Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-multilingwiżmu fl-Ewropa: Il-Kummissarju Vassiliou tippreżenta l-premjijiet tal-Marka tal-Lingwa Ewropea

European Commission - IP/12/1026   27/09/2012

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Limassol/Brussell, is-27 ta' Settembru 2012

Il-multilingwiżmu fl-Ewropa: Il-Kummissarju Vassiliou tippreżenta l-premjijiet tal-Marka tal-Lingwa Ewropea

Ħames proġetti li wrew prestazzjoni straordinarja fil-promozzjoni tat-tagħlim tal-lingwi ġew onorati llum fl-ewwel "Marka tal-Lingwa Ewropea tal-Premjijiet tal-Marki". L-inizjattivi rebbieħa (ara d-dettalji hawn taħt) huma bbażati fil-Belġju, l-Italja, il-Litwanja, in-Norveġja u r-Rumanija. Il-premjijiet ġew ippreżentati lir-rappreżentanti tal-proġetti minn Androulla Vassiliou, il-Kummissarju Ewropew għall-Edukazzjoni, il-Kultura, il-Multilingwiżmu u ż-Żgħażagħ, waqt il-konferenza "Il-multilingwiżmu fl-Ewropa" f'Limassol, Ċipru, li hija waħda minn kwazi 500 avveniment li qed jittellgħu madwar l-Ewropa biex jiġi mfakkar il-Jum Ewropew tal-Lingwi.

It-32 pajjiż li jipparteċipaw fil-Programm tat-Tagħlim Tul il-Ħajja tal-UE (is-27 Stat Membru tal-UE, erba' pajjiżi taż-ŻEE/EFTA u t-Turkija), kienu mistiedna biex jinnominaw għall-premjijiet l-aħjar proġett nazzjonali tagħhom tat-tagħlim tal-lingwa. Imbagħad, ġurija speċjalizzata ppreseduta minn Miguel Angel Martinez, il-Viċi President tal-Parlament Ewropew, għażlet l-aħjar ħames proġetti. Din l-għażla kienet ibbażata fuq id-dimensjoni Ewropea u l-impatt tal-proġetti fir-rigward tat-titjib tal-ħiliet lingwistiċi tal-grupp fil-mira.

Il-Kummissarju Vassiliou qalet:"Nifraħ tassew lir-rebbieħa u għall-proġetti eċċellenti li ġew innominati. Minħabba l-kwalità tassew għolja tal-proġetti li ġew ippreżentati, kienet pjuttost diffiċli għall-ġurija li tagħżel lir-rebbieħa ġenerali. Il-Marka tal-Lingwa Ewropea sservi ta' vetrina għal bosta inizjattivi ferm tajbin li joffru l-opportunità lil nies ta' kull età li jilqgħu l-isfida li jitgħallmu lingwi differenti u jassorbu kulturi differenti. Fl-aħħar deċennju, aktar minn 1 500 proġett issieħbu fl-inizjattiva, u dan juri kemm it-Tagħlim Bikri tal-Lingwi (ELL) kkontribwixxa għall-multilingwiżmu."

Il-proġetti rebbieħa

EuroCatering Language Training (il-Belġju, il-komunitajiet li jitkellmu l-Franċiż u l-Olandiż): Dan il-proġett li huwa mmirat lejn l-apprentisti, l-istudenti u l-ħaddiema fl-industrija tal-lukandi u tal-ikel, għandu l-għan li jtejjeb il-ħiliet lingwistiċi orali f'seba' lingwi Ewropej (l-Ingliż, il-Franċiż, l-Ispanjol, l-Olandiż, in-Norveġiż, is-Sloven u l-Galizjan). Huwa jorbot il-ħiliet lingwistiċi mal-bżonnijiet professjonali u għandu l-appoġġ tal-programm tal-Kummissjoni għall-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, Leonardo Da Vinci. L-għan ta' dan il-proġett għal din is-sena hu li jestendi din l-iskema għal lingwi Ewropej oħra.

CMC_E Communicating in Multilingual Contexts meets the Enterprise (l-Italja): Dan il-proġett ikopri sitt lingwi Ewropej (l-Ingliż, l-Ispanjol, it-Taljan, il-Pollakk, il-Portuġiż u s-Slovakk) u għandu l-għan li jiżviluppa ħiliet lingwistiċi ta’ livell għoli f’kuntest professjonali. S’issa, bis-saħħa ta' kooperazzjoni b'suċċess bejn l-universitajiet u n-negozji Ewropej, dan ħalla impatt mifrux madwar l-Ewropa kollha,.

Learning by moving (il-Litwanja): Dan il-proġett li jkopri disa' lingwi (il-Litwan, il-Ġermaniż, l-Ingliż, l-Ispanjol, it-Taljan, il-Pollakk, ir-Rumen, it-Tork u l-Malti), jiffoka fuq it-tagħlim tal-lingwi bejn il-pajjiżi ġirien. Kien immirat lejn varjetà ta’ nies fosthomstudenti, pensjonanti, turisti, persuni qiegħda, immigranti, ħaddiema.

My language – your language (in-Norveġja): Dan il-proġett huwa immirat l-aktar lejn it-tfal fl-iskejjel ta' qabel il-primarja, tal-primarja u tas-sekondarja. Huwa bbażat fuq it-twemmin li kemm l-għarfien tal-lingwa tiegħek kif ukoll dak ta' lingwi oħrajn jippermetti lin-nies ljikkontribwixxu aktar għas-soċjetà u għad-diversità. Huwa jgħaqqad it-tagħlim tal-lingwi ma' attivitajiet kulturali bħal pereżempju wirjiet.

EuroIntegrELP (ir-Rumanija): Dan il-proġett li jkopri 15-il lingwa Ewropea (EN, FR, DE, EE, EL, ES, EUSK,mSK, HR, IT, LT, NL, PL, RO, RU), jinvolvi kważi s-setturi edukattivi kollha u għandu fil-mira grupp wiesa' li jinkludi studenti, għalliema, ħaddiema u persuni qiegħda.

L-isfond

Il-Marka Ewropea tal-Premjijiet tal-Marki ġiet organizzata biex taħbat mal-għaxar anniversarju tas-Samit ta' Barċellona tal-2002 fejn il-kapijiet tal-istat u tal-gvern sejħu biex jibdew jiġu mgħallma żewġ lingwi barranin sa minn età bikrija u biex jiġi żviluppat indikatur ta' kompetenza lingwistika li jkejjel il-progress fit-tagħlim tal-lingwi.

Il-multilingwiżmu qiegħed fil-qalba tal-inizjattiva tal-Marka tal-Lingwa Ewropea, li bdiet bħala proġett pilota fl-1998-99 u żviluppat f'inizjattiva madwar l-Ewropa kollha fl-2001.

Kull wieħed mill-31 proġett nnominat rċieva pjanċa kommemorattiva u ddaħħal fi ktejjeb speċjali ('European Language Label – Empowering People) li ġie ppubblikat biex jiċċelebra l-premjijiet. L-Isvezja kienet l-uniku pajjiż li pparteċipa li ma nnominax proġett.

Il-proġetti ġew evalwati skont id-dimensjoni Ewropea u l-impatt tagħhom. Il-kriterju tad-dimensjoni Ewropea huwa rifless fid-diversità lingwistika tal-iskemi rebbieħa u fil-mod ta' kif it-tagħlim tal-lingwa jgħin biex wieħed jifhem aħjar kulturi oħrajn. L-impatt jirreferi għar-riżultat tal-proġett, il-karattru innovattiv, it-titjib tal-ħiliet fil-lingwa barranija, id-daqs tal-grupp fil-mira u l-għadd ta’ utenti li kulma jmur qed jiżdied.

Għal aktar tagħrif

It-Tikketta Lingwistika Ewropea: Il-Marka tal-Lingwa Ewropea (ara wkoll il-bażi tad-dejta tat-Tikketta) 

Il-Ġurnata Ewropea tal-Lingwi: IP/12/1005 u MEMO/12/703

Is-sit elettroniku ta' Androulla Vassiliou

Segwi lil Androulla Vassiliou fuq Twitter @VassiliouEU

Kuntatti :

Dennis Abbott (+32 2 295 92 58); Twitter: @DennisAbbott

Dina Avraam (+32 2 295 96 67)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website