Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, l-4 ta' Ottubru 2012

Konferenza dwar l-ICT - Il-Kummissjoni twitti t-triq billi tippreżenta soluzzjonijiet tal-informatika għas-seklu 21

Fl-4 u l-5 ta’ Ottubru iktar minn 800 speċjalist tal-IT u maniġers tal-politika minn istituzzjonijiet u aġenziji tal-UE se jattendu l-Konferenza tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-ICT tal-2012, u b'hekk se jgħinu fl-iffissar tal-pedamenti diġitali għall-amministrazzjonijiet tal-UE għas-seklu 21.

Il-midja soċjali, l-ICT mobbli u żviluppi oħra tas-seklu 21 qed joffru lill-amministrazzjonijiet tal-UE possibbiltajiet u għodod li l-uffiċjali pubbliċi tal-ġenerazzjonijiet preċedenti lanqas biss kienu joħolmu bihom. Madwar l-UE x-xejriet ġodda fit-teknoloġija flimkien ma’ soċjetajiet profiċjenti ħafna fl-IT qed ikollhom impatt qawwi – fuq l-aspettativi taċ-ċittadini u fuq dak li huwa mistenni mill-amministrazzjonijiet.

Il-konferenza se teżamina dawn l-iżviluppi u se tara kif tista’ ttejjeb l-amministrazzjoni pubblika Ewropea. Uffiċjali eżekuttivi mill-aqwa kumpaniji tas-settur privat bħall-IKEA u l-GlaxoSmithKline se juru wkoll kif huma bbenefikaw mit-tibdil kbir ħafna li l-IT qed iġib miegħu fid-dinja tax-xogħol, u jispjegaw uħud mill-miżuri innovattivi tal-IT li huma introduċew.

Il-konferenza, b’mod partikolari wriet l-inizjattiva l-ġdida tal-Kummissjoni ”e-Commission 2012-2015: Il-provvediment ta’ servizzi diġitali ffukati fuq l-utent”. Bħala parti mill-kontribuzzjoni tal-Kummissjoni stess għall-Aġenda Diġitali għall-Ewropa, l-e-Commission tfasslet biex tgħin fl-iżvilupp ta’ servizzi diġitali u soluzzjonijiet tal-IT f’oqsma varji marbuta ma' amministrazzjonijiet pubbliċi Ewropej.

Dan jinkludi għajnuna biex jingħelbu l-ostakli bejn amministrazzjonijiet pubbliċi nazzjonali varji fl-Ewropa bl-użu tal-IT, tittejjeb it-trasparenza u l-aċċessibbiltà tal-informazzjoni, u titnaqqas il-burokrazija għaċ-ċittadini u għan-negozji. L-e-Commission se ssaħħaħ ukoll is-sigurtà tal-IT tal-Kummissjoni u se tiżgura l-konverġenza tas-sistemi tal-IT permezz tal-użu ta’ teknoloġiji innovattivi.

Il-Viċi President Maroš Šefčovič, responsabbli mis-servizzi tal-IT fil-Kummissjoni, qal: “F’konformità mal-Aġenda Diġitali, l-e-Commission tfasslet biex tiffaċilita ħajjet l-utenti, tippromwovi użu effettiv u effiċjenti tar-riżorsi, u tiżgura s-sigurtà u l-privatezza taċ-ċittadini u n-negozji. L-e-Commission hija bbażata fuq il-prinċipji ta’ ftuħ u użu mill-ġdid. Il-Kummissjoni se sservi ta’ eżempju fil-provvediment ta’ dawn is-soluzzjonijiet tal-IT tas-seklu 21 biex tappoġġa l-politiki tal-UE".

Sfond

Qed tfeġġ era ġdida ta’ kollaborazzjoni fost dawk involuti fis-settur pubbliku. Din il-kollaborazzjoni jeħtieġ li tiġi sostnuta minn sistemi tal-IT transfruntieri u transsettorjali, ġodda u flessibbli, li jissimplifikaw il-proċessi amministrattivi, inaqqsu l-burokrazija u li jkollhom interfaċċi li jistgħu jintużaw faċilment mill-utent. L-e-Commission 2012-2015 tindirizza dawn l-isfidi u tispjega kif il-Kummissjoni se tkun minn ta’ quddiem nett fil-provvediment ta’ dawn is-soluzzjonijiet tal-IT, biex issostni l-politiki tal-UE u l-amministrazzjoni interna tal-Kummissjoni.

Il-websajt tal-Kummissjoni dwar l-e-Commission:

http://ec.europa.eu/dgs/informatics/ecomm/index_en.htm

Komunikazzjoni ġdida dwar l-e-Commission:

http://ec.europa.eu/dgs/informatics/ecomm/doc/communication_sefcovic_tothecom.pdf

Kuntatti :

Antonio Gravili (+32 2 295 43 17)

Marilyn Carruthers (+32 2 299 94 51)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website