Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Filwaqt li l-kompetizzjoni globali ssir iżjed b'saħħitha, l-intrapriżi għandhom jagħtu spinta lill-innovazzjoni

Brussell, is-7 ta' Frar 2012. Kważi l-Istati Membri kollha tejbu l-prestazzjoni tagħhom fl-innovazzjoni skont it-Tabella tal-Prestazzjoni tal-Unjoni għall-Innovazzjoni tal-2011. Madanakollu, it-tkabbir tal-prestazzjoni fl-innovazzjoni qed jonqos u l-UE mhix qed tneħħi d-distakk persistenti mal-mexxejja tal-innovazzjoni globali: l-Istati Uniti, il-Ġappun u l-Korea t'Isfel. L-ikbar distakk għall-UE27 jibqa' fejn tidħol l-innovazzjoni tas-settur privat. L-UE xorta għad għandha vantaġġ ċar fuq l-ekonomiji emerġenti taċ-Ċina, il-Brażil, l-Indja, ir-Russja u l-Afrika t'Isfel. Madanakollu, iċ-Ċina qed ittejjeb il-prestazzjoni tagħha fl-innovazzjoni u qed tirkupra b'mod progressiv. Fi ħdan l-UE, l-Isvezja tikkonferma l-pożizzjoni tagħha fuq nett tal-klassifika ġenerali, segwita mill-qrib mid-Danimarka, il-Ġermanja u l-Finlandja (ara l-klassika sħiħa hawn isfel). L-attivitajiet tal-innovazzjoni tal-impriżi jidhru li huma fattur importanti sabiex jinkisbu l-ogħla pożizzjonijiet fuq livell ta' UE u internazzjonali.

Il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Antonio Tajani, il-Kummissarju għall-Industrija u l-Intraprenditorija, qal: "Ir-riżultati ta' din is-sena huma twissija ċara li hemm bżonn iżjed sforzi sabiex tiġi xprunata l-innovazzjoni. Jekk irridu nneħħu d-distakk mal-imsieħba ekonomiċi ewlenin tagħna u negħlbu l-kriżi attwali, l-innovazzjoni jixirqilha l-attenzjoni tagħna. B'mod partikolari, jien inserraħ fuq l-intrapriżi peress li dawn urew li huma t-triq tas-suċċess fl-innovazzjoni. Iżda xi negozji ta' suċċess li għadhom kemm bdew fi bnadi oħra tad-dinja wrew li fl-Ewropa baqa' ħafna x'wieħed jitgħallem.

Neħtieġu sistemi nazzjonali bbilanċjati ta' riċerka u innovazzjoni li lin-negozji joħolqulhom ambjent li jħares l-innovazzjoni. It-Tabella tal-Prestazzjoni tidentifika wkoll distakk mal-Istati Uniti fejn tidħol ir-riċerka tal-quċċata. Neħtieġu Żona Ewropea ta' Riċerka mill-aktar fis li toħloq kompetizzjoni friska, iżjed eċċellenza, u tattira u żżomm l-aqwa talent globali", qalet Máire Geoghegan-Quinn, il-Kummissarju għar-Riċerka, l-Innovazzjoni u x-Xjenza.

Ir-rapport sħiħ jinstab fi:

http://ec.europa.eu/enterprise/policies/innovation/facts-figures-analysis//innovation-scoreboard/index_en.htm

u

http://www.proinno-europe.eu/metrics

Għal taqsiriet individwali tal-prestazzjoni fl-innovazzjoni tas-27 Stat Membru kollha u ta' pajjiżi oħra Ewropej, ara MEMO/12/74.

Min huma l-mexxejja tal-innovazzjoni fl-Ewropa?

Fl-2011 it-Tabella tal-Prestazzjoni tal-Unjoni għall-Innovazzjoni tqiegħed lill-Istati Membri f'dawn l-erba' gruppi ta' pajjiżi li ġejjin:

  • Mexxejja tal-innovazzjoni: l-Isvezja, id-Danimarka, il-Ġermanja u l-Finlandja.

  • Segwaċi tal-innovazzjoni: il-prestazzjoni tal-Belġju, ir-Renju Unit, il-Pajjiżi l-Baxxi, l-Awstrija, il-Lussemburgu, l-Irlanda, Franza, is-Slovenja, Ċipru u l-Estonja toqrob lejn dik tal-medja tal-UE27.

  • Innovaturi moderati: il-prestazzjoni tal-Italja, il-Portugall, ir-Repubblika Ċeka, Spanja, l-Ungerija, il-Greċja, Malta, is-Slovakkja u l-Polonja hija inqas minn dik tal-medja tal-UE27.

  • Innovaturi modesti: il-prestazzjoni tar-Rumanija, il-Litwanja, il-Bulgarija, u l-Latvja hija ferm inqas minn dik tal-medja tal-UE27.

Figura 1: il-prestazzjoni fl-innovazzjoni tal-Istati Membri tal-UE

Figures and graphics available in PDF and WORD PROCESSED

Nota: Il-prestazzjoni medja titkejjel permezz ta' indikatur kompost li jqis id-dejta għal 24 indikatur li jvarjaw mill-iktar prestazzjoni baxxa possibbli ta' 0 sal-ogħla prestazzjoni possibbli ta' 1. Il-prestazzjoni medja fl-2011 tirrifletti l-prestazzjoni fl-2009/2010 minħabba nuqqas ta' disponibbiltà tad-dejta.

Kif il-mexxejja tal-innovazzjoni jkunu ta' suċċess

Il-pajjiżi li qegħdin fuq nett tal-klassika għall-indikatur kompost tal-innovazzjoni għandhom għadd ta' qawwiet komuni bejniethom fis-sistemi nazzjonali tagħhom ta' riċerka u innovazzjoni bi rwol ewlieni tal-attività kummerċjali u l-kollaborazzjoni pubblika-privata. Filwaqt li ma jeżistix mod wieħed biss kif tintlaħaq l-ogħla prestazzjoni fl-innovazzjoni, huwa ċar li l-prestazzjoni tal-mexxejja kollha tal-innovazzjoni, il-Finlandja, l-Isvezja, id-Danimarka u l-Ġermanja, hija tajba ħafna fl-infiq tar-Riċerka u l-Iżvilupp, inkluż dak tal-impriżi. Ħafna mill-mexxejja tal-innovazzjoni għandhom prestazzjoni tajba wkoll f'indikaturi oħra tal-innovazzjoni li huma relatati mal-attivitajiet tal-impriżi. L-Isvezja, il-pajjiż tal-UE bl-aħjar prestazzjoni, tiddomina fi tlieta mit-tmien dimensjonijiet tal-innovazzjoni: ir-riżorsi umani, il-finanzi u l-appoġġ, u l-investimenti tal-impriżi; filwaqt li l-Ġermanja u d-Danimarka għandhom l-aqwa prestazzjoni f'żewġ dimensjonijiet tal-innovazzjoni kull wieħed (il-kollaborazzjonijiet u l-intraprenditorija, u l-assi intellettwali kontra l-innovaturi u l-effetti ekonomiċi). L-ogħla innovaturi Ewropej qiegħdin ukoll fl-ogħla pożizzjonijiet fil-kummerċjalizzazzjoni tal-għarfien teknoloġiku tagħhom.

L-UE meta mqabbla mal-bqija tad-dinja

Bħas-sena l-oħra, l-ikbar distakk jidher fil-kategorija tal-"Attivitajiet tal-impriżi" li fiha l-UE27 qiegħda lura fejn jidħlu l-infiq tar-Riċerka u l-Iżvilupp tan-negozju, il-kopubblikazzjonijiet pubbliċi-privati, u, mal-Istati Uniti, fejn jidħlu sistemi ta' riċerka eċċellenti u attraenti. Kundizzjonijiet ġenerali aħjar għall-innovazzjoni mhumiex biżżejjed jekk l-UE ma tistax tattira sehem ferm iktar mill-aqwa riċerkaturi u mill-aqwa talenti żgħażagħ fix-xjenza tad-dinja kollha.

Sfond

Bħalissa t-Tabella tal-Prestazzjoni tal-Unjoni għall-Innovazzjoni tal-2011 tieħu 24 indikatur li huma miġbura fi tliet kategoriji ewlenin u tmien dimensjonijiet:

  • "L-elementi abilitanti", jiġifieri l-elementi fundamentali li jippermettu li sseħħ l-innovazzjoni (ir-riżorsi umani, sistemi ta' riċerka miftuħa, eċċellenti u attraenti, u l-finanzi u l-appoġġ);

  • "L-attivitajiet tal-impriżi" li jiġbru l-isforzi tal-innovazzjoni fl-impriżi Ewropej (l-investimenti tal-impriżi, il-kollaborazzjonijiet u l-intraprenditorija, u l-assi intellettwali); u

  • "Ir-riżultati" li juru kif dan jissarraf f'benefiċċji għall-ekonomija kollha kemm hi (l-innovaturi u l-effetti ekonomiċi, inklużi l-impjiegi).

Għal aktar tagħrif:

Dejta relatata ma' riċerka ta' pajjiż speċifiku
http://ec.europa.eu/research/horizon2020/index_en.cfm?pg=country-profiles

Il-Klassifika tar-Riċerka u l-Iżvilupp: IP/11/1025 u MEMO/11/705

l-Unjoni għall-Innovazzjoni

Ewropa 2020

Kuntatti:

Michael Jennings (+32 2 296 33 88)

Carlo Corazza (+32 2 295 17 52)

Monika Wcislo (+32 2 295 56 04)

Sara Tironi (+32 22 99 04 03)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site