Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, l-24 ta' Settembru 2012

L-Ambjent: ħafna Ewropej għadhom esposti għal sustanzi li jniġġsu l-arja u li huma ta’ ħsara

Kważi terz tal-abitanti urbani tal-Ewropa huma esposti għal konċentrazzjonijiet eċċessivi ta’ materja partikulata (particulate matter (PM)) fl-arja. Il-materja partikulata hija fost l-aktar sustanzi niġġiesa importanti f’termini ta’ ħsara għas-saħħa, għaliex tippenetra fil-partijiet sensittivi tas-sistema respiratorja. Matul l-aħħar deċennji, l-UE għamlet progress fit-tnaqqis ta' sustanzi li jniġġsu l-arja li jikkawżaw aċidifikazzjoni, iżda rapport ġdid ippubblikat illum mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA) juri li ħafna partijiet mill-Ewropa għandhom problemi persistenti ta’ konċentrazzjonijiet ta’ PM u ożonu troposferiku fl-arja ta' barra.

Il-Kummissarju għall-Ambjent, Janez Potočnik, qal: “Dan ir-rapport iservi biex ifakkarna kemm il-kwalità tal-arja hija importanti għas-saħħa taċ-ċittadini tagħna. Din hija r-raġuni għaliex nixtieq li l-2013 tkun is-Sena ddedikata għall-Kwalità tal-Arja u għaliex se niffoka fuq it-tisħiħ tal-liġijiet tal-kwalità tal-arja tagħna biex inkunu nistgħu naffrotaw il-problemi li ġew identifikati llum."

Il-Professur Jacqueline McGLade, id-Direttur Eżekuttiv tal-EEA, qalet: “Il-politika tal-Unjoni Ewropea naqqset l-emissjonijiet ta’ ħafna sustanzi niġġiesa matul l-aħħar deċennju, iżda nistgħu nagħmlu aktar minn hekk. F’ħafna pajjiżi, il-konċentrazzjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu l-arja xorta għadhom ogħla mil-limiti legali u rakkomandati li ġew stabbiliti biex jipproteġu s-saħħa taċ-ċittadini Ewropej. Fil-fatt, it-tniġġis tal-arja, fl-aktar bliet u reġjuni mniġġsa jnaqqas l-għomor tal-bniedem b’madwar sentejn.”

Ir-rapport tal-2012 tal-EEA dwar ‘Il-Kwalità tal-Arja fl-Ewropa’ jeżamina l-esponiment taċ-ċittadini għal sustanzi li jniġġsu l-arja u joffri stampa tal-kwalità tal-arja fl-Ewropa. Ir-rapport huwa maħsub biex jappoġġa l-iżvilupp ta’ politiki għal arja nadifa aktar effettivi.

Sejbiet ewlenin

Il-materja partikulata (PM) tirrappreżenta l-aktar riskju serju għas-saħħa tal-bniedem mit-tniġġis tal-arja fl-UE, u li tista’ twassal għal mortalità prematura. Ir-rapport jikkalkula li fl-2010, 21 % tal-popolazzjoni urbana, kienet esposta għal livelli ta’ konċentrazzjoni ta’ PM10 ogħla mill-aktar valur ta’ limitu strett, ta’ kuljum, tal-UE, stabbilit biex iħares is-saħħa. Sa 30 % mill-popolazzjoni urbana kienet esposta għal livelli ta’ konċentrazzjoni tal-PM aktar fina, il-PM2.5, ogħla mill-valuri ta' limitu annwali (u anqas stretti) tal-UE. Skont il-livelli ta’ referenza tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO), li saħansitra huma aktar stretti minn dawk imposti mil-liġi tal-UE, sa 81 % u 95 % rispettivament tal-abitanti urbani kienu esposti għal konċentrazzjonijiet ta’ PM ogħla mill-valuri ta’ referenza stabbiliti għall-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem; prova tal-urġenza għar-reviżjoni li jmiss tal-leġiżlazzjoni dwar il-kwalità tal-arja.

L-ożonu (O3) jista' jikkawża problemi għas-sistema respiratorja u jwassal għal mortalità prematura. L-esponiment fil-bliet huwa għoli ħafna – fl-2010, 97 % tal-abitanti urbani tal-UE kienu esposti għal konċentrazzjonijiet tal-O3 ogħla mil-livell ta’ referenza tal-WHO. 17 % kienu esposti għal konċentrazzjonijiet ogħla mill-valur fil-mira tal-UE għall-O3. Fl-2009, 22 % tar-raba’ fl-Ewropa kienu esposti għal konċentrazzjonijiet qerrieda ta’ O3, li wasslu għal telf agrikolu.

Id-dijossidu tan-nitroġenu (NO2) huwa kawża ewlenija tal-ewtrofikazzjoni (tkabbir eċċessiv ta' pjanti u alka fl-ilma) u aċidifikazzjoni, u jikkontribwixxi wkoll għall-formazzjoni ta' PM u O3. FL-2010, 7 % tal-abitanti urbani Ewropej kienu esposti għal livelli ta’ NO2 ogħla mill-valuri ta’ limitu tal-UE. L-emissjonijiet nazzjonali tal-ossidi tan-nitroġenu f'ħafna pajjiżi Ewropej xorta jaqbżu l-livelli massimi tal-emissjonijiet stipulati mil-leġiżlazzjoni tal-UE, u mill-ftehimiet li saru min-Nazzjonijiet Uniti.

Il-benżo(a)piren (Bap) huwa karċinoġenu. Perċentwal konsiderevoli mill-popolazzjoni urbana tal-UE (20-29 % bejn l-2008 u l-2010) kien espost għal konċentrazzjonijiet ogħla mill-valur fil-mira tal-UE, li għandu jintlaħaq sal-2013. Għalhekk, iż-żieda fl-emissjonijiet tal-BaP fl-Ewropa fl-aħħar snin hija kwistjoni ta’ tħassib.

Id-diossidu tal-kubrit (SO2) jirrappreżenta suċċess kbir: l-emissjonijiet tnaqqsu b’mod sinifikanti fl-aħħar snin grazzi għal-leġiżlazzjoni tal-UE li timponi l-użu ta' teknoloġija li telimina l-emissjonijiet u tnaqqas il-kontenut tal-kubrit fil-fjuwils. L-2010 kienet l-ewwel sena li fiha l-popolazzjoni urbana tal-UE ma kinitx esposta għal konċentrazzjonijiet ta’ SO2 ogħla mill-valur ta’ limitu tal-UE.

• Il-konċentrazzjonijiet tal-monossidu tal-karbonju, il-benżen u l-metalli tqal (l-arseniku, il-kadmju, in-nikil, iċ-ċomb) fl-arja ta’ barra fl-UE huma normalment baxxi, lokalizzati u sporadiċi, bi ftit eċċess fil-limitu u l-valuri fil-mira stabbiliti mil-leġiżlazzjoni tal-UE.

Il-passi li jmiss

Fl-aħħar snin, l-EEA ippubblikat informazzjoni annwali dwar l-emissjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu l-arja u dwar il-qbiż tal-livelli massimi tal-emissjonijiet skont Id-Direttiva dwar il-Livelli Nazzjonali Massimi (NEC). Aktar tard din is-sena, l-EEA beħsiebha tippubblika analiżi retrospettiva dwar jekk intlaħqux il-miri tad-Direttiva NEC rigward is-saħħa u l-ambjent għall-2010.

Il-Kummissjoni Ewropea, b’konsultazzjoni mal-partijiet interessati, qed tħejji reviżjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-kwalità tal-arja b’enfasi partikolari fuq il-politiki dwar it-tniġġis tal-arja fl-2013.

Sfond

Kwalità ħażina tal-arja tista' tikkawża mard tal-qalb, problemi respiratorji, kanċer tal-pulmun, diffikultajiet fit-teħid tan-nifs u mard ieħor. Ċerti sustanzi niġġiesa, minbarra li għandhom impatt fuq il-klima, jistgħu jwasslu għal ewtrofikazzjoni, tnaqqis fir-rendiment tal-għelejjel, tnaqqis fit-tkabbir ta’ foresti. Fl-aħħar snin, l-emissjonijiet ta’ diversi sustanzi niġġiesa naqsu, u f’ċerti żoni, dan wassal għal titjib fil-kwalità tal-arja . Madanakollu, dan it-tnaqqis mhux dejjem irriżulta fi tnaqqis korrispondenti ta’ konċentrazzjonijiet ta’ sustanzi niġġiesa fl-atmosfera. Il-problemi persistenti fil-kwalità tal-arja jeħtieġu sforzi ulterjuri biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ diversi sustanzi niġġiesa.

Għal aktar tagħrif:

http://ec.europa.eu/environment/air/quality/index.htm

http://www.eea.europa.eu/mt/themes/air

Kuntatti :

Joe Hennon (+32 2 295 35 93)

Monica Westeren (+32 2 299 18 30)

L-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent:

Arthur Finn Girling (+45 29 60 43 30)

Iben Stanhardt (+45 23 36 13 81)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site