Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, it-28 ta' Settembru 2012

L-ażil u l-migrazzjoni: L-UE għandha tagħmel aktar biex tipproteġi tfal mhux akkumpanjati

Kull sena, eluf ta' minorenni mhux akkumpanjati minn pajjiżi terzi jivvjaġġaw lejn l-Ewropa biex ifittxu ħajja ġdida. Il-maġġoranza jkunu ħarbu minn gwerer, kunflitti jew kundizzjonijiet tal-għajxien diffiċli oħra u xi wħud saħansitra tilfu membri tal-familja matul il-proċess.

Illum f'rapport dwar is-sitwazzjoni tal-minuri mhux akkumpanjati fl-UE, il-Kummissjoni tappella sabiex ikun hemm sforzi mtejjba kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll Ewropew biex ikun hemm rispons effettiv u fir-rispett sħiħ tad-drittijiet tat-tfal għal din l-isfida transnazzjonali kumplessa.

Il-wasla ta' minorenni mhux akkumpanjati minn pajjiżi terzi mhuwiex fenomenu temporanju, iżda hija karatteristika fit-tul tal-flussi migratorji lejn l-UE. Fl-2011, kien hemm 12,225 applikazzjoni għall-ażil minn minorenni mhux akkumpanjati fl-UE27, numru komparabbli mas-snin preċedenti u li x’aktarx ma jinbidilx f’dawk li ġejjin. Numru ħafna ikbar ta' tfal mhux akkumpanjati qed jidħlu fl-Ewropa permezz ta’ rotot tal-migrazzjoni irregolari, skont ma jissuġġerixxu l-istimi pprovduti minn xi Stati Membri. L-Italja pprovdiet dejta, li indikat li kien hemm 5,959 minorenni mhux akkumpanjati fit-territorju Taljan fil-31 ta' Diċembru 2011; Franza pprovdiet stima ta' 6,000 minorenni mhux akkumpanjati (MMA) fit-territorju tagħha; Fi Spanja, iċ-ċifra aggregata ta' MMA għall-perjodu 2008-2011 kienet aktar minn 5,500; Il-Belġju jqis li n-numru ta' MMA huwa 4,000.

"Il-minorenni li jaslu waħedhom fil-fruntieri tagħna huma fost il-vittmi l-iktar esposti u vulnerabbli fis-soċjetajiet tagħna. Għalkemm huwa inkoraġġanti li l-politiki tal-UE għenu biex jitjiebu l-kundizzjonijiet u l-protezzjoni tat-tfal, għad hemm aktar sfidi quddiemna. Jeħtieġ li ntejbu l-proċeduri tagħna biex niżguraw li dawn it-tfal jingħataw akkoljenza dinjituża fil-fruntieri tal-Ewropa. Dan jinkludi kooperazzjoni u qsim ta' informazzjoni aħjar bejn il-pajjiżi tal-UE," qalet Cecilia Malmström, il-Kummissarju għall-Affarijiet Interni.

Sabiex tiżdied il-protezzjoni ta' minorenni mhux akkumpanjati li jidħlu fl-UE u abbażi tar-rispett għad-drittijiet tat-tfal, fl-2010 l-Kummissjoni adottat Pjan ta' Azzjoni li għen sabiex l-attenzjoni tiġi ffukata fuq il-kwistjoni ta' minorenni mhux akkumpanjati li jaslu fl-Ewropa: kull deċiżjoni li taffettwa l-ġejjieni tal-minorenni għandha tittieħed fl-aħjar interessi tat-tfal, indipendentement mill-istatus ta’ migrazzjoni tiegħu.

Il-Kummissjoni llum adottat rapport ta' nofs it-terminu dwar l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar minorenni mhux akkumpanjati (2010-2014) – IP/10/534. Ir-rapport jagħti rendikont tal-progress li sar u jidentifika l-oqsma li jeħtieġu iktar attenzjoni u azzjoni mmirata matul is-sentejn li ġejjin.

Matul l-aħħar sentejn il-Pjan ta’Azzjoni kellu impatt pożittiv:

  • Ir-rikonoxximent espliċitu tal-aħjar interessi tat-tfal bħala l-prinċipju ta’ gwida kkontribwixxa għal żieda fil-protezzjoni fl-istrumenti leġiżlattivi ġodda tal-UE (fil-qasam tal-ażil, l-immigrazzjoni u t-traffikar tal-bnedmin).

  • L-approċċ komuni tal-UE żgura li ngħatat prominenza akbar għall-miżuri ta' finanzjament għal dan il-grupp partikolarment vulnerabbli ta' migranti.

  • Dan iffaċilita diskussjonijiet fost istituzzjonijiet, awtoritajiet nazzjonali, organizzazzjonijiet intergovernattivi u mhux governattivi u ppermetta skambju msaħħaħ ta' għarfien u prattiċi, pereżempju dwar it-tutela u l-kalkolu tal-età.

Iżda huma meħtieġa sforzi ulterjuri:

  • Sforzi addizzjonali fil-ġbir u l-iskambju ta’ dejta kwantitattiva u kwalitattiva huma meħtieġa, dwar pereżempju n-numri tal-minuri li jisparixxu minn faċilitajiet ta' kura jew in-numri ta’ minorenni mhux akkumpanjati li jiġu rritornati. Jeħtieġ li tkompli titjieb il-komparabilità tad-dejta miġbura madwar l-UE.

  • L-impenn kontinwu u l-iskambji, mill-UE u mill-Istati Membri, mal-pajjiżi tal-oriġini u tat-tranżitu huma essenzjali: biex jaqsmu l-esperjenzi u l-prassi tajba, biex jinftehmu aħjar il-ħtiġijiet ta' dawn il-pajjiżi u biex jinstabu soluzzjonijiet konkreti fir-rigward tal-prevenzjoni, ir-rintraċċar tal-familja u ritorn sikur ta' minorenni mhux akkumpanjati.

  • Il-Kummissjoni se tkompli tagħti prijorità lill-finanzjament għal proġetti. L-Istati Membri, l-organizzazzjonijiet internazzjonali u dawk mhux governattivi huma mħeġġa jużaw ir-riżorsi finanzjarji disponibbli sal-ogħla potenzjal possibbli tagħhom.

  • L-UE hija impenjata li sal-aħħar tal-2012 ikollha fis-seħħ sistema komuni tal-UE għall-ażil. Il-Kummissjoni pproponiet standards ogħla ta' ħarsien għal tfal mhux akkumpanjati u tittama li l-Parlament u l-Kunsill isibu bażi komuni.

Ħoloq Siewja

MEMO/12/716

Rapport ta’ nofs it-terminu dwar l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni

Dokument ta' Ħidma tas-Servizzi tal-Kummissjoni

L-Op-ed ta' Cecilia Malmström dwar minorenni mhux akkumpanjati

Il-websajt ta' Cecilia Malmström

Segwi lill-Kummissarju Malmström fuq Twitter

Il-websajt tad-DĠ għall-Affarijiet Interni

Segwi d-DĠ għall-Affarijiet Interni fuq Twitter

Il-Portal tal-UE dwar l-Immigrazzjoni

Kuntatti:

Michele Cercone (+32 2 298 09 63)

Tove Ernst (+32 2 298 67 64)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website