Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, l-4 ta' Ottubru 2012

L-Aġenda Diġitali: Banek ewlenin, kumpaniji tat-telekomunikazzjoni u gvernijiet jikkollaboraw f’eżerċizzju ta’ simulazzjoni kontra ċ-ċiberattakki fil-livell tal-UE

Illum, mijiet ta’ esperti mill-qasam taċ-ċibersigurtà minn madwar l-UE qed jittestjaw kemm huma ippreparati biex jikkumbattu ċ-ċiberattakki f’simulazzjoni fl-Ewropa kollha li ddum għaddejja ġurnata sħiħa. F’Cyber Europe 2012, 400 espert minn istituzzjonijiet finanzjarji ewlenin, kumpaniji tat-telekomunikazzjoni, fornituri tas-servizzi tal-internet u gvernijiet lokali u nazzjonali fl-Ewropa kollha qed iħabbtu wiċċhom ma’ aktar minn 1200 ċiberinċident separat (inkluż aktar minn 30 000 email) matul simulazzjoni ta' attakk mifrux li jimpedixxi s-servizz (distributed denial of service (DDoS)). L-eżerċizzju qed jittestja kif dawn jirreaġixxu u jikkooperaw f'każ ta' serje ta’ attakki kontra websites pubbliċi u sistemi tal-kompjuter f'Banek Ewropej ewlenin. Jekk tali attakk iseħħ fir-realtà, jista' jħarbat serjament lil miljuni ta’ ċittadini u negozji madwar l-Ewropa, u lill-ekonomija tal-UE jista’ jiswiha miljuni ta’ ewro fi ħsara.

Il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Neelie Kroes qalet: “Din hija l-ewwel darba li l-banek u l-kumpaniji tal-internet ħadu sehem f’eżerċizzju kontra ċ-ċiberattakki fil-livell tal-UE. Din il-kooperazzjoni hija essenzjali meta jitqies li ċ-ċiberattakki qegħdin dejjem jikbru fid-daqs u fil-kumplessità. Il-qofol tal-eżerċizzju tal-lum huwa li naħdmu flimkien fil-livell Ewropew biex l-internet u infrastrutturi essenzjali oħra jibqgħu joperaw.”

Iċ-ċiberinċidenti qed isiru aktar frekwenti. Fl-2011, l-attakki bbażati fuq l-internet żdiedu b'36 %. Bejn l-2007 u l-2010 ġie rrappurtat li l-għadd ta’ kumpaniji li rrappurtaw inċidenti ta’ sigurtà b’impatt finanzjarju kien erba’ darbiet akbar (dan żdied minn 5 % fl-2007 għal 20 % fl-2010).

Fl-għaxar snin li ġejjin, esperti mill-Forum Ekonomiku Dinji jikkalkulaw riskju ta' 10 % ta’ inċident ewlieni tal-Infrastruttura Kritika tal-Informazzjoni li jikkawża EUR 200 biljun fi ħsara ekonomika.

Sfond

Dan l-eżerċizzju ta’ simulazzjoni jagħmel użu minn sistema awtonoma biex jissimula l-karatteristiċi u l-prestazzjoni tal-infrastrutturi kritiċi reali tal-informazzjoni. Ma hemm l-ebda infrastruttura reali involuta. Esperti mill-ENISA (L-Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Networks u l-Informazzjoni) se jippreżentaw “evalwazzjonijiet ta' segwitu” tar-riżultati inizjali fil-ġranet eżatt wara l-eżerċizzju u sa qabel l-aħħar tas-sena se jinħareġ rapport bis-sejbiet ewlenin.

Cyber Europe 2012 se jiżvolġi fl-istess perjodu tax-Xahar Ewropew taċ-Ċibersigurtà u huwa t-tieni l-akbar eżerċizzju ta' simulazzjoni fil-livell tal-UE, kontra ċ-ċiberattaki, organizzat mill-Istati Membri, mill-Kummissjoni u mill-ENISA. L-eżerċizzju tal-2012 huwa ħafna akbar fl-ambitu u fid-daqs mill-eżerċizzju inawgurali tal-2010 (IP/10/1459).

L-Istituzzjonijiet Ewropej għadhom kemm waqqfu wkoll l-Iskwadra Ewropea ta’ Rispons f’Emerġenza relatata mal-Kompjuters (CERT-EU) biex jipproteġu l-istituzzjonijiet kontra ċ-ċibertheddid u ċ-ċiberinċidenti (ara IP/12/949). Qabel l-aħħar tal-2012, il-Kummissjoni Ewropea u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna għandhom l-għan li jippreżentaw Strateġija komprensiva dwar iċ-ċibersigurtà. Element ewlieni mill-istrateġija se jkun proposta leġiżlattiva biex tittejjeb is-sigurtà tan-networks u l-informazzjoni madwar l-UE. Il-proposta se tipprovdi mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni fost l-Istati Membri u se tintroduċi rekwiżiti ta’ sigurtà għas-settur privat. Għat-tħejjija ta’ din il-proposta, il-Kummissjoni bħalissa qed titlob l-opinjoni tal-gvernijiet, ta’ negozji u ta’ konsumaturi rigward is-sigurtà tas-Sistemi tan-Networks u l-Informazzjoni (NIS), inkluż l-internet (ara IP/12/818). Dan il-proċess ta' konsultazzjoni se jintemm fil-15 ta' Ottubru.

Links utli

Il-Politika tal-UE dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni:

Il-websajt tal-ENISA

Il-websajt tal-Aġenda Diġitali:

Esprimi l-opinjoni tiegħek

Hash Tag: CyberEurope12

Il-websajt ta’ Neelie Kroes

Segwi lil Neelie fuq Twitter

Kuntatti :

Ryan Heath (+32 2 296 17 16), Twitter: http://twitter.com/RyanHeathEU

Linda Cain (+32 2 299 90 19)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website