Navigation path

Left navigation

Additional tools

Aġenda Diġitali: Strateġija ġdida biex tingħata spinta lin-negozji Ewropej u lill-produttività tal-gvern permezz tal-cloud computing

European Commission - IP/12/1025   27/09/2012

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, is-27 ta' Settembru 2012

Aġenda Diġitali: Strateġija ġdida biex tingħata spinta lin-negozji Ewropej u lill-produttività tal-gvern permezz tal-cloud computing

L-Istrateġija l-ġdida tal-Kummissjoni Ewropea għall-"Isfruttar tal-potenzjal tal-cloud computing fl-Ewropa" tiddeskrivi azzjonijiet biex jinkiseb gwadann nett ta' 2.5 miljun impjieg Ewropew ġdid, u żieda annwali ta' EUR 160 biljun fil-PDG tal-UE (madwar 1 %), sal-2020.

L-istrateġija hija mfassla biex taċċellera u żżid l-użu tal-cloud computing mal-ekonomija kollha kemm hi.

'Cloud computing' jirreferi għall-ħżin tad-dejta (bħal fajls testwali, stampi u vidjows) u softwer fuq kompjuters remoti, li l-utenti jaċċessaw onlajn permezz tal-apparat tal-għażla tagħhom. Dan huwa aktar veloċi, orħos, aktar flessibbli u potenzjalment aktar sigur minn soluzzjonijiet tal-IT fuq il-post. Bosta servizzi popolari bħal Facebook, Spotify u posta elettronika bbażata fuq l-internet jużaw teknoloġiji ta' cloud computing iżda l-vantaġġi ekonomiċi reali jirriżultaw mill-użu mifrux ta' soluzzjonijiet cloud min-negozji u s-settur pubbliku.

L-azzjonijiet ewlenin tal-istrateġija jinkludu:

  • L-eliminazzjoni tal-iżvantaġġi kkawżati minn ġungla ta' standards tekniċi sabiex l-utenti tal-cloud computing ikunu jistgħu jiksbu l-interoperabbiltà, il-portabbiltà tad-dejta u r-riversibbiltà; l-istandards meħtieġa għandhom jiġu identifikati sal-2013;

  • L-appoġġ għal skemi ta' ċertifikazzjoni fl-UE kollha għal fornituri cloud affidabbli;

  • L-iżvilupp ta' mudelli ta' termini kuntrattwali "sikuri u ġusti" għal kuntratti ta' cloud computing inklużi Ftehimiet dwar il-Livell ta’ Servizz;

  • Sħubija Ewropea dwar il-Cloud Computing mal-Istati Membri u l-industrija biex tiġi sfruttata l-kapaċità ta' akkwist tas-settur pubbliku (20 % tal-infiq kollu fuq l-Informatika) sabiex jiġi ffurmat is-Suq Ewropew tal-Cloud Computing, tingħata spinta lill-opportunitajiet għall-fornituri cloud Ewropej biex dawn jikbru sakemm jilħqu skala kompetittiva, u jipprovdu Gvern elettroniku rħas u aħjar.

Il-Viċi President Neelie Kroes qalet: "Il-Cloud computing iġib miegħu bidla radikali fl-ekonomija tagħna. Mingħajr azzjoni tal-UE, se nibqgħu mwaħħlin fil-fortizzi nazzjonali rispettivi tagħna u nitilfu biljuni fi gwadanni ekonomiċi. Jinħtieġ li niksbu massa kritika u sett uniku ta' regoli mal-Ewropa kollha. Irridu nindirizzaw ir-riskji pperċepiti tal-cloud computing b'mod dirett".

Il-Viċi President Viviane Reding qalet: "L-Ewropa trid tkun ambizzjuża. L-istrateġija dwar il-cloud computing se żżid il-fiduċja fis-soluzzjonijiet innovattivi tal-informatika u se tagħti spinta lil suq diġitali uniku kompetittiv fejn l-Ewropej iħossuhom sikuri. Dan ifisser adozzjoni rapida tal-qafas il-ġdid għall-protezzjoni tad-dejta propost aktar kmieni din is-sena mill-Kummissjoni u l-iżvilupp ta' termini u kundizzjonijiet kuntrattwali sikuri u ġusti".

Sfond

It-tħabbir tal-lum tal-istrateġija jsegwi il-proposta biex jiġu aġġornati r-regoli dwar il-Protezzjoni tad-Dejta mressqa mill-Kummissjoni fl-2012 u qed jantiċipa Strateġija Ewropea għaċ-Ċibersigurtà li se tiġi proposta fix-xhur li ġejjin. L-iżvilupp ta' tali regoli Ewropej dwar il-cloud computing huwa prekundizzjoni għal spazju diġitali mingħajr intoppi li jissarraf f'Suq Uniku Diġitali reali għalina lkoll. Flimkien, dawn l-azzjonijiet jiffurmaw sforz komprensiv biex fl-Ewropa jiġi pprovdut ambjent tal-internet dinamiku u affidabbli.

Il-vantaġġi tal-Cloud jirriżultaw mill-ekonomiji ta' skala tiegħu. 80 % tal-organizzazzjonijiet li jadottaw il-cloud computing jiksbu ffrankar fl-ispejjeż ta' madwar 10-20 %. Gwadanni sinifikanti fil-produttività huma mistennija wkoll f'każ li tintlaħaq adozzjoni mifruxa mas-setturi kollha tal-ekonomija.

Attwalment, fin-nuqqas ta' standards komuni u kuntratti ċari, bosta utenti potenzjali joqogħdu lura milli jadottaw soluzzjonijiet cloud. Mhumiex ċerti x'inhuma l-istandards u ċ-ċertifikati li għandhom ifittxu biex jissodisfaw ir-rekwiżiti u l-obbligi legali tagħhom, pereżempju biex jiżguraw li d-dejta tagħhom stess jew tal-konsumaturi tagħhom tkun sikura jew li l-applikazzjonijiet ikunu interoperabbli. Il-fornituri u l-utenti tal-cloud computing qed ifittxu wkoll regoli aktar ċari fir-rigward tal-forniment ta' servizzi cloud, pereżempju fir-rigward tal-kwistjoni dwar fejn jiġi solvut tilwim legali jew kif jista' jiġi żgurat it-trasferiment bla problemi ta' dejta u softwer bejn fornituri cloud differenti.

Ħoloq utli

L-Isfruttar tal-Potenzjal tal-Cloud Computing fl-Ewropa - Xi jfisser dan għalija? (MEMO/12/713)

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-Isfruttar tal-Potenzjal tal-Cloud Computing fl-Ewropa

L-Isfruttar tal-Potenzjal tal-Cloud Computing fl-Ewropa - Dokument ta' Ħidma tal-Persunal li jakkumpanjaha

Studju tal-IDC "Quantitative Estimates of the Demand for Cloud Computing in Europe and the Likely Barriers to Take-up"

Għidilna x'taħseb

Hash Tag: #cloudstrategy

Is-sit elettroniku ta’ Neelie Kroes :

Segwi lil Neelie fuq Twitter

Il-politika spjegata

Kuntatti :

Ryan Heath (+32 2 296 17 16), Twitter: @ECspokesRyan

Linda Cain (+32 2 299 90 19)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website