Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, l-4 ta' Ottubru 2012

Testijiet ta’ reżistenza nukleari: konferma ta’ standards ta’ sikurezza għoljin, iżda anke tal-ħtieġa ta’ aktar titjib

Ġeneralment, l-istandards ta’ sikurezza tal-impjanti tal-enerġija nukleari fl-Ewropa huma għoljin, biss qed jiġi rrakkomandat aktar titjib fl-elementi ta’ sikurezza ta’ kważi l-impjanti tal-enerġija nukleari Ewropej kollha. Madankollu, l-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza waslu għall-konklużjoni li ma kien ġustifikat li jsir ebda għeluq ta’ Impjanti tal-Enerġija Nukleari. Dan huwa l-messaġġ ewlieni li joħroġ mill-komunikazzjoni tal-lum tal-Kummissjoni Ewropea dwar ir-riżultati tat-testijiet ta’ reżistenza nukleari. Dawn it-testijiet stabbilixxew li la l-istandards ta’ sikurezza promossi mill-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika (IAEA) u lanqas l-aqwa prattiki internazzjonali ma qed jiġu applikati kollha fl-Istati Membri kollha. Il-Kummissjoni se ssegwi mill-qrib l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet, u fl-istess waqt, se tipproponi miżuri leġiżlattivi li jkomplu jtejbu s-sikurezza nukleari fl-Ewropa.

Il-Kummissarju Günther Oettinger qal: “It-testijiet ta’ reżistenza nukleari żvelawlna l-aspetti li aħna tajbin fihom, kif ukoll dawk fejn jeħtieġ li nitjiebu. It-testijiet saru b’reqqa u rnexxew. Ġeneralment, is-sitwazzjoni hija sodisfaċenti, iżda ma nistgħux inħallu lok għal-laxkezza. L-awtoritajiet kollha involuti għandhom jaħdmu biex jiżguraw li f’kull wieħed mill-impjanti tal-enerġija nukleari fl-Ewropa jiġu applikati l-ogħla standards ta' sikurezza. Dan, għas-sikurezza taċ-ċittadini tagħna”.

Minbarra li wasslu għar-rakkomandazzjoni ta’ ħafna titjib tekniku speċifiku għall-impjanti, it-testijiet ta’ reżistenza nukleari wrew li l-Istandards u l-prattiki internazzjonali ma ġewx applikati kullimkien. Barra minn hekk, għandna nieħdu diversi tagħlimiet minn dak li seħħ ġewwa Fukushima. Dawn jinkludu, b'mod partikolari:

  • Riskju ta’ terremoti u ta’ għargħar. L-istandards attwali għall-kalkolu tar-riskju mhux qed jiġu applikati, rispettivament, f’54 reattur (għar-riskju ta’ terremoti) u fi 62 reattur (għar-riskju ta' għargħar) mill-145 reattur li ġew iċċekkjati. Il-kalkolu tar-riskju għandu jkun ibbażat fuq perjodu ta’ żmien ta’ 10 000 sena, u mhux fuq perjodi ta’ żmien iqsar, kif ġieli jintużaw.

  • Strumenti sismiċi fuq il-post għall-kejl u t-twissija ta’ terrimoti possibbli għandhom ikunu disponibbli f’kull impjant tal-enerġija nukleari. Dawn l-istrumenti għandhom jiġu installati jew aġġornati f’121 reattur.

  • Għandu jkun hemm sistemi ta’ ventilazzjoni ffiltrata tal-istruttura ta’ konteniment li jippermettu t-tbaxxija sikura tal-pressjoni fl-istruttura ta’ konteniment tar-reattur f’każ ta’ aċċident. Għad hemm 32 reattur li mhumiex mgħammra b’dawn is-sistemi.

  • It-tagħmir meħtieġ f'każijiet ta' aċċidenti kbar għandu jinżamm maħżun f'postijiet li jkunu protetti anke f’każ ta’ qerda totali u għandu jkun aċċessibbli faċilment. F’81 reattur fl-UE, dan mhuwiex il-każ.

  • Għandu jkun hemm it-tieni kamra ta’ kontroll f’każ ta’ emerġenza li tintuża meta l-kamra ta’ kontroll prinċipali ma tkunx tista’ tintuża minħabba f’xi aċċident. 24 reattur għadhom mingħajr din it-tieni kamra.

Segwitu:

Pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali, bl-iskedi taż-żmien relatati, għandhom jiġu ppreparati mir-regolaturi nazzjonali u se jkunu disponibbli sa tmiem l-2012. Il-pjanijiet ta’ azzjoni se jkunu suġġetti għal evalwazzjonijiet bejn il-pari fil-bidu tal-2013, sabiex jiġi vverifikat li r-rakkomandazzjonijiet li ħarġu mit-testijiet ta’ reżistenza nukleari jkunu implimentati b’mod konsistenti u trasparenti fl-Ewropa kollha. F’Ġunju 2014, il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li tirrapporta dwar l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet li ħarġu mit-testijiet ta’ reżistenza nukleari; dan, bi sħubija sħiħa mar-regolaturi nazzjonali.

Minbarra s-sejbiet tekniċi speċifiċi u r-rakkomandazzjonijiet, il-Kummissjoni analizzat il-qafas legali Ewropew eżistenti għas-sikurezza nukleari u fil-bidu tal-2013 se tippreżenta reviżjoni tad-direttiva attwali dwar is-sikurezza nukleari. L-emendi proposti se jiffokaw fuq ir-rekwiżiti ta’ sikurezza, ir-rwol u s-setgħat tal-awtoritajiet regolatorji nukleari, it-trasparenza, kif ukoll fuq il-monitoraġġ.

Dawn il-proposti għandhom jiġu segwiti bi proposti oħra dwar l-assikurazzjoni u r-responsabbiltà nukleari u dwar il-livelli massimi permissibbli ta’ kontaminazzjoni radjuattiva fl-ikel u l-għalf. It-test ta’ reżistenza nukleari wera wkoll il-ħtieġa għal aktar ħidma fil-qasam tas-sikurezza nukleari (il-prevenzjoni ta’ atti b'intenzjoni li jagħmlu l-ħsara), fejn ir-responsabbiltà prinċipali tkun tal-Istat Membru.

Sfond:

Wara l-aċċident ta’ Fukushima, li seħħ f’Marzu 2011, il-Kunsill Ewropew talab li jsiru valutazzjonijiet komprensivi u trasparenti tar-riskji u tas-sikurezza fl-impjanti tal-enerġija nukleari tal-UE kollha.

L-għan prinċipali tat-testijiet ta’ reżistenza nukleari kien li jivvaluta s-sikurezza u r-robustezza tal-impjanti tal-enerġija nukleari f’każ ta’ avvenimenti naturali estremi. B’mod partikolari, dan ifisser l-għargħar u t-terremoti. Iż-żewġ xenarji ġew ivvalutati simultanjament. Ġew inklużi wkoll il-kraxxjaturi tal-ajruplani peress li dawn għandhom l-istess effetti bħal dawk ta’ tsunami u ta’ terremoti, fis-sens li jwaqqfu għalkollox il-funzjonament normali tat-tagħmir ta’ sikurezza u tkessiħ.

Dawn it-testijiet ta’ reżistenza nukleari kienu magħmula minn tliet fażijiet. Fl-ewwel fażi, l-operaturi tal-impjanti tal-enerġija nukleari wettqu awtovalutazzjoni; fit-tieni fażi r-regolaturi nazzjonali evalwaw dawn l-awtovalutazzjonijiet u ħejjew ir-rapporti tal-pajjiżi. Fit-tielet fażi, dawn ir-rapporti ġew analizzati minn gruppi multinazzjonali fi proċess ta’ evalwazzjoni bejn il-pari, organizzat mill-ENSREG. Barra minn hekk, il-gruppi li wettqu l-evalwazzjoni bejn il-pari żaru s-siti tal-impjanti tal-enerġija nukleari. Fit-testijiet ta’ reżistenza nukleari pparteċipaw b’mod sħiħ 17-il pajjiż (l-14-il pajjiż kollha tal-UE b'impjanti tal-enerġija nukleari li qed jaħdmu, il-Litwanja b’impjant li qed jiġi ddekummissjonat, kif ukoll l-Ukraina u l-Isvizzera).

http://ec.europa.eu/energy/nuclear/safety/stress_tests_en.htm

MEMO/12/731

Kuntatti :

Nicole Bockstaller (+32 2 295 25 89)

Marlene Holzner (+32 2 296 01 96)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site