Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, it-3 ta' Ottubru 2012

In-Nanomaterjali Approċċ għas-sikurezza każ b’każ għal teknoloġija rivoluzzjonarja

In-nanoteknoloġija qiegħda ġġib avvanzi kbar illum il-ġurnata u għandha wkoll il-potenzjal li tippermetti bidliet ta' atteġġament totali li jwasslu għal skoperti teknoloġiċi u jqajmu mill-ġdid it-tkabbir ekonomiku. B’għarfien ta’ dan il-fatt, il-Kummissjoni Ewropea llum adottat Komunikazzjoni dwar it-Tieni Reviżjoni Regolatorja dwar in-Nanomaterjali li tinkludi wkoll il-pjanijiet tal-Kummissjoni biex ittejjeb il-liġi tal-UE biex tiżgura l-użu mingħajr periklu tan-nanomaterjali.

Il-Komunikazzjoni tenfasizza l-karattri u t-tipi diversi tan-nanomaterjali, li jvarjaw minn materjali ta' kuljum li ilhom jintużaw b'mod sikur għal deċenni ta' snin, (pereżempju, f'tajers jew bħala antikoagulanti fl-ikel) sa materjali industrijali sofistikati ħafna, u terapiji għat-tumuri. Hemm ġabra dejjem tiżdied ta' informazzjoni dwar il-proprjetajiet perikolużi tan-nanomaterjali, li huma diffiċli biex tiġġeneralizza dwarhom u jiġġustifikaw valutazzjonijiet tar-riskju speċifiċi.

Għalhekk, flok ma wieħed jiġġeneralizza dwar in-nanomaterjali, għandu jittieħed approċċ każ b'każ għall-valutazzjoni tar-riskju, billi jintużaw strateġiji bbażati fuq indikazzjonijiet tar-riskji potenzjali, jew f' termini tal-esponiment jew tal-periklu. Il-Komunikazzjoni tal-lum ġiet ippreżentata mill-Kummissarji Ewropej Antonio Tajani, Janez Potočnik, John Dalli, u Máire Geoghegan-Quinn.

In-nanomaterjali jeħtieġ jiġu vvalutati

Fid-dawl tal-għarfien attwali u l-opinjonijiet tal-Kumitati Xjentifiċi u Konsultattivi tal-UE u l-assessuri indipendenti tar-riskji, in-nanomaterjali jixbhu sustanzi/kimiċi normali fis-sens li xi wħud jistgħu jkunu tossiċi u xi oħrajn le. Ir-riskji possibbli huma marbuta ma’ nanomaterjali speċifiċi u ma’ użi speċifiċi. Għalhekk, in-nanomaterjali jeħtieġu valutazzjoni tar-riskju, li għandha titwettaq fuq il-bażi ta' każ b'każ, bl-użu ta' informazzjoni pertinenti. Jistgħu jiġu applikati l-metodi tal-valutazzjoni tar-riskju li hemm bħalissa, iżda għad hemm bżonn ta’ ħidma fuq aspetti partikolari tal-valutazzjoni tar-riskju.

L-isfidi ewlenin huma marbuta primarjament mal-istabbiliment ta’ metodi vvalidati u mal-istrumenti għall-iskoperta, il-karatterizzazzjoni, l-analiżi, it-tkomplija tat-tagħrif dwar il-perikli li jġibu magħhom in-nanomaterjali u l-iżvilupp ta’ metodi għall-valutazzjoni tal-esponiment għan-nanomaterjali.

Fejn ikun lokha, fil-leġiżlazzjoni tal-UE se tiġi integrata d-definizzjoni tan-nanomaterjali li saret dan l-aħħar Il-Kummissjoni bħalissa qed taħdem fuq il-metodi ta’ skoperta, kejl u monitoraġġ tan-nanomaterjali u l-validazzjoni tagħhom sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni tajba tad-definizzjoni.

Ir-REACH hija l-aħjar qafas għall-ġestjoni tan-nanomaterjali

B’mod ġenerali, il-Kummissjoni tibqa' konvinta li r-REACH tistabbilixxi l-aħjar qafas possibbli għall-ġestjoni tar-riskji tan-nanomaterjali meta dawn ikunu f’forma ta’ sustanzi jew taħlitiet, iżda jidher li hemm bżonn ta’ rekwiżiti aktar speċifiċi għan-nanomaterjali fi ħdan il-qafas. Il-Kummissjoni tipprevedi l-modifiki fi wħud mill-Annessi tar-REACH u tħeġġeġ l-ECHA biex tkompli tiżviluppa l-gwida għar-reġistrazzjonijiet li jsiru wara l-2013.

Il-passi li jmiss

Biex tittejjeb id-disponibbiltà tal-informazzjoni dwar in-nanomaterjali, il-Kummissjoni se toħloq pjattaforma fuq l-internet b’referenzi għas-sorsi rilevanti kollha tal-informazzjoni, inklużi r-reġistri fuq skala nazzjonali jew fil-livell settorjali, fejn dawn jeżistu. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni se tniedi valutazzjoni tal-impatt biex tidentifika u tiżviluppa l-aktar mezzi xierqa biex iżżid it-trasparenza u biex tiżgura sorveljanza regolatorja, kif ukoll analiżi fil-fond tal-ħtiġijiet tal-ġbir tad-dejta għal dan il-għan. Din l-analiżi se tinkludi dawk in-nanomaterjali li bħalissa ma jagħmlux mal-iskemi eżistenti ta’ notifika, ta' reġistrazzjoni jew ta’ awtorizzazzjoni.

Il-kuntest

In-nanomaterjali huma materjali li ħafna drabi jkollhom proprjetajiet speċifiċi minħabba l-partikoli żgħar tagħhom. Is-suq dinji għan-nanomaterjali huwa stmat fl-ammont ta’ 11-il miljun tunnellata b'valur fis-suq ta' €20 biljun. L-impjieg dirett attwali fis-settur tan-nanomaterjali huwa stmat bejn 300,000 sa 400,000 fl-Ewropa. Għadu iddominat minn materjali li ilhom jintużaw għal deċenni ta' snin, bħall-iswed tal-karbonju (prinċipalment użat fit-tajers) jew silika sintetiċi amorfi (użati f’varjetà wiesgħa ta’ applikazzjonijiet inklużi t-tajers, bħala filler magħmul mill-polimeri iżda użat ukoll fit-toothpaste jew bħala antikoagulant fl-ikel tat-trab).

F’dawn l-aħħar snin ġew żviluppati ħafna applikazzjonijiet ġodda b'rabta man-nanomateriali. Dawn jinkludu għadd ta' prodotti tal-konsumatur bħall-filtri tal-UV fil-kremi ta' protezzjoni kontra x-xemx u t-tessuti li ma jeħlux l-irwejjaħ magħhom. Madankollu, jeżistu wkoll ħafna applikazzjonijiet mediċi u tekniċi bħat-terapiji għat-tumuri, il-batteriji tal-lithium-ion li jistgħu jmexxu l-karozzi tal-elettriku, jew il-panewijiet solari. Dawk l-applikazzjonijiet għandhom il-potenzjal li joħolqu żviluppi teknoloġiċi ewlenin, u għalhekk in-nanomaterjali ġew identifikati bħala teknoloġija abilitanti essenzjali. Il-prodotti msejsa fuq in-nanoteknoloġija huma mistennija jikbru minn volum ta' EUR 200 biljun fl-2009 għal EUR 2 triljuni sal-2015.

Il-benefiċċji tan-nanomaterjali jvarjaw minn applikazzjonijiet fil-mediċina li jsalvaw il-ħajja u ġeneraturi tal-innovazzjoni sa titjib sempliċi ta' prodotti għall-konsumaturi. Bl-istess mod, il-proprjetajiet ta' periklu u ta' esponiment għall-ħaddiema, għall-konsumaturi u għall-ambjent ivarjaw ħafna, minn ebda tħassib affattu sa riskji potenzjali li jeħtieġ li jiġu indirizzati. L-Unjoni Ewropea għandha l-għodda biex tindirizza dawn b 'mod iffokat.

Għal aktar tagħrif

Il-Komunikazzjoni dwar it-Tieni Reviżjoni Regolatorja dwar in-Nanomaterjali u d-dokument ta’ ħidma tal-persunal:

http://ec.europa.eu/nanotechnology/index_en.html

Aktar informazzjoni dwar ir-reviżjoni tan-nanomaterjali

MEMO/12/732

Kuntatti :

Carlo Corazza (+32 2 295 17 52)

Sara Tironi (+32 2 299 04 03)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website