Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, it-3 ta' Ottubru 2012

L-Att dwar is-Suq Uniku II: tnax-il azzjoni prijoritarja għal tkabbir ġdid

Din is-sena tikkommemora l-20 anniversarju tas-Suq Uniku. Kien hemm ħafna suċċessi. Għall-konsumaturi Ewropej, is-Suq Uniku jfisser iktar għażla bi prezzijiet irħas. Liċ-ċittadini, is-Suq Uniku tahom il-possibbiltà li jivjaġġaw liberament, li jissetiljaw u jaħdmu fejn jixtiequ. Liż-żgħażagħ, fetħilhom l-opportunità li jistudjaw barra minn pajjiżhom – iktar minn 2.5 miljun student ħatfu din l-opportunità fl-aħħar 25 sena. Lit-23 miljun kumpanija fl-UE, is-Suq Uniku fetħilhom l-aċċess għal 500 miljun konsumatur u ġġenera investiment barrani. Il-messaġġ huwa ċar, l-evidenza qiegħda hemm : Suq Uniku b’saħħtu, approfondit u integrat joħloq it-tkabbir, jiġġenera l-impjiegi u joffri opportunitajiet għaċ-ċittadini Ewropej li ma kinux jeżistu 20 sena ilu.

L-ikkompletar tas-Suq Uniku huwa eżerċizzju kontinwu u huwa element ċentrali tal-aġenda Ewropea tat-tkabbir sabiex tkun indirizzata l-kriżi ekonomika attwali. Din hija r-raġuni għalfejn il-Kummissjoni Ewropea llum adottat l-Att dwar is-Suq Uniku II, li jressaq tnax-il azzjoni ewlenija sabiex ikunu adottati malajr mill-istituzzjonijiet tal-UE. Dawn l-azzjonijiet jikkonċentraw fuq erba’ muturi ewlenin għat-tkabbir, l-impjieg u l-fiduċja: a) netwerks integrati, b) mobbiltà transfruntiera taċ-ċittadini u n-negozji, c) l-ekonomija diġitali, u d) azzjonijiet li jsaħħu l-koeżjoni u l-benefiċċji tal-konsumaturi.

“Is-suq uniku jista’ jagħmel iktar għaċ-ċittadini u n-negozji Ewropej” qal Michel Barnier, il-Kummissarju Ewropew għas-Suq Intern u s-Servizzi. Huwa żied jgħid: “L-Att dwar is-Suq Uniku II huwa sejħa għalina li nfasslu l-politiki, biex immiddu jdejna, niffukaw u nipproduċu riżultati. Ninsab konvint li t-tnax-il azzjoni ewlenija li qed nippreżentaw illum se jirċievu l-grad ta' impenn politiku li jixirqilhom. Dan huwa ċ-ċans tagħna li nużaw l-assi tad-deheb tagħna, is-suq uniku, biex naraw l-ekonomija tas-suq soċjali tagħna tkun kompetittiva u terġa’ tibda tikber”.

L-Att dwar is-Suq Uniku II isegwi l-passi tal-ewwel sett ta’ miżuri ppreżentati mill-Kummissjoni - l-Att dwar is-Suq Uniku I – (IP/11/496) u jirrappreżenta kapitolu ġdid fi proċess lejn suq uniku iktar approfondit u integrat aħjar.

Huwa jikkommemora l-20 anniversarju tas-suq uniku tal-UE u jiftaħ l-attivitajiet tal-Ġimgħa ddedikata lis-Suq Uniku (15-20 ta’ Ottubru 2012). Bit-tema “Flimkien għal tkabbir ġdid”, sensiela ta’ avvenimenti mqassmin fuq ġimgħa fl-UE kollha se jagħtu l-opportunità lil dawk li jfasslu l-politiki u liċ-ċittadini biex jiddiskutu s-suċċessi u l-isfidi tas-suq uniku u joħorġu b’ideat ġodda.

Sfond

L-Att dwar is-Suq Uniku II jinkludi l-azzjonijiet li ġejjin:

Netwerks tat-trasport u tal-enerġija: netwerks tat-trasport u l-enerġija effiċjenti u integrati b’mod sħiħ huma s-sisien tas-suq uniku. L-opportunitajiet offruti mill-fondi ta’ koeżjoni u strutturali għandhom ikunu akkumpanjati minn impenn sod lejn il-kompetizzjoni, l-għażla u s-servizzi ta’ kwalità fl-UE kollha. Sabiex iwettaq din il-viżjoni, l-Att dwar is-Suq Uniku II jinkludi :

(i) azzjoni li tiftaħ il-provvediment ta’ servizzi domestiċi lill-passiġġieri ferrovjarji għal kompetizzjoni ulterjuri intra-UE

(ii) it-titjib ta’ suq uniku għat-trasport marittimu

(iii) miżuri li jaċċelleraw l-Ajru Uniku Ewropew

(iv) azzjonijiet li jagħmlu effettiva l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE dwar l-enerġija.

Mobbiltà taċ-ċittadini u n-negozji: il-moviment liberu madwar il-fruntieri huwa l-iktar ħaġa bażika ta' suq uniku u wieħed mis-sisien tal-Unjoni Ewropea. Madankollu għadhom jippersistu ostakli prattiċi u legali għall-mobbiltà taċ-ċittadini, għall-attivitajiet tan-negozju u għall-finanzjament tal-investiment. Għaldaqstant, permezz tal-Att dwar is-Suq Uniku II, il-Kummissjoni qed tipproponi li:

(i) tiżviluppa l-portal EURES f’għodda transfruntiera ddedikata totalment għar-reklutaġġ u l-kollegament tal-impjieg

(ii) tintroduċi dispożizzjonijjiet għall-mobilizzazzjoni ta’ fondi ta’ investiment fit-tul għall-kumpaniji privati u proġetti fuq tul ta’ żmien twil

(iii) timmodernizza l-proċeduri ta’ insolvenza, l-ewwel fosthom għall-każijiet transfruntiera, u li jikkontribwixxu għal ambjent li joffri t-tieni ċans għal imprendituri li jkunu qed ifallu.

L-ekonomija diġitali: minħabba l-piż ekonomiku u l-effetti ta’ kontaġju importanti tagħha, pereżempju f’termini ta’ produttività u ta' soluzzjoni għall-isfidi soċjetali, ir-revoluzzjoni tal-ekonomija diġitali tibqa’ opportunità li ma tistax tintilef. Permezz tal-ħidma tagħha lejn l-ikkompletar tas-suq uniku diġitali sal-2015, il-Kummissjoni qed tipproponi li:

(i) tiffaċilita l-kummerċ elettroniku fl-UE billi tagħmel is-servizzi ta’ ħlas eħfef biex jintużaw, iktar affidabbli u kompetittivi

(ii) tindirizza l-kawża sottostanti ewlenija ta’ nuqqas ta’ investiment f’konnessjonijiet broadband b’veloċità qawwija, jiġifieri l-ispejjeż tal-inġinerija ċivili tagħha

(iii) tagħmel il-fatturazzjoni elettronika standard fil-proċeduri ta’ akkwist pubbliku – sistema ppruvata li tiffranka l-flus.

Imprenditorjat soċjali, koeżjoni u kunfidenza tal-konsumatur: is-suċċess tas-suq uniku huwa wkoll riżultat tal-parteċipazzjoni ekonomika u soċjali li tista’ tiġġenera. Iċ-ċittadini jeħtieġ li jkunu kunfidenti u ċ-ċittadini kollha, kullimkien fl-UE, għandu jkollhom iċ-ċans li jibbenefikaw mill-opportunitajiet li joffri s-suq uniku. Il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li ssegwi dan l-objettiv billi tuża għodod tas-suq intern konkreti, inklużi :

(i) it-titjib tar-regoli dwar is-sikurezza tal-prodotti u l-infurzar reali tagħhom

(ii) miżuri li jiżguraw aċċess mifrux għall-kontijiet tal-bank, kif ukoll tariffi tal-kontijiet trasparenti u komparabbli u l-bdil b’faċilità tal-kontijiet bankarji.

X'inhuma l-passi li jmiss?

  • Fl-10 ta’ Ottubru, dibattitu onlajn fuq Google dwar is-Suq Uniku

  • Bejn il-15-20 ta’ Ottubru, il-Ġimgħa ddedikata għas-Suq Uniku1

  • Il-Kummissjoni se tressaq il-proposti leġiżlattivi ewlenin kollha tal-Att dwar is-Suq Uniku II sar-rebbiegħa 2013 u dawk mhux leġiżlattivi sa tmiem l-2013.

  • Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill huma mistiedna jadottaw bi prijorità, il-proposti leġiżlattivi sar-rebbiegħa 2014.

Aktar tagħrif

MEMO/12/734

Sit elettroniku: http://ec.europa.eu/internal_market/smact/index_en.htm

Kuntatt :

Stefaan De Rynck (+32 2 296 34 21)

Carmel Dunne (+32 2 299 88 94)

Audrey Augier (+32 2 297 16 07)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site