Navigation path

Left navigation

Additional tools

Nevitaw il-falliment billi nindirizzaw il-ħlasijiet tard

European Commission - IP/12/1071   05/10/2012

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, il-5 ta' Ottubru 2012

Nevitaw il-falliment billi nindirizzaw il-ħlasijiet tard

Il-fallimenti jwasslu għat-telf ta’ 450 000 impjieg fl-UE u għal djun annwali pendenti ta' EUR 23.6 biljun. 57 % tan-negozji fl-Ewropa jiddikjaraw li għandhom problemi ta' likwidità minħabba ħlasijiet tard, li tfisser żieda ta’ 10 % mis-sena li għaddiet.1 Kuljum madwar l-Ewropa, għexieren ta' intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) ifallu minħabba li l-fatturi tagħhom ma jitħallsux. Sabiex tintemm din il-kultura ta' ħlasijiet tard fl-Ewropa li tant qed tagħmel ħsara, illum il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Antonio Tajani nieda f'Ruma kampanja ta' informazzjoni fis-27 Stat Membru kollha tal-UE u l-Kroazja, sabiex iħeġġeġ l-inkorporazzjoni kemm jista' jkun malajr tad-Direttiva dwar il-Ħlasijiet Tard fil-liġi nazzjonali, anki qabel l-iskadenza assoluta fis-16 ta' Marzu 2013. Id-Direttiva 2011/7/UE dwar il-ġlieda kontra l-ħlas tard fi transazzjonijiet kummerċjali hija l-għodda tal-UE biex tiġġieled kontra l-ħlasijiet li jkunu skadew. Wieħed mill-għanijiet prinċipali tal-Kampanja huwa li tiżgura li l-SMEs ikunu jafu d-drittijiet ġodda konferiti bid-Direttiva u kif jeżerċitaw dawn id-drittijiet.

Il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Antonio Tajani, il-Kummissarju għall-Industrija u l-Intraprenditorija, qal: "Kull sena eluf ta’ SMEs ifallu waqt li jkunu qed jistennew li l-fatturi tagħhom jitħallsu. Aħna impenjati li ntemmu l-kultura diżastruża ta' ħlasijiet tard fl-Ewropa, li ilha għal xi żmien kwistjoni ta' tħassib fid-dinja tan-negozju. Jidher biċ-ċar li huwa urġenti għall-Istati Membri li jimplimentaw kemm jista' jkun malajr id-Direttiva dwar il-Pagamenti Tard fil-liġi nazzjonali tagħhom Dan se jipprovdi appoġġ kruċjali għall-SMEs tagħna fil-kriżi ekonomika attwali, fejn l-aċċess għall-kreditu sar diffiċli. Huwa vitali wkoll li n-negozji Ewropej, b'mod partikolari l-SMEs, ikunu jafu d-drittijiet tagħhom u jagħrfu kif jistgħu jagħmlu l-aħjar użu minnhom."

Aktar informazzjoni dwar id-Direttiva dwar il-Ħlasijiet Tard u seminars ta' informazzjoni fl-Istati Membri

Kampanja ta' informazzjoni biex jitħaffu d-dispożizzjonijiet ġodda rigward il-ħlasijiet tard

Huwa partikolarment diffiċli għall-SMEs li jiġġieldu għad-dritt tagħhom għal ħlas fil-pront. Il-ħlasijiet tard jistgħu jwasslu għal spejjeż għoljin f'termini ta' żmien u flus, u tilwima tista' tikkomprometti r-relazzjonijiet mal-klijenti. Id-Direttiva tipprovdi qafas legali biex jiġu segwiti d-debituri.

L-għan tal-kampanja ta' informazzjoni huwa li tqajjem kuxjenza fost il-partijiet interessati Ewropej ewlenin, b’mod partikolari l-SMEs u l-awtoritajiet pubbliċi, dwar id-drittijiet ġodda konferiti bid-Direttiva; filwaqt li tappoġġa wkoll l-implimentazzjoni bikrija tagħha. Il-kampanja tipprovdi wkoll forum għall-iskambju tal-aħjar prassi sabiex tgħin lill-SMEs jiksbu ħlas fil-pront.

Ir-regoli l-ġodda huma sempliċi:

  • L-awtoritajiet pubbliċi għandhom iħallsu għall-prodotti u s-servizzi li jkunu akkwistaw fi żmien 30 jum jew, f'ċirkostanzi eċċezzjonali, fi żmien 60 jum.

  • Il-libertà kuntrattwali fit-tranżazzjonijiet kummerċjali tan-negozji: L-intrapriżi għandhom iħallsu l-fatturi tagħhom fi żmien 60 jum, sakemm dawn ma jiftehmux espressament mod ieħor u jekk dan ma jkunx inġust għall-aħħar għall-kreditur.

  • L-intrapriżi huma awtomatikament intitolati li jitolbu l-imgħax għall-ħlasijiet tard u jistgħu jiksbu ammont fiss minimu ta’ EUR 40 bħala kumpens għall-ispejjeż tal-irkupru tal-pagament. Dawn jistgħu wkoll jitolbu kumpens għall-ispejjeż raġonevoli kollha tal-irkupru li jifdal.

  • Ir-rata tal-imgħax statutorja għal ħlas tard tiżdied sa mill-inqas 8 punti perċentwali ogħla mir-rata ta' referenza tal-Bank Ċentrali Ewropew. L-awtoritajiet pubbliċi mhumiex awtorizzati li jiffissaw rata tal-imgħax għal ħlas tard li jkun taħt dan il-limitu.

  • L-intrapriżi jistgħu jikkontestaw aktar faċilment il-klawżoli u l-prattiki inġusti ferm quddiem il-qrati nazzjonali.

  • Aktar trasparenza u sensibilizzazzjoni: L-Istati Membri għandhom jippubblikaw ir-rati tal-imgħax għal ħlas tard sabiex il-partijiet kollha involuti jkunu informati.

  • L-Istati Membri huma mħeġġa biex jistabbilixxu kodiċijiet ta' prattika għall-ħlas fil-pront.

  • L-Istati Membri jistgħu jkomplu jżommu jew idaħħlu fis-seħħ liġijiet u regolamenti li huma aktar favorevoli għall-kreditur mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva.

Il-miżuri l-ġodda huma fakultattivi għall-intrapriżi, sakemm dawn jiksbu d-dritt li jieħdu azzjoni iżda mhumiex obbligati li jagħmlu dan. F'ċerti ċirkustanzi, jista' jkun li negozju jkun jixtieq jestendi l-perjodu tal-ħlas għal xi ġranet jew ġimgħat sabiex iżomm relazzjoni kummerċjali tajba ma' klijent speċifiku. Iżda l-miżuri l-ġodda huma obbligatorji għall-awtoritajiet pubbliċi. Dawn għandhom jagħtu l-eżempju u juru l-affidabbiltà u l-effiċjenza tagħhom billi jirrispettaw il-kuntratti tagħhom.

Sfond

Id-Direttiva Ewropea dwar il-Ħlasijiet Tard tfasslet biex jiġi miġġieled il-ħlas tard tat-tranżazzjonijiet kummerċjali. L-att oriġinarju tiegħu, l-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar (SBA), jirrifletti r-rieda tal-Kummissjoni li tagħraf ir-rwol ċentrali tal-SMEs fl-ekonomija tal-UE u jenfasizza li l-aċċess effettiv għall-finanzi huwa waħda mill-isfidi ewlenin li jħabbtu wiċċhom magħhom l-SMEs.

MEMO/12/742

Kuntatti:

Carlo Corazza (+32 2 295 17 52)

Sara Tironi (+32 2 299 04 03)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website