Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, l-24 ta' Settembru 2012

Stħarriġ tal-Ewrobarometru: 71% tal-Ewropej favur aktar kompetizzjoni fis-settur ferrovjarju nazzjonali u reġjonali

71% taċ-ċittadini tal-UE jappoġġaw il-ftuħ tas-sistemi ferrovjarji nazzjonali u reġjonali tagħhom għall-kompetizzjoni. L-appoġġ totali huwa ta’ aktar minn 60 % fl-Istati Membri kollha minbarra tnejn (il-Pajjiżi l-Baxxi u l-Lussemburgu). 78 % taċ-ċittadini tal-UE jaħsbu li aktar kompetizzjoni għandha tkun tajba għall-passiġġieri.

Skont stħarriġ speċjali tal-Ewrobarometru, inqas minn nofs l-Ewropej huma sodisfatti bis-sistemi ferrovjarji tagħhom (46 %) - għalkemm il-livell ta’ sodisfazzjon tjieb mill-1997 (41 %). Il-livell ta’ sodisfazzjon ivarja minn 67 % fil-Finlandja għal 18 % fil-Bulgarija. Is-sodisfazzjon huwa kumplessivament kemxejn baxx fl-Istati Membri tal-Ewropa Ċentrali u tax-Xlokk (ir-Repubblika Ċeka, l-Ungerija, is-Slovenja, is-Slovakkja, il-Polonja, ir-Rumanija, il-Bulgarija u l-Greċja).

Għal bosta Ewropej, il-ftuħ għall-kompetizzjoni se jkollu influwenza pożittiva fuq il-prezzijiet tal-biljetti (72 %), il-kwalità tas-servizzi għall-passiġġieri fuq il-ferroviji (71 %), il-kumdità u l-indafa tal-ferroviji (70 %), il-frekwenza tal-ferroviji (68 %), il-puntwalità tal-ferroviji (66 %), il-mod kif jitmexxew il-kumpaniji ferrovjarji (63 %) u l-għadd ta’ stazzjonijiet jew rotot li se jiġu servuti (62 %).

Il-maġġoranza assoluta tal-Ewropej tistenna li aktar kompetizzjoni fis-suq ferrovjarju se tkun tajba għall-partijiet interessati individwali, bħal għalina l-passiġġieri (78 %), għall-operaturi ferrovjarji privati (68 %) u għall-impjegati tal-operaturi tat-trasport ferrovjarju (55 %).

Fl-aħħar nett, 70 % taċ-ċittadini tal-UE jixtiequ li l-kompetizzjoni twassal għal servizzi ferrovjarji “b’servizzi bażiċi biss” (‘no frills’) bħal dawk tal-kumpaniji tal-ajru bi prezz baxx u 43 % jixtiequ l-iżvilupp ta’ servizzi primjum (ikliet, films, gazzetti, eċċ.). Barra dan, kważi żewġ terzi (65 %) tal-Ewropej jixtiequ li jkun hemm aktar modi kif wieħed jista’ jixtri l-biljetti (eż. onlajn, permezz tal-ismartphones, jew abbord).

Il-passi li jmiss

Fix-xhur li ġejjin, il-Kummissjoni Ewropea beħsiebha tadotta pakkett ġdid ta' miżuri, l-hekk imsejjaħ ir-raba' pakkett ferrovjarju, li jiftaħ is-swieq ferrovjarji domestiċi tal-passiġġieri għall-kompetizzjoni, biex jitnaqqas iż-żmien sal-ħruġ fis-suq tal-vetturi ferrovjarji (permezz tat-tisħiħ tal-irwol tal-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea) u biex tittejjeb il-governanza tal-infrastruttura ferrovjarja (għar-rinfurzar tal-effiċjenza tal-operazzjonijiet ferrovjarji u t-titjib tal-kompetizzjoni).

Sfond

Aktar minn nofs l-Ewropej (55 %) jużaw il-ferroviji nazzjonali jew reġjonali: tal-inqas darba fil-ġimgħa (6 %), diversi drabi kull xahar (4 %), diversi drabi fis-sena (19 %), jew tal-anqas darba fis-sena (26 %). Aktar minn erbgħa minn kull għaxar Ewropej qatt ma użaw il-ferroviji (45 %).

Ftit aktar minn erbgħa minn kull għaxar Ewropej (41 %) jużaw ferroviji suburbani: tal-inqas darba fil-ġimgħa (7 %), diversi drabi kull xahar (5 %), diversi drabi fis-sena (13 %), jew tal-anqas darba fis-sena (15 %). Kważi sitta minn għaxar Ewropej qatt ma użaw il-ferroviji suburbani (59 %).

Ir-raġuni ewlenija għaliex il-passiġġieri ferrovjarji jivvjaġġaw permezz tal-ferroviji nazzjonali jew reġjonali hija sabiex imorru fuq vjaġġi ta’ divertiment (70 %); ftit huma l-passiġġieri tal-ferrovija li semmew li jmorru għax-xogħol jew biex jattendu xi klassi (10 %) jew għal vjaġġar fuq xogħol (10 %).

Meta l-Ewropej li ma jivvjaġġaw qatt bil-ferrovija jew li jagħmlu dan mhux aktar minn darba fis-sena jintalbu jgħidu x’titjib jista’ jinkoraġġihom jużaw il-ferroviji, iktar minn erbgħa minn kull għaxra jsemmu prezzijiet aktar baxxi (43 %). Titjib ieħor huwa ċitat ħafna inqas spiss: netwerk aħjar b'aktar rotot jew stazzjonijiet (20 %), vjaġġi aktar veloċi (17 %), servizz aktar affidabbli (16 %), ferroviji aktar komdi u aktar nodfa (16 %), u servizzi aktar frekwenti (14 %). Kważi tlieta minn kull għaxra ta’ dawk li wieġbu li qatt jew rarament jivvjaġġaw bil-ferrovija semmew b'mod spontanju li xejn ma jista’ jħajjarhom jużaw dan is-servizz (28 %).

Kważi nofs l-Ewropej (46 %) huma sodisfatti bis-sistema ferrovjarja nazzjonali u reġjonali attwali f'pajjiżhom. Proporzjon sinifikanti madankollu wieġbu li mhumiex sodisfatti (36 %).

Il-maġġoranza tal-Ewropej (71 %) jappoġġaw il-ftuħ tas-sistema ferrovjarja nazzjonali u reġjonali għall-kompetizzjoni sakemm l-operaturi kollha jilħqu l-istess livelli ta’ sikurezza.

http://ec.europa.eu/public_opinion/archives/eb_special_399_380_en.htm#388

Kuntatti :

Helen Kearns (+32 2 298 76 38)

Dale Kidd (+32 2 295 74 61)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website