Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

It-Titjib tas-Sikurezza fl-Ikel: L-UE tadotta lista ta' sustanzi approvati li jħawru l-ikel

Commission Européenne - IP/12/1045   01/10/2012

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, 1 ta' Ottubru 2012

It-Titjib tas-Sikurezza fl-Ikel: L-UE tadotta lista ta' sustanzi approvati li jħawru l-ikel

Is-sustanzi li jħawru l-ikel se jsiru iżjed siguri u trasparenti bis-saħħa ta' żewġ liġijiet li ġew adottati llum mill-Kummissjoni Ewropea. Dawk is-sustanzi li qegħdin fil-lista ta' ħwawar approvati biss se jkunu jistgħu jintużaw fl-industrija tal-ikel.

Is-sustanzi għat-tħawwir tal-ikel li jintużaw biex ibiddlu t-togħma u/jew ir-rieħa tal-ikel għandhom storja twila ta' użu sigur f'varjetà kbira ta' ikel, bħalma huma x-xarbiet mhux alkoħoliċi, il-ħelu, iċ-ċereali, il-kejkijiet u l-jogurt, u issa ġew evalwati fil-livell tal-UE.

"Bis-saħħa tal-isforzi għaddejjin tal-Awtorità Ewropea għas-Sikurezza fl-Ikel (EFSA) u korpi xjentifiċi oħra, din il-leġiżlazzjoni dwar is-sustanzi li jħawru l-ikel sejra ttejjeb ħafna t-trasparenza tal-informazzjoni kemm għaċ-ċittadini kif ukoll għall-industrija tal-ikel. Se jkun iżjed faċli għal kulħadd li jkun jaf eżatt liema sustanzi li jħawru jistgħu jintużaw fl-ikel." qal John Dalli, il-Kummissarju għas-Saħħa u l-Politika tal-Konsumatur.

Dawn iż-żewġ liġijiet se jikkjarifikaw u jarmonizzaw l-użu tal-ħwawar fis-suq waħdieni:

  • L-ewwel Regolament1 jipprevedi lista ġdida ta' sustanzi li jħawru li jistgħu jintużaw fl-ikel, li se tintuża madwar l-UE u tibda tapplika mit-22 ta' April 2013, u b’hekk jingħata biżżejjed żmien lill-industrija tal-ikel fl-UE biex taddatta ruħha għar-regoli l-ġodda. Dawk il-ħwawar kollha li mhumiex fil-lista se jkunu pprojbiti wara perjodu ta' eliminazzjoni gradwali ta' 18-il xahar.

  • It-tieni Regolament2 jikkonċerna l-miżuri tranżitorji għal ħwawar oħra, bħall-ħwawar magħmulin minn sorsi li mhumiex tal-ikel u se jibda japplika mit-22 ta' Ottubru 2012.

Il-lista l-ġdida tinkludi aktar minn 2,100 sustanza tat-tħawwir awtorizzata. 400 oħra se jibqgħu fis-suq sakemm l-EFSA tikkonkludi l-evalwazzjoni tagħha. Dawn ilhom jintużaw u diġà ġie vvalutat li mhumiex ta' periklu minn korpi xjentifiċi oħra.

Aktar Trasparenza

It-trasparenza u ċ-ċarezza tal-informazzjoni hija wieħed mill-benefiċċji ewlenin tar-regoli l-ġodda. L-użi awtorizzati tas-sustanzi tat-tħawwir se jiġu elenkati skont il-kategorija tal-ikel li miegħu jistgħu jinżiedu. It-trasparenza se tiżdied minħabba li l-lista se tkun disponibbli wkoll f'bażi tad-dejta onlajn li tippermetti lill-konsumaturi, lin-negozji tal-ikel u lill-awtoritajiet nazzjonali tal-kontroll tal-ikel li jidentifikaw malajr liema huma s-sustanzi ta' tħawwir li huma awtorizzati biex jintużaw fl-ikel.

Il-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni tas-sustanzi tat-tħawwir

Addittiv tal-ikel jista’ jiġi awtorizzat biss jekk l-użu tiegħu jissodisfa l-kundizzjonijiet li ġejjin:

  • fuq il-bażi tal-evidenza xjentifika disponibbli, dan ma jkunx ta’ riskju għas-saħħa tal-konsumatur fil-livell tal-użu propost;

  • l-użu tiegħu ma jiżgwidax lill-konsumatur.

Fl-awtorizzazzjoni tal-ħwawar tal-ikel, jistgħu jiġu kkunsidrati wkoll fatturi oħra. Fost oħrajn, dawn jistgħu jinkludu fatturi etiċi, tradizzjonali jew ambjentali.

L-Infurzar

L-awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar għandhom il-kompitu li jiżguraw li jiġi rtirat mis-suq kull ikel li jkun fih xi sustanza tat-tħawwir mhux awtorizzata. Dawn iridu wkoll jinfurmaw lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri l-oħra dwar is-sustanza kkonċernata permezz tas-Sistema ta' Twissija Rapida dwar l-ikel u l-għalf (Rapid Alert System for food and feed - RASFF)

Il-Kuntest

Il-lista pożittiva ta' sustanzi tat-tħawwir approvati hija pass importanti fl-implimentazzjoni tar-Regolament ta' qafas3 dwar is-sustanzi ta' tħawwir adottat f'Diċembru tal-2008. Dan jeħtieġ li l-użu tas-sustanzi ta' tħawwir ikun mingħajr periklu u ma jiżgwidax lill-konsumaturi.

Għal aktar tagħrif:
http://ec.europa.eu/food/food/fAEF/index_en.htm

Il-bażi tad-dejta li tinkludi l-lista:
https://webgate.ec.europa.eu/sanco_foods/?sector=FFL

MEMO/12/723

Kuntatti:

Frédéric Vincent (+32 2 298 71 66)

Aikaterini Apostola (+32 2 298 76 24)

1 :

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 872/2012 li jadotta l-lista ta’ sustanzi tat-tħawwir stipulati bir-Regolament (KE) Nru 2232/96 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li jintroduċiha fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1334/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1565/2000 u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/217/KE

2 :

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 873/2012 dwar miżuri tranżitorji li jikkonċernaw il-lista ta' ħwawar u materjali ta' sors stabbilita fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1334/2008

3 :

Ir-Regolament (KE) Nru 1334/2008 dwar aromatizzanti u ċerti ingredjenti tal-ikel bi proprjetajiet aromatizzanti għall-użu fl-ikel u fuq l-ikel


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site