Navigation path

Left navigation

Additional tools

It-tfal Ewropej se jagħtu l-ismijiet lill-kostellazzjoni ta' satelliti tal-Galileo

European Commission - IP/11/999   01/09/2011

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea – Stqarrija għall-istampa

It-tfal Ewropej se jagħtu l-ismijiet lill-kostellazzjoni ta' satelliti tal-Galileo

Brussell, l-1 ta' Settembru 2011: It-tifel jew tifla f'kull Stat Membru li jpinġu l-aħjar tpinġija dwar l-ispazju jew l-ajrunawtika se jagħtu isimhom lil satellita tal-programm Galileo. L-ewwel żewġ satelliti li se jiġu llanċjati fl-20 ta' Ottubru se jieħdu l-ismijiet tat-tfal rebbieħa mill-Belġju (Thijs) u mill-Bulgarija (Natalia) fejn il-kompetizzjoni diġà saret aktar kmieni din is-sena1. Illum il-Kummissjoni ħabbret il-kompetizzjoni fil-25 Stati Membri l-oħra biex jingħataw l-ismijiet lis-satelliti li se jiġu llanċjati sal-2019. Jistgħu jieħdu sehem tfal ta' bejn id-9 u l-11-il sena.

Il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, Antonio Tajani, li hu responsabbli mill-politiki dwar l-industrija u l-intrapriża, qal: "Bin-navigazzjoni permezz tas-satelliti, bl-esplorazzjoni u l-osservazzjoni tal-ispazju, il-kwistjoni tal-ispazju qiegħda dejjem iżżid fl-importanza għaċ-ċittadini u għall-futur ekonomiku tagħna. Aħna rridu nħeġġu l-kreattività tat-tfal, u nixtiequ li minn età żgħira nqajmu fihom l-entużjażmu għall-ispazju u għall-opportunitajiet li joffri. Aħna għandna opportunità unika li nippremjaw din il-kreattività – billi noffru ċ-ċans lil 27 tifel u tifla li jagħtu isimhom lil satellita."

Mill-1 ta' Settembru sal-15 ta' Novembru, it-tfal li jgħixu fl-UE li twieldu fis-snin 2000, 2001 u 2002 - meta kien inbeda l-programm Galileo - huma mistiedna li jagħmlu tpinġija marbuta mal-ispazju u mal-ajrunawtika, jagħmlu skan jew ritratt diġitali tagħha u jagħmluha fil-websajt tal-kompetizzjoni. F'kull pajjiż ikun hemm ġurija nazzjonali biex tintgħażel l-aħjar tpinġija, u isem it-tifel jew it-tifla li jirbħu jingħata lil waħda mis-satelliti tal-kostellazzjoni tal-Galileo. L-illanċjar tas-satelliti se jibda jsir b'mod regolari mill-2012 sakemm tittella' l-kostellazzjoni sħiħa (li għandu jkun fiha 30 satellita). Is-sekwenza li biha s-satelliti jingħataw l-ismijiet tat-tfal se tkun skont l-ordni alfabetika tal-ismijiet tal-Istati Membri kif inhuma miktubin fil-lingwi nazzjonali.

Il-kompetizzjoni qiegħda tiġi mħabbra f'kull Stat Membru permezz ta' stqarrijiet u konferenzi tal-istampa, billi jintbagħtu l-avviżi bil-posta lill-iskejjel, lill-assoċjazzjonijiet tal-għalliema u permezz ta' portali edukattivi. Dan kollu għandu jgħin ukoll biex iqajjem l-interess u jipprovdi l-materjal lill-għalliema biex fil-lezzjonijiet tagħhom ikopru s-suġġetti tal-ispazju u tan-navigazzjoni permezz tas-satelliti.

Il-kompetizzjoni tinsab fuq http://www.galileocontest.eu/mt/competition .

Sfond

Il-Programm Galileo huwa t-tentattiv tal-Ewropa fil-qasam tan-navigazzjoni permezz tas-satelliti. Qed jistabbilixxi sistema ta' navigazzjoni globali permezz tas-satelliti li tixbaħ lill-GPS (Sistema Globali ta' Pożizzjonament). L-applikazzjonijiet tas-sistemi ta' navigazzjoni permezz tas-satelliti qed issir dejjem iżjed importanti kemm għall-kumpaniji kummerċjali kif ukoll għaċ-ċittadini individwali, u l-Galileo se jiżgura l-indipendenza tal-Ewropa f'dan il-qasam tant importanti, u se jiżgura d-disponibbiltà ta' dawn l-applikazzjonijiet.

Il-Galileo mistenni li jiġġenera EUR 90 biljun għall-ekonomija Ewropea f'perjodu ta' 20 sena f'termini ta' introjti addizzjonali għall-industrija u f'termini ta' benefiċċji pubbliċi u soċjali, mingħajr ma jitqies il-benefiċċju tal-indipendenza.

Il-Galileo se jipprovdi tliet servizzi bikrija mill-2014/2016 ibbażati fuq kostellazzjoni inizjali ta' 24 satellita: Servizz Miftuħ inizjali (2014), Servizz Pubbliku Regolat inizjali (2016), u Servizz ta' Tfittxija u Salvataġġ inizjali (2014). Servizzi oħrajn li ġejjin iktar tard se jinkludu Servizz Kummerċjali li jgħaqqad żewġ sinjali kriptati għal rata ogħla ta' twassil tad-dejta u ta' iktar preċiżjoni fl-awtentikazzjoni tad-dejta.

Għal iktar tagħrif:

Għal iktar tagħrif dwar il-Galileo:

http://ec.europa.eu/enterprise/policies/satnav/galileo

Kuntatti:

Carlo Corazza (+32 2 295 17 52)

Andrea Maresi (+32 2 299 04 03)

1 :

Il-Kompetizzjoni tal-Belġju

Il-Kompetizzjoni tal-Bulgarija


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website