Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, 26 ta' Settembru 2012

Il-Kummissjoni tniedi strateġija biex tistimula t-tkabbir u l-impjiegi fis-setturi kulturali u kreattivi

Il-Kummissjoni Ewropea llum ppreżentat strateġija biex jiġi żblukkat il-potenzjal sħiħ tas-setturi kulturali u kreattivi fl-UE biex jingħataw spinta l-impjiegi u t-tkabbir. Dawn is-setturi, li jinkludu kumpaniji u organizzazzjonijiet oħra attivi fl-arkitettura, fl-artiġjanat artistiku, fil-wirt kulturali, fid-disinnjar, fil-festivals, fil-films u t-televiżjoni, fil-mużika, fl-arti tal-ispettaklu u dik viżiva, fl-arkivji u l-libreriji, fil-pubblikazzjoni u r-radju, diġà jirrappreżentaw sa 4.5% tal-PDG u sa 8.5 miljun impjieg fl-Unjoni Ewropea. Iżda s-setturi kreattivi u kulturali wkoll jiffaċċjaw sfidi kbar li jirriżultaw mill-bidla lejn id-dinja diġitali u mill-globalizzazzjoni, kif ukoll minn frammentazzjoni kbira tas-swieq kulturali u lingwistiċi. L-aċċess għall-finanzi għadu diffikultà kbira.

L-istrateġija l-ġdida tal-Kummissjoni għandha l-għan li żżid il-kompetittività u l-potenzjal tal-esportazzjoni ta' dawn is-setturi, kif ukoll li timmassimizza l-effett mifrux benefiċjali tagħhom għal oqsma oħra bħalma huma l-innovazzjoni, l-ICT u t-tiġdid urban. Il-Kummissjoni qiegħda tagħmel sejħa għal firxa ta’ azzjonijiet li jippromwovu kundizzjonijiet tajbin biex jiffjorixxu s-setturi kulturali u kreattivi. Dawn jiffukaw fuq l-iżvilupp tal-ħiliet, fuq l-aċċess għall-finanzi, fuq il-promozzjoni ta' mudelli kummerċjali ġodda, fuq l-iżvilupp tal-udjenza, fuq l-aċċess għas-swieq internazzjonali u fuq rabtiet imtejbin ma' setturi oħra.

"Is-setturi kulturali u kreattivi Ewropej mhux biss huma essenzjali għad-diversità kulturali; huma jikkontribwixxu ħafna wkoll għall-iżvilupp soċjali u ekonomiku fl-Istati Membri u fir-reġjuni tagħna. Fil-livell lokali u reġjonali, l-investimenti strateġiċi f'dawn is-setturi ħafna drabi taw riżultati spettakolari, kif jidher f'għadd kbir ta' bliet kapitali Ewropej tal-Kultura. Huma jipproduċu wkoll effetti mifruxa importanti, kif ukoll itejbu l-immaġni dinamika ta' Ewropa attraenti u kreattiva li hija miftuħa għal kulturi u talenti mid-dinja kollha", qalet Androulla Vassiliou, il-Kummissarju Ewropew għall-Edukazzjoni, il-Kultura, il-Multilingwiżmu u ż-Żgħażagħ.

L-istrateġija, deskritta fil-qosor f’dokument intitolat "Promoting cultural and creative sectors for creative growth in the EU (Il-promozzjoni tas-setturi kulturali u kreattivi għat-tkabbir u l-impjiegi fl-UE)", tipprevedi sensiela ta' inizjattivi politiċi u l-promozzjoni ta’ ambjent regolatorju modern. Il-Kummissjoni tixtieq ukoll tinkoraġġixxi sħubijiet iktar b’saħħithom bejn il-politiki differenti, b’mod partikolari l-kultura, l-edukazzjoni l-industrija, l-affarijiet ekonomiċi, it-turiżmu, l-iżvilupp urban u reġjonali, u l-ippjanar territorjali. Hi qed tippjana wkoll timmobilizza l-fondi tal-UE biex jiżdied l-appoġġ għas-setturi, notevolment permezz ta' "Creative Europe", il-programm propost għal bejn l-2014 u l-2020, li se jiswa €1.8 biljun, u permezz tal-fondi tal-Politika ta' Koeżjoni.

Il-Kuntest

Skont ir-Rapport tal-2010 dwar il-Kompetittività Ewropea u sorsi oħra, is-setturi kulturali u kreattivi jirrappreżentaw bejn 3.3% u 4.5% tal-PDG u jimpjegaw bejn 7 u 8.5 miljun ruħ. L-evidenza miġbura fil-livell Ewropew, nazzjonali, reġjonali u lokali tikkonferma l-importanza ekonomika tas-setturi, li wrew rati ta’ tkabbir li jaqbżu l-medja u reżistenza relattiva fit-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku attwali.

Riċerka indipendenti wriet li ditti li jonfqu darbtejn l-ammont medju fuq l-inputs kreattivi għandhom probabbiltà aktar ta' 25% li jintroduċu l-innovazzjoni fil-prodotti tagħhom. Spin-offs oħra jinkludu impatt pożittiv fuq it-turiżmu, l-industrija tal-moda u dik tal-prodotti lussużi kif ukoll fuq l-industriji ta’ manifattura tradizzjonali.

Għal aktar tagħrif

Komunikazzjoni: Promoting cultural and creative sectors for growth and jobs in the EU

Creative Europe

Il-Politika ta' Koeżjoni tal-UE 2014-2020

Is-sit elettroniku ta' Androulla Vassiliou

Segwi lil Androulla Vassiliou fuq Twitter @VassiliouEU

Kuntatti :

Dennis Abbott (+32 2 295 92 58); Twitter: @DennisAbbott

Dina Avraam (+32 2 295 96 67)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website