Navigation path

Left navigation

Additional tools

L-Ambjent: Il-Kummissjoni tipproponi miżuri biex tegħleb il-“bijopiraterija” u tiffaċilita r-riċerka msejsa fuq in-natura

European Commission - IP/12/1063   04/10/2012

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, l-4 ta' Ottubru 2012

L-Ambjent: Il-Kummissjoni tipproponi miżuri biex tegħleb il-“bijopiraterija” u tiffaċilita r-riċerka msejsa fuq in-natura

Ir-riċerkaturi u l-kumpaniji fl-UE, illum ingħataw spinta permezz ta' proposta ġdida li għandha tipprovdi aċċess affidabbli għal riżorsi ġenetiċi minn barra l-Unjoni. Il-proposta – abbozz ta’ Regolament li jimplimenta l-“Protokoll ta’ Nagoya dwar l-Aċċess għal Riżorsi Ġenetiċi u l-Qsim tal-Benefiċċji” - tfasslet biex tipproteġi d-drittijiet tal-pajjiżi u ta’ komunitajiet indiġeni u lokali li jippermettu l-użu tar-riżorsi ġenetiċi u l-għarfien tradizzjonali assoċjat magħhom, filwaqt li jagħtu lir-riċerkaturi fl-Ewropa aċċess affidabbli u aħjar għal kampjuni ta’ kwalità ta’ riżorsi ġenetiċi bi prezz baxx u b’ċertezza legali għolja.

F’ħafna setturi ekonomiċi, ir-riżorsi ġenetiċi għandhom rwol sinifikanti u li dejjem qed jikber, inkluż fis-settur tat-tnissil tal-pjanti u l-annimali, u dak tal-kożmetiċi u l-prodotti farmaċewtiċi. Ħafna minn dawn ir-riżorsi ġejjin minn “żoni mhedda fejn hemm bijodiversità vasta (hotspots”, f’pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw. In-nuqqas ta’ regoli ċari wassal biex ċerti pajjiżi jgħidu li d-drittijiet sovrani tagħhom ġew iddisprezzati minn riċerkaturi barranin, sitwazzjoni magħrufa bħala "bijopiraterija". Dan in-nuqqas ta’ fiduċja ħafna drabi wassal għal kundizzjonijiet restrittivi li jxekklu l-aċċess għar-riżorsi ġenetiċi. Il-proposti tal-lum tfasslu biex jindirizzaw dawk il-beżgħat, filwaqt li jkabbru l-opportunitajiet għar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni fir-rigward ta’ prodotti u servizzi msejsa fuq in-natura. Kundizzjonijiet indaqs għall-utenti kollha ta’ riżorsi ġenetiċi fl-UE għandhom jirriżultaw f’benefiċċji partikolari għall-SMEs u għal riċerka mhux kummerċjali u ffinanzjata minn fondi pubbliċi u jsaħħu l-opportunitajiet għal kollaborazzjoni internazzjonali.

Ir-Regolament propost ikun jobbliga lill-utenti, biex dawn jivverifikaw li l-aċċess għar-riżorsi ġenetiċi u l-għarfien tradizzjonali assoċjat magħhom ikunu saru skont ir-rekwiżiti legali applikabbli fil-pajjiż ta' oriġini, u li l-benefiċċji jinqasmu b'mod ġust u ekwu. L-utenti jkunu obbligati wkoll li jiddikjaraw li huma eżerċitaw id-"diliġenza dovuta" meħtieġa mir-Regolament (jew li se jagħmlu dan fil-futur). L-utenti li jiksru r-Regolament jiġu ssanzjonati.

Ir-Regolament għandu l-għan ukoll li jgħin lir-riċerkaturi u lill-industrija biex dawn jikkonformaw mar-regoli. L-aqwa prattiki fis-settur se jkollhom rwol importanti, u l-assoċjazzjonijiet tal-utenti jistgħu jitolbu rikonoxximent formali tal-aqwa prattiki rigward l-aċċess u l-qsim tal-benefiċċji, fl-iżvilupp ulterjuri ta' kodiċi ta' kondotta eżistenti ta' aċċess u qsim ta’ benefiċċji għas-settur akkademiku u għal industriji differenti.

Se jiġi stabbilit reġistru tal-UE ta’ ġabriet affidabbli bħal banek taż-żerriegħa u ġonna botaniċi, li jidentifika ġabriet fejn jeżisti impenn biex jiġu fornuti biss kampjuni ta’ riżorsi ġenetiċi dokumentati kompletament. L-utenti li jiksbu l-materjal tar-riċerka tagħhom minn ġabra affidabbli jitqiesu li kkonformaw mal-parti l-kbira tal-obbligu ta’ diliġenza dovuta. Se tiġi stabbilita wkoll pjattaforma tal-UE biex tissimplifika l-kundizzjonijiet ta' aċċess fl-Istati Membri.

Il-passi li jmiss

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill issa se jqisu l-miżuri proposti, li mbagħad ladarba jintlaħaq ftehim dwarhom isiru liġi tal-UE.

Il-ħdax-il konferenza li jmiss tal-partijiet għall-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika f’Hyderabad aktar tard dan ix-xahar se toffri opportunità importanti biex jiġi spjegat id-disinn bażiku tal-proposta leġiżlattiva u biex tissokta l-kollaborazzjoni mas-sħab internazzjonali għall-implimentazzjoni effettiva tal-Protokoll ta’ Nagoya.

Sfond

Ir-riżorsi ġenetiċi huma ta’ kontribut essenzjali għal diversi industriji tal-UE: Pereżempju, 26% tal-mediċini kollha ġodda approvati matul l-aħħar 30 sena huma prodotti naturali, jew ġejjin minn prodott naturali.

Il-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika (CBD), li l-UE tagħmel parti minnha, tobbliga lill-firmatarji biex jiffaċilitaw l-aċċess għar-riżorsi ġenetiċi li jkollhom id-drittijiet sovrani fuqhom, u biex b'mod ġust u ekwu jaqsmu r-riżultati tar-riċerka u l-iżvilupp u l-benefiċċji li jirriżultaw mill-użu kummerċjali ta' tali riżorsi. Iżda l-Konvenzjoni ma tidħolx fid-dettall dwar kif l-aċċess u l-qsim tal-benefiċċji għandu jsir fil-prattika, u l-pajjiżi industrijalizzati għadhom qed jaħsbuha dwar jekk jadottawx miżuri li jappoġġaw il-qsim effettiv tal-benefiċċji. Dan xekkel serjament il-progress globali għall-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tal-bijodiversità, li hija ħasra għax l-aktar li jistgħu jibbenefikaw minn qafas effettiv tal-ABS huma “żoni mhedda fejn hemm bijodiversità vasta.” Il-“Protokoll ta' Nagoya dwar l-Aċċess għar-Riżorsi Ġenetiċi u l-Qsim ta' Benefiċċji” li ntlaħaq ftehim dwaru fl-2010, mela ħafna minn dawn il-lakuni, filwaqt li obbliga lill-firmatarji biex jieħdu miżuri biex jiżguraw li r-riżorsi ġenetiċi u l-għarfien tradizzjonali assoċjat magħhom li jinkisbu legalment biss għandhom jintużaw fi ħdan il-ġurisdizzjoni tagħhom. Ir-Regolament propost jipprovdi l-mekkaniżmu biex tali obbligu jitqiegħed fil-prattika fl-Unjoni Ewropea.

Għal aktar tagħrif:

http://ec.europa.eu/environment/biodiversity/international/ABS

Kuntatti :

Joe Hennon (+32 2 295 35 93)

Monica Westeren (+32 2 299 18 30)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website