Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, it-28 ta' Settembru 2012

Impjieg: Ir-Reviżjoni trimestrali tiżvela diverġenza persistenti soċjali u fis-suq tax-xogħol bejn l-Istati Membri

Brussell, it-28 ta’ Settembru 2012: L-impjiegi u s-sitwazzjoni soċjali fl-UE baqgħu gravi ħafna fit-tieni trimestru tal-2012 bil-qgħad jiżdied b’mod ġenerali iżda wkoll juri differenzi sinifikanti bejn l-Istati Membri, bil-qagħda finanzjarja domestika li sejra għall-agħar u l-faqar fost it-tfal jiżdied. L-UE ilha f’riċessjoni jew fuq l-għatba ta' dan sa mill-aħħar tal-2011 u b’mod ġenerali kulħadd qed iħoss li l-ekonomija qiegħda fl-iktar livell baxx f’dawn l-aħħar tliet snin. F 'dan il-kuntest, il-prospetti ta’ impjieg għadhom ħżiena meta mqabbla mas-snin ta’ qabel il-kriżi. Il-Greċja u l-Awstrija rreġistraw l-ogħla numru ta’ sigħat maħduma mill-impjegati full-time fl-ewwel trimestru tal-2012, filwaqt li l-Finlandja, l-Italja u l-Irlanda rreġistrataw l-aktar numru baxx. Dawn jinsabu fost is-sejbiet ewlenin tal-aħħar Reviżjoni Trimestrali dwar l-Impjiegi u l-Qagħda Soċjali.

"L-impjiegi u l-qagħda soċjali fl-Istati Membri qed jitbiegħdu minn xulxin aktar minn qatt qabel. Huwa għalhekk li l-Istati Membri għandhom jimplimentaw b’mod urġenti r-Rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2012 (2012 country-specific recommendations) adottati f'Lulju li għadda u għandhom iqiegħdu fis-seħħ il-miżuri deskritti fil-Pakkett dwar l-Impjiegi (Employment Package) tal-Kummissjoni,” qal il-Kummissarju Ewropew għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni, László Andor. "It-tnaqqis kostanti tal-introjtu disponibbli tal-familji u l-faqar fost it-tfal jirriflettu l-eżistenza ta' 'kriżi ta’ emerġenza soċjali reali' kif semma l-President Barroso fil-Konferenza dwar l-Impjiegi għall-Ewropa (Jobs for Europe conference) u jenfasizzaw il-ħtieġa li jissaħħaħ l-investiment soċjali madwar l-Ewropa. Il-Kummissjoni dan se tindirizzah fil-Pakkett għall-Investiment Soċjali li jmiss."

Speċjalment inkwetanti huwa l-fatt li l-qgħad qed jiżdied u laħaq il-25.3 miljuni, livell storikament għoli, 2.6 miljuni (+ 11.6%) aktar meta mqabbel ma’ Marzu 2011. B’10.4% fil-livell tal-UE, ir-rata tal-qgħad telgħet fi 17-il Stat Membru u d-diverġenzi għal darb'oħra kibru bejn il-pajjiżi tal-UE bi prestazzjoni ogħla, min-naħa l-waħda, u l-pajjiżi “periferiċi” min-naħa l-oħra. Issa hemm rekord storiku ta’ distakk ta’ 20.6 punti perċentwali bejn ir-rati tal-qgħad l-iktar baxxi tal-UE (l-Awstrija, b’4.5%) u l-ogħla (Spanja, b’25.1%). L-għadd ta’ dawk li huma qiegħda fit-tul żdied fi 15-il Stat Membru mis-sena l-oħra u laħaq 10.7 miljuni. Dawk li ilhom qiegħda għal żmien twil issa jammontaw għal 4.5% tal-popolazzjoni attiva (+ 0.4 punti perċentwali tul is-sena).

Prospetti ta’ diqa ta’ qalb għaż-żgħażagħ

Il-qgħad fost iż-żgħażagħ jinsab f’livell drammatiku - 22.5% fl-UE f’Lulju – għalkemm ma żdiedx aktar fit-tieni trimestru. Tnax-il Stat Membru rreġistraw rati ogħla mil-livell ta’ 25%, u tlieta biss jinsabu taħt l-10%: l-Awstrija, il-Ġermanja u l-Pajjiżi l-Baxxi.

Il-prospetti negattivi għaż-żgħażagħ jirriflettu riskji dejjem jiżdiedu ta’ qgħad fit-tul u inattività dejjiema, kif jidher fiż-żieda fl-għadd ta’ żgħażagħ li la qiegħdin fl-impjieg u lanqas fl-edukazzjoni u t-taħriġ (NEET). Il-Kummissjoni qed tindirizza b’mod attiv il-qgħad fost iż-żgħażagħ u aktar tard din is-sena se toħroġ żewġ inizjattivi, proposta għal Garanziji għaż-Żgħażagħ biex iż-żgħażagħ jiksbu jew xogħol jew ikomplu l-edukazzjoni jew isegwu kors ta’ taħriġ fi żmien erba’ xhur minn meta jitilqu mill-iskola, u proposta għal Qafas ta' Kwalità għall-Apprendistati.

Iċ-ċifri ġodda disponibbli fid-dettall għall-2011 jitfgħu aktar dawl fuq l-istampa usa’ tas-suq tax-xogħol. Barra minn dawk qiegħda, hemm xi 8.6 miljun ħaddiem part-time b’xogħol mhux adegwat għalihom - fil-biċċa l-kbira nisa - u 10.9 miljuni oħra f’żona griża bejn l-inattività u l-qgħad, bħal dawk li jkunu qatgħu qalbhom ifittxu x-xogħol.

Jonqos id-dħul tal-familji

Id-dħul disponibbli domestiku gross naqas fi tnejn minn tliet pajjiżi tal-UE bejn l-2009 u l-2011, bl-akbar tnaqqis irreġistrat fil-Greċja (15.7%), l-Irlanda (9%) u l-Litwanja, Spanja, Ċipru u l-Ungerija (kollha aktar minn 4%). Din l-evoluzzjoni hija f’kuntrast qawwi mal-qagħda osservata fil-pajjiżi tan-Nord, il-Ġermanja, il-Belġju, is-Slovakkja u Franza fejn is-sistemi assistenzjali u swieq tax-xogħol aktar flessibbli ppermettew li d-dħul ikompli jiżdied b’mod globali matul il-kriżi. Madankollu, il-kriżi affettwat proporzjonijiet sinifikanti tal-popolazzjoni u kkawżat żieda fil-faqar anki f’dawn il-pajjiżi. Kif wieħed jista’ jobsor, il-proporzjon tal-popolazzjoni tal-UE li għaddejja minn diffikultajiet finanzjarji jibqa’ storikament għoli. Iċ-ċittadini tal-pajjiżi milquta mill-ogħla tnaqqis fid-dħul x’aktarx li wkoll b’mod ġenerali ikollhom perċezzjonijiet negattivi tas-sitwazzjoni soċjali tagħhom, bħalma juri l-Ewrobarometru 2012 dwar il-Klima Soċjali.

Il-faqar fost it-tfal

Il-faqar fost it-tfal qed isir kwistjoni għal għadd dejjem akbar ta’ unitajiet domestiċi minħabba dħul baxx mill-impjieg tal-ġenituri u appoġġ inadegwat għall-familji bit-tfal. Il-perċentwali tat-tfal f’riskju tal-faqar (wara t-trasferimenti soċjali) tvarja minn madwar 10% fid-Danimarka u l-Finlandja għal ‘il fuq minn 20% fi Spanja, il-Greċja, il-Bulgarija, il-Portugall, l-Italja, ir-Rumanija, il-Latvja, il-Polonja, il-Litwanja u l-Lussemburgu. Id-daqs u l-effikaċja tal-benefiċċji għat-tfal ivarjaw konsiderevolment madwar l-UE. It-trobbija tat-tfal mingħajr xkiel finanzjarju hija fattur importanti ħafna biex il-ġenituri, u speċjalment l-ommijiet, ikunu jistgħu jaħdmu.

Diverġenzi fit-tkabbir

Fost l-akbar Stati Membri, l-ekonomija kompliet tikber fil-Ġermanja, Franza u l-Polonja, filwaqt li l-Italja u r-Renju Unit raw tnaqqis ulterjuri. Fit-tieni trimestru tal-2012, Spanja u l-Portugall irreġistraw telf qawwi fl-attività ekonomika u l-impjiegi.

Aktar informazzjoni

MEMO/12/720

Reviżjoni Trimestrali dwar l-Impjieg u l-Qagħda Soċjali:

http://ec.europa.eu/social/BlobServlet?docId=8885&langId=en

Employment and Social Analysis web page

Il-websajt ta' László Andor: http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/andor/

Segwi lil László Andor fuq Twitter: http://twitter.com/#!/LaszloAndorEU

Fuljett ta’ informazzjoni bla ħlas bil-posta elettronika:

http://ec.europa.eu/social/e-newsletter

Kuntatti:

Jonathan Todd (+32 2 299 41 07)

Nadège Defrère (+32 2 296 45 44)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site