Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, it-8 ta' Ottubru 2012

Azzjoni klimatika: Il-Kummissjoni tingħaqad man-negozji, mal-gruppi ambjentali u mal-universitajiet biex tippromwovi soluzzjonijiet klimatiċi

Connie Hedegaard, il-Kummissarju Ewropew għall-Azzjoni Klimatika, illum nediet kampanja ta’ komunikazzjoni pan-Ewropea b’kollaborazzjoni ma’ aktar minn 70 organizzazzjoni minn madwar l-Ewropa kollha. Bl-islogan “Dinja li togħġbok. Bi klima li togħġbok” il-kampanja għandha l-għan li tqiegħed soluzzjonijiet prattiċi fil-qofol tad-dibattitu dwar it-tibdil fil-klima u turi kif l-azzjoni klimatika tista’ żżid il-benessri u ġġib benefiċċji ekonomiċi liċ-ċittadini Ewropej.

Madwar l-Ewropa jeżistu għadd kbir ta’ eżempji ta’ soluzzjonijiet klimatiċi intelliġenti u innovattivi li jnaqqsu t-tniġġis tad-CO2 filwaqt li jtejbu l-kwalità tal-ħajja tan-nies. Pereżempju, l-istazzjon ċentrali tal-ferroviji ta’ Stokkolma tikkonverti s-sħana minn ġisem il-vjaġġaturi fi sħana għal bini ta’ uffiċċji li jinsab qrib, biex b’dan il-mod mhux biss jitnaqqsu l-emissjonijiet iżda jitnaqqas ukoll il-kont tal-enerġija tal-bini b’20-25 %. Fid-Danimarka, l-iskola ta’ Gedved f’Horsens tiffranka EUR 30 000 fis-sena fuq l-enerġija bis-saħħa tal-enerġija solari. Il-flus li jiġu ffrankati jintnefqu fuq it-titjib tal-edukazzjoni.

Soluzzjonijiet bħal dawn fejn tagħmel x’tagħmel tiggwadanja – fejn l-iffrankar ta' flus, ħin u emissjonijiet ta’ gassijiet serra jimxu id f'id - huma fil-qofol tal-kampanja ta' komunikazzjoni mnedija mill-Kummissarju Hedegaard fis-City Hall ta’ Londra.

Għandna għażla: Nistgħu NAĠIXXU skont l-għarfien tagħna dwar it-tibdil fil-klima. Jew nistgħu noqogħdu nitnikkru u nibqgħu nħarsu hekk kif l-affarijiet jiddeterjoraw. Iż-żewġ għażliet għandhom prezzhom. Allura, għalfejn ma noħolqux dinja li togħġobna, bi klima li togħġobna – hekk kif għad baqalna ż-żmien li nagħmlu dan? B’din il-kampanja rridu niffukaw id-dibattitu fuq is-soluzzjonijiet u nsiru nafu x’qed iżommna lura milli napplikawhom,” qalet Connie Hedegaard.

Il-kampanja, li tilħaq il-qofol tagħha fuq website li dalwaqt se tkun disponibbli fit-23 lingwa tal-UE, tfasslet fil-forma ta’ pjattaforma ta’ parteċipazzjoni fejn individwi, negozji u gruppi lokali se jkunu jistgħu jtellgħu, jippromwovu u jiddiskutu s-soluzzjonijiet tagħhom b'livell baxx ta' karbonju u jieħdu sehem f'kompetizzjoni pan-Ewropea biex tinstab l-aqwa soluzzjoni u li tkun l-aktar waħda oriġinali.

Sħubijiet ma’ organizzazzjonijiet li jaħsbuha bl-istess mod huma parti ċentrali tal-kampanja. Aktar minn 70 organizzazzjoni diġà ġew ikkonfermati bħala sħab fil-kampanja, inklużi assoċjazzjonijiet ta’ negozji, universitajiet, organizzazzjonijiet mhux governattivi u istituzzjonijiet governattivi. Il-ħsieb huwa li hekk kif il-kampanja tevolvi jiġu rreġistrati aktar sħab.

Fl-avveniment tat-tnedija “Viżjonijiet għal dinja li togħġbok”, is-sħab fil-kampanja u ċ-ċittadini ngħaqdu mal-Kummissarju Hedegaard, mas-Segretarju tal-Istat għall-Enerġija u t-Tibdil fil-Klima tar-Renju Unit Ed Davy, is-Segretarju tal-Istat għall Ambjent ta 'Spanja Federico Ramos de Armas u ma’ kelliema oħra biex jagħtu bidu għad-dibattitu. Id-diskussjonijiet qed jiġu streamed live fuq il-paġna Facebook tal-kampanja u jistgħu jsiru kontribuzzjonijiet fuq Twitter.

Tul l-2012 u l-2013 se jkun hemm aktar avvenimenti f’għadd ta’ Stati Membri, inklużi l-Bulgarija, l-Italja, il-Polonja u l-Portugall.

Sfond

Il-kampanja se tibqa’ għaddejja sal-aħħar tal-2013 u għandha l-għan li tippreżenta soluzzjonijiet kosteffiċjenti biex jintlaħaq l-għan tal-UE li sal-2050 ikun hemm tnaqqis ta’ 80-95 % tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra.

Il-kampanja hija segwitu għall-“Pjan direzzjonali għal ekonomija kompetittiva b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju fl-2050” imfassal mill-Kummissjoni f’Marzu 2011, u li jistabbilixxi triqat li jwasslu għal tnaqqis profond iżda kosteffikaċi ta’ emissjonijiet mis-setturi ekonomiċi ewlenin. Il-Pjan direzzjonali juri li l-bini ta’ ekonomija b’livell baxx ta’ karbonju se żżid l-investimenti f’teknoloġiji nodfa u f’infrastruttura bħall-grids tal-elettriku intelliġenti, u se tnaqqas b’mod drastiku l-kontijiet tal-importazzjoni għaż-żejt u l-gass.

Fuq terminu medju, sal-2020, l-UE għandha l-għan li tnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet serra b’20 %, li ttejjeb l-effiċjenza enerġetika b’20 % u li żżid is-sehem tal-enerġija rinnovabbli fit-taħlita tal-enerġija għal 20 %. Attwalment, l-emissjonijiet tal-UE huma aktar minn 17 % taħt il-livelli tal-1990.

Aktar informazzjoni

L-avveniment tat-tnedija qed jiġi streamed live fuq il-paġna Facebook tal-kampanja fuq www.facebook.com/EUClimateAction. Tista' tipparteċipa fid-diskussjoni fuq Twitter fuq #worldulike.

Il-website tal-kampanja: htttp://world-you-like.europa.eu. L-informazzjoni għall-midja u r-ritratti huma disponibbli fuq dan is-sit.

Lista tal-proġetti madwar l-UE: http://world-you-like.europa.eu/en/success-stories

Għal aktar informazzjoni dwar il-Pjan direzzjonali għal ekonomija kompetittiva b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju fl-2050, żur il-website tad-DĠ Azzjoni Klimatika fuq http://ec.europa.eu/clima/policies/roadmap/index_en.htm.

Contacts :

Stephanie Rhomberg (+32 2 298 72 78)

Isaac Valero Ladron (+32 2 296 49 71)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site