Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, 25 ta’ Settembru 2012

Il-Jum Ewropew tal-Lingwi: maġija multilingwa: minn “speak-dating” u koktejls sa pjaċir fil-"banju" librerija

Ħadd mhux se jibqa' bla kliem: minn sessjoni multilingwa ta’ “speak-dating” fi Praga, sa kafè dinji f'Sofija, sfida rap f’Åarhus, koktejl bar tal-lingwi Ewropej f'’Budapest, lejla tal-poeżiji b'lingwi barranin f'Cardiff u “banju lingwistiku" fi 30 libreriji f'Berlin – dawn huma biss ftit mill-attrazzjonijiet prinċipali tal-Jum Ewropew tal-Lingwi, li se jsiru f'postijiet differenti madwar l-Ewropa għada, is-26 ta' Settembru (ara l-lista tal-avvenimenti). Il-Kummissjoni Ewropea se tfakkar l-okkażjoni billi tospita attività speċjali f'Limassol (Ċipru), fejn aktar minn 400 delegat se jiflu l-modi kif jista’ jittejjeb it-tagħlim tal-lingwi u jiddiskutu r-rwol tal-lingwi f'dinja globalizzata.

"Kultant jistaqsuni jekk il-lingwi humiex tassew importanti fl-era tal-globalizzazzjoni. It-tweġiba tiegħi hija sempliċi: dakinhar meta l-Ewropa ma tibqax titkellem il-bosta lingwi kollha tagħha jkun il-jum meta l-Ewropa – bħala idea, bħala proġett – ma tibqax teżisti. Wieħed mill-għanijiet l-aktar fundamentali tal-UE huwa li naħdmu flimkien għal soċjetà aħjar filwaqt li jiġu rispettati bis-sħiħ id-differenzi ta’ bejnietna. Il-lingwa hija essenzjali biex titwettaq il-missjoni. Jekk ma nindenjawx aktar irwieħna li nitgħallmu ilsien il-ġirien tagħna, allura aħseb u ara kemm se nippruvaw nifhmu l-problemi tagħhom. Huwa għalhekk li t-tagħlim tal-lingwi huwa wieħed mill-ogħla prijoritajiet tagħna fil-programm il-ġdid Erasmus għal Kulħadd,” qalet Androulla Vassiliou, il-Kummissarju Ewropew għall-Edukazzjoni, il-Kultura, il-Multilingwiżmu u ż-Żgħażagħ.

Il-Jum Ewropew tal-Lingwi, organizzat b’mod konġunt mill-Kummissjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Ewropa, ilu jseħħ kull sena mill-2001. Il-Kunsill tal-Ewropa qed jgħin ukoll biex jippromwovi firxa wiesgħa ta’ inizjattivi ta’ sensibilizzazzjoni fis-47 pajjiż membru tiegħu bħala parti mill-kampanja “Kellimni!” immexxija miċ-Ċentru Ewropew għal-Lingwi Moderni fi Graz, l-Awstrija. L-avvenimenti jiffukaw fuq l-inkoraġġament ta’ nies ta’ kull età, fl-iskola u lil hinn minnha, li jħaddnu t-tagħlim tal-lingwi, u jiċċelebraw id-diversità kulturali u lingwistika.

Erasmus għal Kulħadd, li huwa l-programm il-ġdid tal-Kummissjoni Ewropea għall-edukazzjoni, it-taħriġ u ż-żgħażagħ għall-2014-2020, se jżid l-appoġġ għat-tagħlim u l-istudju tal-lingwi. Il-programm jipprevedi żieda sinifikanti fil-fondi li tkun tippermetti li mhux inqas minn 5 miljun ruħ jirċievu għotjiet tal-UE biex jistudjaw, jitħarġu jew jagħmlu volontarjat barra minn pajjiżhom - kważi d-doppju meta mqabbel mal-lum taħt il-programmi 2007-2013. Wieħed mill-għanijiet ewlenin ta' dawn l-esperjenzi ta’ tagħlim "mobbli” huwa li jgħinu lill-individwu jtejjeb il-ħiliet lingwistiċi tiegħu u jtejjeb il-komprensjoni interkulturali.

Il-passi li jmiss

Il-proposta ta’ Erasmus għal Kulħadd bħalissa qed tiġi diskussa mill-Kunsill u l-Parlament Ewropew u hija mistennija li tkun adottata fl-ewwel nofs tal-2013.

Fis-27 ta' Settembru, il-Kummissarju Androulla Vassiliou se tippreżenta għotjiet għal ħames proġetti li taw xhieda ta’ prestazzjoni straordinarja fit-tagħlim u l-istudju tal-ilsna matul il-konferenza "Il-multilingwiżmu fl-Ewropa" f'Limassol.

Sfond

Għadd kbir ta’ lingwi huma mitkellma fl-Unjoni Ewropea: Hemm 23 lingwa uffiċjali (bl-adeżjoni tal-Kroazja mal-UE dawn se jiżdiedu għal 24 is-sena d-dieħla), kif ukoll madwar 60 lingwa reġjonali u ta’ minoranza, u aktar minn 175 lingwa tal-migranti.

L-UE bħalissa tinvesti madwar €1 biljun fis-sena għat-tisħiħ tal-ħiliet u l-kompetenzi lingwistiċi permezz ta' inizjattivi bħal Erasmus, li jippermetti lill-istudenti fl-edukazzjoni ogħla jqattgħu parti mill-istudji jew it-taħriġ tagħhom f'pajjiż ieħor permezz ta' apprendistat. Ta’ kull sena, aktar minn 400,000, li fil-biċċa l-kbira tagħhom huma żgħażagħ, jibbenefikaw mill-għotjiet tal-UE tal-Erasmus (edukazzjoni ogħla), Leonardo da Vinci (taħriġ vokazzjonali) u Żgħażagħ fl-Azzjoni (xogħol ta' volontarjat/żgħażagħ) biex dawn jaħdmu, jistudjaw jew jagħmlu volontarjat barra minn pajjiżhom. Barra minn hekk l-UE tinvesti madwar EUR 50 miljun fis-sena bħala sostenn għal attivitajiet u proġetti msejsa fuq il-lingwi.

Il-konferenza "Il-multilingwiżmu fl-Ewropa” f’Limassol timmarka l-10 anniversarju tal-Kunsill Ewropew ta’ Barċellona tal-2002, fejn il-Kapijiet tal-Istat u tal-Gvern sejħu għal tagħlim ta' żewġ lingwi barranin minn età bikrija ħafna u għall-iżvilupp ta' indikatur tal-kompetenza lingwistika biex jitkejjel il-progress fit-tagħlim tal-lingwi. Waqt il-konferenza, se jintwerew proġetti straordinarji ta' tagħlim lingwistiku Ewropew u se tingħata informazzjoni dwar is-servizzi lingwistiċi tal-Unjoni Ewropea u l-mezzi tal-komunikazzjoni speċjalizzati fl-affarijiet Ewropej.

It-Tikketta Lingwistika Ewropea ġiet stabbilita aktar minn għaxar snin ilu biex tirrikonoxxi proġetti innovattivi fit-tagħlim u t-tgħallim tal-lingwi. L-ewwel Tikketta Lingwistika Ewropea fost it-Tikketti mogħtija se tippreżentaha l-Kummissarju Vassiliou waqt l-avveniment f’Limassol. Il-koordinaturi fil-pajjiżi parteċipanti nnominaw kull wieħed proġett lingwistiku nazzjonali b'valur miżjud Ewropew eċċezzjonali. Il-proġetti ġew evalwati minn ġurija Ewropea, li għażlet il-ħames rebbieħa kumplessivi.

Il-Kummissjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Ewropa beħsiebhom jadottaw ftehim ta' sħubija formali fl-2013 li se jsaħħaħ il-kooperazzjoni tagħhom dwar il-multilingwiżmu u t-tagħlim tal-lingwi f'oqsma bħall-valutazzjoni, l-għarfien tal-kwalifiki, l-iskambju ta' esperjenza u dejta, l-għodod msejsa fuq l-ICT, l-edukazzjoni fil-lingwa tal-pajjiż ospitanti għall-migranti adulti, u l-edukazzjoni fil-lingwa ewlenija tat-tgħallim għal ulied il-migranti.

Għal aktar tagħrif

MEMO/12/703 Mistoqsijiet komuni dwar il-multilingwiżmu u t-tagħlim tal-lingwi

Il-Kummissjoni Ewropea: Il-websajt tal-lingwi

It-Tikketta Lingwistika Ewropea

Il-lingwi għan-negozju u l-impjegabbiltà

Is-servizzi tal-Kummissjoni Ewropea: Interpretazzjoni u traduzzjoni

Iċ-Ċentru Ewropew għall-Ilsna Moderni

Il-websajt ta' Androulla Vassiliou

Segwi lil Androulla Vassiliou fuq it-Twitter @VassiliouEU

Ikkuntattja lil:

Dennis Abbott (+32 2 295 92 58); Twitter: @DennisAbbott

Dina Avraam (+32 2 295 96 67)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site