Suq Uniku

Fil-Komunikazzjoni tagħha dwar Governanza Aqwa għas-Suq Uniku, il-Kummissjoni pproponiet sensiela ta' miżuri sabiex tissaħħaħ il-governanza tas-Suq Uniku (ara IP/12/587), fejn identifikat oqsma ewlenin li probabbli 'iwasslu għall-aktar kisbiet sinifikanti għat-tkabbir u l-impjiegi'. F'dawn l-oqsma, il-Kummissjoni talbet lill-Istati Membri biex jikkommettu ruħhom għal "tolleranza żero" fir-rigward tat-traspożizzjoni tad-direttivi u ħabbret li kienet se tuża l-poteri ta' infurzar tagħha b'mod aktar strett u talbet il-kooperazzjoni tal-Istati Membri biex ikun żgurat li l-ksur tal-liġi tal-UE jintemm fi żmien tmintax-il xahar, jew tnax-il xahar fil-każ ta' tieni rinviju. Fl-edizzjonijiet futuri, it-Tabella tal-Valutazzjoni tas-Suq Intern se timmonitorja l-konformità ma' dawn iż-żewġ valuri referenzjali.

Il-Kummissjoni se tħejji rapport annwali dwar l-integrazzjoni tas-Suq Uniku, li se jiffoka fuq il-mod kif is-Suq Uniku jaħdem fil-prattika, partikolarment f'dawn l-oqsma ewlenin. Dan ir-rapport se jkun utli għar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi fil-kuntest tal-proċess tas-Semestru Ewropew.

Aktar tagħrif

http://ec.europa.eu/internal_market/score/index_en.htm

Kuntatt :

Stefaan De Rynck (+32 2 296 34 21)

Carmel Dunne (+32 2 299 88 94)

Audrey Augier (+32 2 297 16 07)

Anness:

Tabella ta' Infurzar tas-Suq Intern

It-Tabella ta' Infurzar tas-Suq Intern tiġbor l-indikaturi l-iktar rilevanti sabiex tipprovdi stampa aħjar tal-konformità tal-Istati Membri mal-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tas-Suq Intern.

Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site