Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Eiropas Komisijas

paziņojums presei

Briselē, 26 septembris 2012

It-Trasport: Orizzonti ġodda għall-avjazzjoni tal-UE

L-avjazzjoni globali qed tinbidel b'mod drammatiku u r-riċessjoni laqtet lill-Ewropa agħar minn ħafna reġjuni oħra. Il-Kummissjoni Ewropea llum ħarġet pakkett ambizzjuż ta’ proposti biex tagħti spinta lill-kompetittività internazzjonali tal-industrija tal-avjazzjoni tal-UE billi tiftaħ negozjati ma’ sħab ewlenin għall-aċċess għal opportunitajiet ġodda tan-negozju fis-swieq li qed jikbru b’rata mgħaġġla, waqt li tiżviluppa għodod ġodda biex tiġġieled il-kompetizzjoni inġusta u toħloq il-kundizzjonijiet regolatorji xierqa biex tistimula l-investiment.

L-avjazzjoni tirrappreżenta kontribut vitali għall-ekonomija Ewropea, f’termini ta’ impjiegi, kummerċ u l-konnessjonijiet bejn miljuni ta’ negozji u nies mal-bqija tad-dinja. Iżda l-pożizzjoni kompetittiva tal-industrija tal-avjazzjoni tal-UE, partikolarment il-linji tal-ajru internazzjonali tagħha, qiegħda taħt theddida serja. Is-swieq li l-aktar qed jikbru b’rata mgħaġġla illum il-ġurnata jinsabu barra mill-Ewropa. Is-settur Ewropew tal-avjazzjoni – mhux biss il-linji tal-ajru iżda l-industrija kollha tal-ajrunawtika, l-ajruporti, il-fornituri tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru, u industriji oħra tas-servizzi – qed jaffaċċjaw tkabbir baxx fl-UE u kompetizzjoni qawwija internazzjonalment.

Il-Viċi President Siim Kallas, il-Kummissarju Ewropew responsabbli mit-trasport qal: Huwa ta’ importanza strateġika li l-Ewropa żżomm industrija tal-avjazzjoni ewlenija fiċ-ċentru ta' netwerk li jgħaqqad l-UE mal-bqija tad-dinja. Bħala riżultat dirett tal-opportunitajiet ġodda tan-negozju mir-relazzjonijiet esterni tagħna tal-UE, matul l-aħħar deċennju ħloqna benefiċċji ekonomiċi kbar ħafna. Iżda s-sistemi attwali ma għadhomx jagħtu r-riżultati mixtieqa. Għalhekk neħtieġu bidla importanti mill-aktar fis. Peressli l-Ewropa qed tħabbat wiċċha ma’ bidliet drammatiċi fl-avjazzjoni globali, jeħtieġ li tirrispondi u tadatta ruħha malajr jew titħalla l-art."

Il-Kummissjoni Ewropea, b’mod partikolari qed tipproponi li tipproċedi billi tindirizza t-tliet aspetti li ġejjin:

  • Ftehimiet ġodda mal-ġirien u s-sħab internazzjonali tagħna

Biex tagħti lill-industrija tal-avjazzjoni tal-UE aċċess aħjar għal opportunitajiet tan-negozju fi swieq ġodda, il-Kummissjoni qed tipproponi li:

  • tikkonkludi ftehimiet dwar it-trasport bl-ajru fil-livell tal-UE ma’ sħab tal-avjazzjoni ewlenin u dejjem aktar importanti bħaċ-Ċina, ir-Russja, l-Istati tal-Golf, il-Ġappun, l-Indja, u l-pajjiżi tal-ASEAN* fix-xlokk tal-Ażja;

  • sal-2015, tikkonkludi ftehimiet tal-avjazzjoni fil-livell tal-UE ma' pajjiżi ġirien bħall-Ukranja, l-Azerbajġan, it-Tuneżija, it-Turkija u l-Eġittu. Biex jitħaffef dan il-proċess, l-Istati Membri għandhom jagħtu lill-Kummissjoni mandat ġenerali ta' negozjar għall-bqija tal-pajjiżi ġirien.

Il-benefiċċji ekonomiċi totali ta’ dawn il-ftehimiet kollha huma stmati li jlaħħqu it-EUR 12-il biljun fis-sena. Fil-bidu tal-2013, il-Kummissjoni beħsiebha tressaq lista ta’ prijoritajiet lill-Istati Membri għal mandati ta’ negozzjar tal-UE għal dawn il-ftehimiet.

Barra minn hekk, għandhom jiġu ffirmati ftehimiet industrijali u teknoloġiċi ma’ sħab ewlenin u pajjiżi oħra f’oqsma bħall-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru (ATM) – inkluż kooperazzjoni mal-programm tal-UE SESAR - u s-sigurtà, inkluż iċ-ċertifikazzjoni ta’ prodotti ajrunawtiċi.

  • Kompetizzjoni ġusta

L-UE tħaddan il-kompetittività u tqis is-swieq miftuħa bħala l-aħjar bażi għall-iżvilupp ta’ relazzjonijiet internazzjonali tal-avjazzjoni. Din kienet tagħlima fundamentali mill-istorja ta’ suċċess tas-suq intern tal-avjazzjoni tal-UE. Iżda l-kompetizzjoni għandha tkun miftuħa u ġusta. Sabiex tissalvagwardja l-kompetizzjoni ġusta, il-Kummissjoni qed tipproponi li, wara li tikkonsulta mal-partijiet interessati, tiżviluppa strumenti tal-UE aktar effettivi u li jħarsu l-interessi Ewropej kontra l-prattiki inġusti. F’dan ir-rigward, ir-Regolament eżistenti tal-UE (ir-Regolament Nru 860/2004) wera li ma kienx prattikabbli u għalhekk hemm bżonn ta’ strument ġdid li jkun aktar adattat għar-realtajiet tas-settur globali tal-avjazzjoni tal-lum il-ġurnata.

Il-Kummissjoni qed tipproponi li tiżviluppa – bl-aktar mod xieraq fil-livell tal-UE – “klawsoli ta’ kompetizzjoni ġusta” li jintlaħaq qbil dwarhom u li jiġu inklużi fil–ftehimiet eżistenti tas-servizzi tal-ajru bilaterali bejn Stati Membru tal-UE u pajjiżi li mhumiex fl-UE.

  • Investiment

Jingħelbu r-restrizzjonijiet arkajki għas-sjieda u għall-kontroll

Ir-restrizzjonijiet attwali għas-sjieda u għall-kontroll, li jiġu applikati minn ħafna pajjiżi, jiċħdu l-aċċess lit-trasportaturi għal għejun importanti ta' kapital ġdid Issa wasal iż-żmien biex din il-kwistjoni tiġi indirizzata b’aktar saħħa u biex jittieħdu l-passi addizzjonali previsti fil-ftehim tat-trasport bl-ajru bejn l-UE u l-Istati Uniti sabiex is-sjieda u l-kontroll tal-linji tal-ajru jiġu liberalizzati u b’hekk il-linji tal-ajru jkunu jistgħu jikkonsolidaw u jħajru l-investiment li jeħtieġu. Dan għandu jiġi segwit ukoll fil-livell tal-ICAO, inkluż fil-Konferenza tat-Traffiku bl-Ajru tal-ICAO f’Marzu 2013.

X’se jiġri issa?

Wara konsultazzjoni mal-Istati Membri fil-Kunsill tat-Trasport f'Diċembru ta' din is-sena, il-Kummissjoni beħsiebha tipproċedi b'dawn il-proposti, inkluż dik li fil-bidu tal-2013 tressaq lista ta’ prijoritajiet għall-mandati ta’ negozjar tal-UE.

Għal aktar tagħrif ara: MEMO/12/714

Ara r-relazzjonijiet esterni rigward l-avjazzjoni: http://ec.europa.eu/transport/air/international_aviation/external_aviation_policy/why_policy_en.htm

Kontaktpersonas:

Helen Kearns (+32 2 298 76 38)

Dale Kidd (+32 2 295 74 61)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site